FOR PREVIEWING & TESTING PURPOSES ONLY.
This notification will disappear once the page will be published.
This link is available for less than 30 minutes.
  • Faċli biex taqra
  • Daqs tat-test

Int għandek ilment kontra istituzzjoni jew korp tal-UE?

Kontenut

Lingwa attwali: 
  • Malti
Lingwi disponibbli: 

Ir-Rapport Annwali tal-2025

Daħla

Teresa Anjinho, l-Ombudswoman Ewropea

Fi Frar 2025, bdejt il-mandat tiegħi bl-impenn sod li d-difiża tad-drittijiet taċ-ċittadini madwar l-Ewropa tkun fil-qalba tax-xogħol tiegħi. Sena wara, f’Ewropa li qed tinbidel b’mod rapidu, dan l-impenn jibqa’ vitali bħal qatt qabel. Il-valuri kondiviżi tagħna u s-sistemi demokratiċi qed jiffaċċjaw sfidi sinifikanti — tensjonijiet ġeopolitiċi, tfixkil teknoloġiku, u pressjoni li dejjem qed tikber fuq il-fiduċja pubblika.

Fi żminijiet ta' inċertezza, iċ-ċittadini b'mod ġust jistennew aktar: aktar trasparenza, aktar responsabbiltà, u involviment aktar sinifikattiv. Fl-istess ħin, l-istituzzjonijiet u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet spiss isibu lilhom infushom taħt pressjoni, jinnavigaw proċeduri kumplessi filwaqt li jippruvaw iwasslu riżultati konkreti. Id-distanza bejn l-aspettattivi u l-eżiti attwali tista’ tikber malajr.

F'dan il-mument deċiżiv, ix-xogħol tal-Ombudsman Ewropew juri li mhux biss huwa rilevanti, iżda essenzjali, peress li jirrappreżenta salvagwardja fundamentali—li tħares ir-responsabbiltà u tipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini meta dan ikun l-aktar meħtieġ.

Bħala vuċi indipendenti u imparzjali, l-Uffiċċju tal-Ombudsman jgħin biex jitnaqqas id-distakk bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet. Billi nagħmlu dan, insaħħu r-rabta ta' fiduċja li mhux biss issostni l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħna, iżda tiżgura wkoll li l-proġett Ewropew jibqa' leali lejn il-valuri u l-prinċipji fundamentali tiegħu.

L-inkjesta Omnibus I turi b’mod ċar l-isfidi li qed jiġu ffaċċjati fit-teħid ta’ deċiżjonijiet relatati mal-kuntest Ewropew fi klima ta’ ġestjoni permanenti ta’ kriżijiet. Hekk kif it-tfassil tal-politika tal-UE jaċċellera b’rispons għal pressjonijiet ġeopolitiċi u teknoloġiċi, l-urġenza ssir in-norma. Madankollu, ma jistax ikollna veloċità għad-detriment tal-leġittimità. Is-sejbiet tiegħi wrew li l-azzjoni leġiżlattiva rapida u r-rispett għall-prinċipji ewlenin tal-UE għandhom jimxu id f’id. Liġijiet aktar rapidi għadhom jirrikjedu pedamenti demokratiċi sodi.

Il-promozzjoni u s-salvagwardja ta' amministrazzjoni tajba huma ċentrali biex dawn l-isfidi jiġu indirizzati. Il-laqgħat tiegħi fl-2025 mal-Kapijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE immarkaw pass importanti biex jissaħħaħ approċċ orjentat lejn is-soluzzjonijiet. Permezz ta’ djalogu kostruttiv u bbażat fuq il-fiduċja, aħna nappoġġaw lill-istituzzjonijiet biex jiksbu r-riżultati filwaqt li jħarsu l-parteċipazzjoni, it-trasparenza u r-responsabbiltà — l-istandards essenzjali ta’ prattika amministrattiva b’saħħitha.

It-trasparenza hija komponent fundamentali ieħor ta' amministrazzjoni tajba. Porzjon sinifikanti tax-xogħol tagħna jiffoka fuq l-iżgurar tal-aċċess pubbliku għal dokumenti, li jippermetti liċ-ċittadini jsegwu u jiskrutinizzaw il-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Hawnhekk, għad hemm bżonn ta’ titjib, b’mod partikolari fl-indirizzar f’waqtu u konsistenti ta’ talbiet għall-aċċess. It-tisħiħ ta' dawn il-prattiki jwassal għal titjib fir-responsabbiltà u fil-fiduċja pubblika.

Filwaqt li l-uffiċċju tagħna kien qed jiċċelebra tliet deċennji ta' servizz fl-2025, kellna quddiemna wkoll għadd rekord ta' ilmenti. Din iż-żieda tista' tirrifletti aktar sensibilizzazzjoni kemm tar-rwol tagħna kif ukoll tad-drittijiet taċ-ċittadini skont il-liġi tal-UE. Tirrifletti wkoll żviluppi usa' tal-era diġitali: aktar aċċessibbiltà għall-proċessi amministrattivi, l-aspettattivi li qed jevolvu fir-rigward tar-rispons, u l-impatt li dejjem qed jikber tal-intelliġenza artifiċjali fuq l-amministrazzjoni pubblika. Din id-dinamika ġġib magħha opportunitajiet importanti, iżda wkoll talbiet ġodda.

Il-predeċessuri tiegħi spiss iddeskrivew dan l-uffiċċju bħala istituzzjoni żgħira b'mandat kbir. Dan il-mandat issa huwa mfassal mill-istrateġija li adottajt, li hija mibnija fuq tliet pilastri: is-smigħ bir-reqqa tal-ilmenti taċ-ċittadini, l-użu tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħna b’ġudizzju sod u effiċjenza, u t-tisħiħ tas-sħubiji li jsaħħu l-kwalità tal-amministrazzjoni tal-UE. Flimkien, dawn il-prijoritajiet jiffurmaw il-bażi tax-xogħol tagħna li qed jibni pont kostruttiv bejn l-Ewropej u l-istituzzjonijiet tal-UE.

L-eċċellenza operazzjonali hija komponent ċentrali ieħor ta’ din l-istrateġija. Fl-2026, se niffukaw fuq l-adattament tal-organizzazzjoni interna tagħna għall-ħtiġijiet li qed jevolvu, it-tisħiħ tal-kapaċità tagħna fl-intelliġenza artifiċjali, u l-iżgurar li salvagwardji xierqa jakkumpanjaw l-iżviluppi teknoloġiċi.

Il-komunikazzjoni ċara tibqa’ ugwalment essenzjali. Aħna naġixxu dejjem aktar bħala “tradutturi kwalifikati” bejn l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini, billi nispjegaw proċessi amministrattivi kumplessi b’lingwa aċċessibbli. Il-promozzjoni ta’ lingwaġġ sempliċi mhijiex għażla ta’ stil. Iżda hija kwistjoni ta’ aċċessibbiltà u ġustizzja.

Fl-aħħar nett, l-impenn tagħna jsawwar ukoll ix-xogħol tagħna fi ħdan in-Network Ewropew tal-Ombudsmen, li jien kburija li nikkoordina. Il-kooperazzjoni tagħna madwar l-Ewropa ssaħħaħ l-istandards amministrattivi u trawwem it-tagħlim kondiviż. Hekk kif inħejju biex infakkru t-30 anniversarju tan-Network fl-2026, se nużaw dan l-istadju importanti biex nenfasizzaw il-kontribut kollettiv tagħna għall-ħarsien ta’ amministrazzjoni tajba madwar l-Ewropa.

Hekk kif nimxu 'l quddiem lejn is-sena 2026, ir-responsabbiltà tagħna bħala gwardjani tal-ekwità, it-trasparenza u r-responsabbiltà qed tiġi ttestjata minn diversi sfidi li jirrikjedu viġilanza u tmexxija. Għandna nkomplu nippromwovu l-amministrazzjoni tajba, mhux bħala ideali astratta, iżda bħala l-pedament ta' Unjoni li tisma' liċ-ċittadini tagħha.

“Fl-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew, se nsaħħu d-determinazzjoni tagħna, il-kooperazzjoni u l-impenn bla waqfien lejn il-valuri Ewropej kondiviżi tagħna biex inħarsu d-demokrazija – f’kull ilment, kull soluzzjoni u kull deċiżjoni.”

Firma ta’ Teresa Anjinho

Teresa Anjinho, l-Ombudswoman Ewropea

1. Strateġija

Nibnu l-fiduċja, nixprunaw il-bidla

L-istrateġija tal-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew għall-2025-2029

F’Novembru l-Ombudswoman Ewropea ppubblikat l-istrateġija tagħha għall-Uffiċċju għas-snin 2025-2029. Din l-istrateġija se tiggwida l-azzjonijiet tal-Uffiċċju, mill-indirizzar tal-ilmenti sal-attivitajiet esterni, il-komunikazzjoni, u l-amministrazzjoni interna tiegħu.

Hemm erba’ objettivi ġenerali – l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini, it-twettiq ta’ bidla pożittiva, it-tisħiħ tas-sħubijiet, u t-trawwim tal-kwalità u l-effiċjenza operazzjonali:

  • Għoti tas-setgħa liċ-ċittadini: Tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar ir-rwol tal-l-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew fost iċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili kif ukoll jiġi żgurat li l-vuċi tagħhom tinstema’ u li d-drittijiet tagħhom jiġu rrispettati.
  • Twettiq ta’ bidla pożittiva: Tiġi xprunata l-bidla istituzzjonali u tissaħħaħ l-amministrazzjoni tajba permezz tal-promozzjoni tal-ekwità, l-integrità, it-trasparenza u l-fiduċja.
  • Tisħiħ tas-sħubijiet: Jintlaħqu u jitrawmu relazzjonijiet kollaborattivi mal-partijiet ikkonċernati li jistgħu jappoġġaw u jsaħħu l-effettività tal-Uffiċċju tal-Ombudsman biex jiġu protetti d-drittijiet taċ-ċittadini u tiġi promossa amministrazzjoni tajba.
  • Trawwim tal-kwalità u l-effiċjenza operazzjonali: Jiġi promoss Uffiċċju tal-Ombudsman li jħares ’il quddiem, ikun adattabbli u ffukat fuq is-servizz, kif ukoll jagħti eżempju tal-aħjar prattiki, iħaddan l-innovazzjoni u jibqa’ reattiv għat-tendenzi u l-ħtiġijiet li qed jevolvu.
Erba’ objettivi tal-istrateġija tal-Uffiċċju tal-Ombudsman

Dawn huma mirfuda mill-prinċipji u l-valuri tal-uffiċċju, inklużi t-trattament ġust u ekwu tal-persuni u tal-organizzazzjonijiet, il-ħarsien tal-ogħla standards ta' kondotta professjonali, u l-promozzjoni tad-djalogu kostruttiv u l-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet u l-partijiet ikkonċernati.

L-implimentazzjoni tal-istrateġija se tiġi mmonitorjata permezz ta' pjan annwali flimkien ma' għanijiet annwali li jistgħu jitkejlu, biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi u l-prijoritajiet.

2. Daqqa t’għajn lejn l-2025

Każijiet ewlenin

Revolving doors
L-ewwel inkjesta fuq inizjattiva proprja li tnediet mill-Ombudswoman tiffoka fuq kif l-aġenziji tal-UE jġestixxu r-revolving doors. Billi l-aġenziji jikkontribwixxu għall-politiki li jikkonċernaw kwistjonijiet minn mediċini sa sigurtà tal-ikel u d-difiża, huwa importanti li r-regoli li jirregolaw il-movimenti tal-persunal tal-UE lejn is-settur privat jiġu implimentati b'mod xieraq.

Teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod urġenti
Fost il-kwistjonijiet ewlenin eżaminati mill-Ombudswoman fl-2025 kien kif tiġi żgurata r-responsabbiltà meta jittieħdu deċiżjonijiet b'mod urġenti. Tliet inkjesti esploraw din il-kwistjoni, li kienet relatata ma’ proposti leġiżlattivi għas-simplifikazzjoni tar-regoli għall-bdiewa, għas-simplifikazzjoni tar-regoli dwar is-sostenibbiltà korporattiva, u għall-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti.

Intelliġenza Artifiċjali
Suġġett ewlieni ieħor ta' inkjesti fl-2025 kien jikkonċerna l-intelliġenza artifiċjali, inkluż kif il-Kummissjoni Ewropea tiżgura trasparenza, inklużività u responsabbiltà fl-adozzjoni ta' standards armonizzati fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali.

Statistiċi fil-qosor

3 490
ilment ġdid indirizzati; żieda ta' 54 % meta mqabbla mas-sena 2024

492
inkjesta miftuħa: żieda ta' 19 % meta mqabbla mas-sena 2024

35 %
tal-inkjesti kienu relatati ma' kwistjonijiet ta' trasparenza

Diskorsi fil-fokus

“L-ombudsmen mhumiex biss dawk il-persuni li jindirizzaw l-ilmenti jew li jsolvu l-problemi. Aħna instigaturi u edukaturi.”

Diskors ta’ merħba għall-konferenza tan-Network Ewropew tal-Ombudsmen tal-2025

“[…] id-drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà mhumiex drittijiet speċjali. Huma għandhom drittijiet ugwali […]”

Billi naħdmu flimkien — billi ninsistu fuq it-trasparenza, l-ekwità u r-responsabbiltà — insaħħu l-istat tad-dritt.

Il-monitoraġġ tal-konformità mal-istat tad-dritt mill-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew

Aspetti ewlenin tas-sena

Ġurament tal-kariga quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (Frar)
It-30 anniversarju tal-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew (Settembru)
Konferenza Annwali Ewropea tan-Network tal-Ombudsmen (Novembru)

3. Suġġetti ewlenin

L-Uffiċċju tal-Ombudsman jgħin lill-persuni, lin-negozji jew lill-organizzazzjonijiet li jkunu qed jiffaċċjaw problemi bl-amministrazzjoni tal-UE. Dawn jistgħu jinkludu diffikultajiet rigward il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tad-deċiżjoni, dewmien jew rifjut fil-provvista ta' aċċess għal dokumenti, kwistjonijiet ta' integrità, ksur tad-drittijiet fundamentali, u kwistjonijiet kuntrattwali. It-taqsimiet li ġejjin jipprovdu ħarsa ġenerali lejn l-inkjesti ewlenin relatati ma’ oqsma partikolari.

3.1. Teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod parteċipattiv

It-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod parteċipattiv kien kwistjoni ewlenija għall-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew fl-2025 peress li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ressqu lmenti dwar il-mod kif il-Kummissjoni Ewropea ssimplifikat il-leġiżlazzjoni eżistenti jew introduċiet leġiżlazzjoni ġdida biex tissodisfa prijoritajiet ta’ politika ġodda.

Rakkomandazzjoni rigward Omnibus I, il-Politika Agrikola Komuni (PAK), u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti

F’Novembru, l-Ombudswoman ħarġet sejba dwar amministrazzjoni ħażina wara li ġew identifikati għadd ta’ nuqqasijiet proċedurali fil-mod kif tħejjew erba’ partijiet ta’ leġiżlazzjoni. L-abbozzi leġiżlattivi kienu jikkonċernaw ir-rappurtar korporattiv dwar is-sostenibbiltà għall-kumpaniji, il-Politika Agrikola Komuni (PAK), u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti.

L-inkjesta sabet li, fit-tħejjija ta' dawn il-proposti leġiżlattivi, il-Kummissjoni ma kinitx konformi ma' ċerti partijiet mir-regoli proprji tagħha dwar regoli għal Regolazzjoni Aħjar, li huma maħsuba biex jiżguraw li l-proċess ta’ tfassil tal-liġijiet ikun ibbażat fuq l-evidenza, it-trasparenza u l-inklużività.

In-nuqqasijiet proċedurali identifikati fl-inkjesti tal-Ombudswoman kienu jinkludu nuqqas ta' ġustifikazzjoni sħiħa tal-urġenza tal-proposti leġiżlattivi għall-pubbliku u nuqqas ta' dokumentazzjoni tar-raġunament għad-devjazzjoni mir-regoli interni dwar it-tfassil ta’ liġijiet. Kien hemm ukoll problemi oħra speċifiċi għal kull proposta leġiżlattiva.

F'żewġ rakkomandazzjonijiet li jħarsu 'l quddiem indirizzati lill-Kummissjoni, l-Ombudswoman talbet biex il-Kummissjoni tiżgura applikazzjoni prevedibbli, konsistenti u mhux arbitrarja tar-regoli ta’ Regolamentazzjoni Aħjar, u li t-tħejjija urġenti futura ta' proposti leġiżlattivi tkun dejjem trasparenti, ibbażata fuq l-evidenza u inklużiva.

L-Ombudswoman għamlet ukoll għadd ta’ suġġerimenti fid-dawl tar-reviżjoni li jmiss tar-regoli dwar Regolamentazzjoni Aħjar. Dawn jinkludu li jiġu kkjarifikati l-istandards minimi għall-konsultazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati fi proċeduri urġenti u li l-valutazzjonijiet klimatiċi għandhom jitwettqu għall-proposti leġiżlattivi kollha.

L-Ombudswoman talbet lill-Kummissjoni tibgħat risposta dettaljata għar-rakkomandazzjoni tagħha sal-25 ta’ Frar 2026.

L-Ombudswoman tilqa' d-deċiżjoni tal-BEI li b'mod proattiv tippubblika aktar data ambjentali u soċjali.

Wara inkjesta mill-Uffiċċju tal-Ombudsman, il-Bank Ewropew ta' Investiment (BEI) qal li se jibda jippubblika l-valutazzjonijiet ambjentali u soċjali tiegħu għal proġetti li jkunu jinsabu barra mill-Unjoni Ewropea u li x'aktarx ikun se jkollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent, qabel l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet ta' finanzjament mill-Bord tad-Diretturi tiegħu. Dan għandu jippermetti lill-pubbliku biex jipparteċipa b'mod aktar sinifikanti fil-valutazzjoni tal-aspetti ambjentali u soċjali ta’ proġetti li l-BEI ikun qed jikkunsidra l-finanzjament tagħhom.

Il-miżuri ġew implimentati wara inkjesta li kienet tikkonċerna r-rifjut tal-Bank li jagħti aċċess pubbliku għall-valutazzjoni ambjentali u soċjali ta' proġett f'Nairobi, Kenja, kif ukoll il-prattika ġenerali tiegħu li jippubblika tali informazzjoni wara li jkunu ttieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament. L-Ombudswoman laqgħet il-miżuri l-ġodda.


3.2. Responsabbiltà fit-teħid ta’ deċiżjonijiet

Inkjesta li tikkonċerna l-iżvilupp ta' standards tal-UE fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali

L-Ombudswoman fetħet inkjesta dwar il-mod kif il-Kummissjoni Ewropea tiżgura t-trasparenza, l-inklużività u r-responsabbiltà fl-adozzjoni ta’ standards armonizzati fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali (IA). L-ilmentatur, organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, kien imħasseb mill-fatt li l-korpi tal-istandardizzazzjoni responsabbli għall-iżvilupp tal-istandards għall-Kummissjoni – il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) – mhumiex meħtieġa jiżvelaw pubblikament informazzjoni dwar l-individwi li jkunu qed jaħdmu dwarhom u ma jippubblikawx il-minuti tal-laqgħat tagħhom. L-ilmentatur argumenta wkoll li l-Kummissjoni kienet naqset milli tiżgura rappreżentazzjoni bilanċjata tal-interessi fil-proċess ta' standardizzazzjoni. Il-Kummissjoni talbet lill-korpi ta' standardizzazzjoni biex joħolqu standards armonizzati u jiżguraw li jkunu se jikkontribwixxu għall-minimizzazzjoni tar-riskji li jirriżultaw mill-IA f’dak li jirrigwarda s-sigurtà u d-drittijiet fundamentali. L-Ombudswoman staqsiet lill-Kummissjoni dwar il-kompożizzjoni tal-grupp li qed iħejji l-istandards, ir-regoli tat-trasparenza applikati mill-korpi ta' standardizzazzjoni, il-mod kif il-Kummissjoni tiġġestixxi u timmonitorja l-proċess ta' standardizzazzjoni, u kif se tirrieżamina l-eżiti.

Il-Kummissjoni tonqos milli tindirizza d-dewmien fil-proċedura ta' awtorizzazzjoni għall-kimiċi.

L-Ombudswoman għalqet l-inkjesta tal-Uffiċċju tagħha dwar il-mod kif il-Kummissjoni Ewropea tiddeċiedi rigward l-applikazzjonijiet minn kumpaniji għal awtorizzazzjonijiet għal sustanzi kimiċi partikolarment perikolużi u kkonkludiet li kienet naqset milli tindirizza l-kwistjoni ta’ dewmien fit-tul fil-proċess. L-Uffiċċju tal-Ombudsman kien sab amministrazzjoni ħażina fl-2024 u talab lill-Kummissjoni biex tnaqqas iż-żmien twil meħtieġ biex tħejji d-deċiżjonijiet preliminari ta' awtorizzazzjoni skont ir-Regolament tal-UE dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH).

Madankollu, ir-rispons tal-Kummissjoni ma indirizzax ir-rakkomandazzjoni mill-Uffiċċju tal-Ombudsman biex il-proċeduri interni fit-tul tagħha jiġu rieżaminati, u lanqas ma aċċetta r-rakkomandazzjoni li applikazzjonijiet li ma jkunx fihom biżżejjed informazzjoni jiġu miċħuda minnufih sabiex dawk il-kumpaniji ma jkunux jistgħu jużaw is-sustanzi perikolużi fl-UE.

L-Ombudswoman affermat li l-Kummissjoni teħtieġ li tieħu passi ulterjuri biex timplimenta b'mod sħiħ l-għanijiet tar-Regolament REACH u l-ġurisprudenza reċenti, biex tevita dewmien fit-tul fil-ġestjoni tar-riskju ta' sustanzi kimiċi.


3.3. Trasparenza

Il-kwistjonijiet ta’ trasparenza, u b’mod partikolari t-talbiet għall-aċċess għal dokumenti, komplew jirrappreżentaw l-akbar proporzjon (35 %) tal-inkjesti fl-2025. L-Ombudswoman għandha l-għan li tiżgura li l-liġi li tirregola l-aċċess għal dokumenti tal-UE (ir-Regolament 1049/2001) tiġi applikata b'mod rigoruż u ġust mill-amministrazzjoni tal-UE. Dan ifisser li dawk li jitolbu dokumenti għandhom jiksbu d-dokumenti li qed ifittxu b’mod f’waqtu, jew jirċievu ġustifikazzjonijiet raġonevoli għalfejn l-aċċess ma ngħatax.

Ir-rifjut tal-Kummissjoni Ewropea li tagħti aċċess pubbliku għal rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju minn X

Billi l-Att dwar is-Servizzi Diġitali huwa biċċa ewlenija tal-leġiżlazzjoni tal-UE biex jistabbilixxi responsabbiltà fis-servizzi diġitali u jiżgura ambjent online sigur għall-utenti, l-Ombudswoman sabet amministrazzjoni ħażina fir-rifjut tal-Kummissjoni Ewropea li tanalizza l-valutazzjoni tar-riskju tal-pjattaforma tal-media soċjali X għal żvelar. Meta ġurnalist talab aċċess għar-rapport ta’ X, il-Kummissjoni rrifjutat, billi argumentat li ġeneralment jista’ jiġi preżunt li l-iżvelar jista’ jimmina l-interessi kummerċjali tal-kumpanija kif ukoll inkjesta li għaddejja dwar il-konformità tagħha mal-Att dwar is-Servizzi Diġitali. L-Ombudswoman sabet li kien mhux raġonevoli li l-Kummissjoni tapplika preżunzjoni ġenerali ta' nuqqas ta' żvelar. Filwaqt li X innifisha wettqet ir-rapport pubbliku b’redazzjonijiet, l-Ombudswoman irrakkomandat li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni individwali tad-dokument għall-iżvelar. L-Ombudswoman talbet li l-valutazzjoni għandha l-għan li tagħti lill-ġurnalist l-aktar aċċess wiesa’ possibbli, possibbilment inkluż għar-redazzjonijiet li saru mill-kumpanija.

Inkjesta dwar il-mod kif il-Kummissjoni indirizzat it-talba għal aċċess għal messaġġ testwali li jikkonċerna n-negozjati tal-Mercosur

L-Ombudswoman fetħet inkjesta dwar il-mod kif il-Kummissjoni indirizzat talba għall-aċċess għal dokumenti għal messaġġ testwali li rċieva l-President tagħha mill-President Franċiż rigward in-negozjati kummerċjali mal-pajjiżi tal-Mercosur. Il-Kummissjoni spjegat lill-ilmentatur, ġurnalist, li skont ir-regoli interni fis-seħħ, kienet ikkonkludiet li ma kien hemm l-ebda obbligu li tirreġistra l-messaġġ testwali inkwistjoni. Barra minn hekk, il-karatteristika tal-“messaġġi temporanji” kienet attivata fuq it-telefon tal-President. L-Uffiċċju tal-Ombudsman talab li jiġu rieżaminati d-dokumenti li jagħtu dettalji dwar il-passi li ttieħdu mill-Kummissjoni fl-indirizzar ta’ din it-talba għal aċċess. L-Uffiċċju talab ukoll li jiġu rieżaminati dokumenti li jispjegaw il-politiki tal-Kummissjoni dwar l-użu korporattiv tal-mobile u dwar il-ħażna ta' messaġġi testwali u messaġġi istantanji.

Dewmien fl-indirizzar ta’ talbiet għall-aċċess għal dokumenti

Fl-2025, kienu għadhom qed jaslu mistoqsijiet li jikkonċernaw id-dewmien fit-tul mill-Kummissjoni fl-indirizzar ta’ talbiet għall-aċċess, inkluża talba li kienet tikkonċerna l-minuti tal-laqgħa tal-Grupp ta' Kooperazzjoni tan-Networks u tas-Sistemi ta' Informazzjoni, grupp ospitat mill-Kummissjoni biex jiġu diskussi kwistjonijiet ta' sigurtà ċibernetika. Għalkemm il-Kummissjoni fl-aħħar mill-aħħar tat aċċess wiesa’ għad-dokumenti inkwistjoni, hija rrispondiet għat-talba tal-ilmentatur għal rieżami tad-deċiżjoni inizjali tagħha (applikazzjoni konfermatorja) biss wara li kienet għaddiet kważi sena.

Xprunar tal-bidla pożittiva

Matul is-sena, bosta inkjesti tal-Uffiċċju tal-Ombudsman wasslu għal titjib fl-aċċess għan-nies u għall-organizzazzjonijiet li talbu d-dokumenti.

1.Każ wieħed kien jikkonċerna talba għal aċċess pubbliku għal dokumenti relatati mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-applikazzjoni tal-“proċedura tal-istat tad-dritt” fl-Ungerija. Il-Kummissjoni identifikat 14-il dokument bħala dokumenti li jaqgħu fi ħdan l-ambitu tat-talba u żvelat kollox ħlief partijiet minn 3 dokumenti. B’segwitu għal intervent tal-Ombudswoman, il-Kummissjoni tat aċċess sħiħ għad-dokumenti li ntalbu.

2.Inkjesta li kienet tikkonċerna l-Aġenzija Ewropea għall-Ażil (EUAA) wasslet biex l-aġenzija, minflok ma ppermettiet l-aċċess għal 2 dokumenti minn 76 dokumenti relatati ma’ kundizzjonijiet ta' akkoljenza f'bosta faċilitajiet tal-ġestjoni tal-migrazzjoni Ċiprioti, ippermettiet l-aċċess għal 64 mill-bqija tad-dokumenti.

3.Żewġ inkjesti relatati mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) wasslu biex l-aġenzija tagħti aċċess usa’ għall-iskambji li kellha mal-Kummissjoni dwar proposta għal regolament għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online (CSAM) u għall-emails li skambjat ma’ organizzazzjoni li taħdem biex tiġġieled kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online.

4.L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Ċibernetika (ENISA) aġġornat il-politika interna tagħha dwar il-mod kif tindirizza t-talbiet għall-aċċess pubbliku għal dokumenti biex tiżgura li lil dawk li jitolbu d-dokumenti jingħataw lista tad-dokumenti li ENISA tidentifika f'każijiet fejn ma jingħatax aċċess jew jingħata biss aċċess limitat ħafna. It-titjib, li l-Ombudswoman qieset bħala faċli għaċ-ċittadini, segwa inkjesta relatata ma’ talba għal aċċess għal dokumenti li kienet tikkonċerna inkjesta mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) dwar imġiba ħażina minn wieħed mill-membri tal-persunal tal-ENISA.

3.4. Standards ta’ integrità

Il-mod kif l-aġenziji tal-UE jindirizzaw każijiet ta' “revolving door”

L-Ombudswoman fetħet inkjesta fuq inizjattiva proprja dwar l-indirizzar ta’ “revolving doors” mill-aġenziji tal-UE. Dawn l-aġenziji jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE f’firxa wiesgħa ta’ oqsma. L-inkjesta hija ffukata fuq 15-il aġenzija li x-xogħol tagħhom jinvolvi kuntatt sinifikanti mas-settur privat u qed tistħarreġ il-mod kif dawn ġestew każijiet reċenti ta' revolving doors li jikkonċernaw membri tal-bordijiet ta' ġestjoni u persunal anzjan. L-aġenziji ntalbu wkoll informazzjoni dwar il-politiki li għandhom fis-seħħ għall-ġestjoni ta' każijiet bħal dawn, inklużi r-regoli dwar l-attivitajiet intenzjonati wara l-mandat u wara s-servizz, kif ukoll il-kriterji u l-gwida użati biex jiġu vvalutati r-restrizzjonijiet wara l-impjieg.

L-inkjesta tibni fuq xogħol preċedenti b'inizjattiva proprja tal-Uffiċċju tal-Ombudsman dwar il-mod kif il-Kummissjoni Ewropea tiġġestixxi t-trasferimenti tal-persunal tal-UE għal xogħol relatat fis-settur privat. L-għan huwa li jiġi żgurat li jkun hemm fehim komuni ta’ x’inhuma revolving doors u li r-regoli għall-mitigazzjoni ta’ sitwazzjonijiet potenzjali ta’ kunflitti ta’ interess jiġu applikati b’mod uniformi. Ir-riżultati tal-inkjesta huma mistennija fil-bidu tas-sena 2026.

Revolving doors fil-Kummissjoni Ewropea

Fix-xogħol tiegħu dwar ir-revolving doors matul is-snin, l-Uffiċċju tal-Ombudsman wissa lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-importanza tal-ġestjoni ta’ din il-kwistjoni b’mod qawwi u koerenti. Fl-2025, dan l-effett sar evidenti meta l-Kummissjoni wettqet valutazzjoni robusta ta’ jekk eks uffiċjal tal-UE mid-dipartiment tagħha tal-kompetizzjoni setax jaħdem fuq każ speċifiku ta’ kompetizzjoni indirizzat mill-Kummissjoni għall-impjegatur il-ġdid tagħhom. Wara l-valutazzjoni tagħha, li fiha ġew eżaminati kunflitti ta' interess reali, potenzjali u perċepiti, il-Kummissjoni ikkonkludiet li l-eks membru tal-persunal ma għandux jaħdem fuq il-każ inkwistjoni. L-Ombudswoman laqgħet dan l-approċċ fid-deċiżjoni tagħha li tagħlaq inkjesta rigward din il-kwistjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea ttejjeb il-miżuri dwar il-kunflitt ta' interess għall-esperti li jevalwaw il-proġetti tal-Fond Ewropew għad-Difiża.

Wara inkjesta separata, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ miżuri biex tiżgura li l-esperti esterni li jevalwaw il-proposti tal-proġetti għall-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) ma jkollhom l-ebda kunflitt ta’ interess. Il-miżuri jinkludu li l-kandidati esperti jintalbu biex jelenkaw il-membri tal-familja tagħhom li għandhom rabtiet mal-industrija tad-difiża u biex jiddeskrivu l-investimenti finanzjarji diretti tagħhom f'kumpaniji tad-difiża. Passi oħra kienu jinkludu t-tisħiħ tal-għodda IT għall-ġestjoni tal-evalwazzjoni tal-proposti tal-EDF, sabiex tkun tista' tfittex awtomatikament dettalji dwar kunflitt potenzjali ta' interess lil hinn mill-informazzjoni diġà mogħtija mill-esperti stess. L-Ombudswoman laqgħet il-miżuri l-ġodda.

Il-Kummissjoni Ewropea timplimenta miżuri għal vjaġġi ta' xogħol tal-persunal imħallsa minn terzi.

Inkjesta ulterjuri wasslet biex il-Kummissjoni timplimenta miżuri biex tiżgura li vjaġġi ta’ xogħol tal-persunal imħallsa minn terzi ma jwasslux għal kunflitti ta' interess. Il-Kummissjoni qablet li tirreġistra n-natura ta’ partijiet terzi li jħallsu għal vjaġġi ta’ xogħol tal-persunal u l-ispejjeż imġarrba minnhom, kif ukoll il-valutazzjonijiet tagħha ta’ kunflitti ta’ interess potenzjali u perċepiti. L-inkjesta kienet eżaminat il-mod kif il-Kummissjoni vvalutat u mitigat kunflitti potenzjali ta' interess relatati ma' vjaġġi ta' xogħol, wara li ġie żvelat li direttur ġenerali preċedenti tal-Kummissjoni ivvjaġġa lejn il-Qatar u rċieva ospitalità mħallsa minn terzi. L-Ombudswoman laqgħet b'mod pożittiv l-involviment kostruttiv tal-Kummissjoni f'din il-kwistjoni.


3.5. Drittijiet fundamentali

Monitoraġġ tal-fondi tal-UE mogħtija fil-kuntest ta' operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-fruntieri

L-Uffiċċju tal-Ombudsman għalaq inkjesta dwar il-mod kif il-Kummissjoni Ewropea tiżgura konformità mad-drittijiet fundamentali fil-kuntest ta’ fondi tal-UE mogħtija lill-Greċja għall-ġestjoni tal-fruntieri fil-bidu tal-2025 u għamel xi suġġerimenti għal titjib. B'mod partikolari, l-Ombudswoman ħeġġet lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi linji gwida għall-valutazzjoni tal-konformità mad-drittijiet fundamentali matul il-kors tal-implimentazzjoni tal-programm. Kien hemm ukoll suġġerimenti dwar it-trasparenza tal-proċess ta’ monitoraġġ u l-miżuri biex jissaħħaħ l-involviment tas-soċjetà ċivili.

B'rispons għas-suġġerimenti, il-Kummissjoni qalet li se tkompli taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet Griegi biex tiżgura sistema robusta għall-monitoraġġ tal-inkjesti li jikkonċernaw allegazzjonijiet ta' ksur tad-drittijiet fundamentali u biex tiżgura s-segwitu meħtieġ. Qalet ukoll li kienet se titlob lill-awtoritajiet Griegi biex jippubblikaw dokumenti rilevanti oħra biex tiġi żgurata aktar trasparenza u tintalab parteċipazzjoni aktar sinifikanti għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-Memorandum ta' Ftehim bejn l-UE u t-Tuneżija

B'rispons għal inkjesta mill-Uffiċċju tal-Ombudsman dwar il-mod kif il-Kummissjoni beħsiebha tiżgura r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-Memorandum ta' Ftehim bejn l-UE u t-Tuneżija, il-Kummissjoni qalet li se tħeġġeġ lid-delegazzjonijiet rilevanti tal-UE, lis-sħab tal-implimentazzjoni u lill-pajjiżi sħab biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li d-drittijiet fundamentali jiġu rrispettati, inkluż billi jistabbilixxu mekkaniżmi ta' lmenti biex jirċievu allegazzjonijiet dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

Iż-żmien li jittieħed mill-Kummissjoni Ewropea biex tikkonkludi proċedura ta' ksur

L-Ombudswoman sabet amministrazzjoni ħażina fiż-żmien li ttieħed mill-Kummissjoni biex tikkonkludi proċedura ta’ ksur – li nfetħet fl-2016 – kontra Spanja dwar il-konformità tagħha mar-regoli tal-UE dwar storbju ambjentali. Is-sejba segwiet ilment minn grupp ta’ ċittadini kkonċernati mill-istorbju tal-ajruporti fi Spanja. L-Ombudswoman sabet li kien hemm perjodu ta' tliet snin li ma wera l-ebda ħjiel ta' kwalunkwe azzjoni meħuda mill-Kummissjoni. L-Ombudswoman innotat li, minħabba l-implikazzjonijiet kbar għas-saħħa pubblika, kienet tistenna li l-Kummissjoni tindirizza l-proċedura ta' ksur bħala kwistjoni ta' prijorità.

Nuqqas li tiġi pprovduta informazzjoni ċara dwar l-iskadenza applikabbli għas-sottomissjoni ta’ lment

B’segwitu għal inkjesta, l-Ombudswoman talbet lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) biex fil-futur jiżgura li meta jinforma lil persuna kkonċernata dwar l-għeluq ta’ inkjesta, jipprovdi informazzjoni f’waqtha u ċara dwar il-possibbiltà li tista’ tirrikorri għand il-Kontrollur ta’ Garanziji Proċedurali. Dan is-suġġeriment sar wara li l-inkjesta wriet li l-OLAF naqas milli jipprovdi informazzjoni ċara lid-ditta kkonċernata dwar l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ lment. Dan kien ifisser li l-kumpanija ssottomettiet l-ilment wara l-iskadenza, u l-Kontrollur irrifjutah.


3.6. Persunal tal-UE

Matul l-2025, l-Ombudswoman indirizzat għadd ta’ lmenti li kienu jikkonċernaw lill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO). F’bosta inkjesti, l-Ombudswoman sabet li l-EPSO kien aġixxa b’mod raġonevoli, iżda f’inkjesta waħda sabet amministrazzjoni ħażina għall-mod kif indirizza lment relatat ma’ kwistjonijiet tekniċi matul l-ittestjar mill-bogħod fi proċedura ta’ selezzjoni tal-persunal. F’inkjesta oħra, l-Ombudswoman issuġġeriet li fil-futur l-EPSO għandu jagħti risposti ċari u kompleti lill-kandidati li jkunu talbu rieżami. Ir-risposta għandha tinfurmahom jekk ikunx sar rieżami u dwar ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tal-EPSO. F’inkjesta ulterjuri, l-Ombudswoman sabet amministrazzjoni ħażina għall-mod kif l-EPSO indirizza talba minn kandidata li kienet welldet f’dak iż-żmien u xtaqet skedar mill-ġdid għat-test orali.

Indirizzar ta’ allegazzjonijiet ta' fastidju

Fl-2025, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) qal li se jimplimenta s-suġġerimenti mill-Uffiċċju tal-Ombudsman dwar il-mod kif jista’ jsir titjib fl-inkjesti tiegħu rigward allegazzjonijiet ta' fastidju. Dan isegwi deċiżjoni li ttieħdet fis-sena preċedenti li fiha l-Uffiċċju tal-Ombudsman sab amministrazzjoni ħażina f’dak li jirrigwarda ż-żmien li ħa l-OLAF – kważi tliet snin – biex jikkonkludi inkjesta rigward allegat fastidju minn membru tal-persunal f'aġenzija tal-UE. Fil-risposta tiegħu lill-Uffiċċju tal-Ombudsman, l-OLAF qal li jaqbel li jeħtieġ regoli dedikati dwar inkjesti rigward allegazzjonijiet ta' fastidju u li beħsiebu joħroġ gwida interna dwar l-aħjar prattiki u standards għal dawn l-inkjesti.


3.7. Għotjiet u kuntratti

Amministrazzjoni ħażina fl-indirizzar ta’ applikazzjoni għal għotja u tħassib dwar kunflitt ta’ interess potenzjali

B’segwitu għal inkjesta, l-Ombudswoman talbet lill-Kummissjoni Ewropea biex fil-futur tevita rifjut ta’ applikazzjoni għal għotja fuq bażi ta' żball klerikali ċar. Is-sejbiet ġew identifikati wara li l-Kummissjoni rrifjutat applikazzjoni għal għotja – minflok talbet kjarifiki – minħabba li l-applikant talab finanzjament tal-UE ogħla mill-perċentwal massimu permess skont is-sejħa. L-Ombudswoman sabet ukoll li l-Kummissjoni ma vvalutatx b'mod adegwat l-allegazzjonijiet tal-ilmentatur li jikkonċernaw kunflitt potenzjali ta' interess fl-għoti tal-għotja inkwistjoni.

Dewmien mill-Kummissjoni Ewropea fl-indirizzar ta’ pagamenti lil fornitur ta’ servizz u lis-sottokuntrattur tiegħu

L-Ombudswoman fetħet inkjesta dwar it-tul ta’ żmien li kienet qed tieħu l-Kummissjoni biex tipproċessa l-pagamenti lil fornitur ta’ servizz fil-kuntest tax-xogħol tagħhom relatat mal-programm “Tisħiħ tal-Aġenda ta' Investiment tal-Global Gateway fl-Amerika Latina u l-Karibew”. Id-dewmien affettwa l-pagament tas-sottokuntrattur li pprovda servizzi sa Ottubru 2024, iżda sa Mejju tal-2025 meta ssottometta lment quddiem l-Uffiċċju tal-Ombudsman, kien għadu ma tħallasx. B’riżultat tal-inkjesta tal-Ombudswoman, il-Kummissjoni solviet il-kwistjoni, skużat lilha nnifisha għad-dewmien, u ħallset l-ammont pendenti u l-imgħax relatat lill-fornitur tas-servizz li mbagħad ħallas lill-ilmentatur.

4. Ilmenti u inkjesti: kif ngħinu lill-pubbliku

Il-funzjoni ewlenija tal-Ombudsman Ewropew hija li tingħata għajnuna lill-persuni u lill-organizzazzjonijiet li jiffaċċjaw problemi fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-UE, billi jindirizza l-ilmenti li dawn iressqu. Permezz ta’ inkjesti, l-Uffiċċju tal-Ombudsman mhux biss għandu l-għan li jindirizza dawn il-problemi iżda jfittex ukoll li jippromwovi prattiki amministrattivi tajbin fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE.

L-Uffiċċju tal-Ombudsman jieħu approċċ orjentat lejn is-soluzzjoni biex jiġu indirizzati l-ilmenti. Biex jinkiseb dan, l-Uffiċċju jagħti prijorità lill-involviment mal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE – metodu li jsaħħaħ il-fiduċja fl-amministrazzjoni tal-UE u fl-istess ħin jippermetti lill-Uffiċċju tal-Ombudsman iwettaq il-kompiti ta' sorveljanza b'mod kompletament indipendenti.

It-tim varjat tal-Uffiċċju li jindirizza l-każijiet u s-sit web multilingwi jirriflettu l-impenn tal-Uffiċċju tal-Ombudsman li jgħin lil dawk li jfittxu l-assistenza bl-24 lingwa uffiċjali kollha tal-UE.

Filwaqt li l-Uffiċċju tal-Ombudsman mhux dejjem ikun f'pożizzjoni li jinvestiga l-ilmenti kollha li jirċievi, jipprova madankollu li jgħin lil dawk li jfittxu għajnuna.

Fl-2025, kien hemm żieda qawwija fl-għadd ta’ lmenti li ġew indirizzati mill-Uffiċċju tal-Ombudsman – 54 % aktar minn dawk fl-2024. Huwa mifhum li dan huwa parzjalment minħabba li l-ilmentaturi jsiru jafu dwar l-eżistenza tal-Ombudsman permezz tal-użu tagħhom tal-għodod tal-IA.

Huwa estremament pożittiv li hemm aktar sensibilizzazzjoni pubblika dwar id-drittijiet taċ-ċittadini u x-xogħol tagħna u li din is-sensibilizzazzjoni wasslet għal żieda ta’ 19 % fl-inkjesti li nfetħu mill-Ombudsman matul is-sena li għaddiet. Fl-istess ħin, iż-żieda fl-ilmenti u x-xogħol meħtieġ biex jiġu pproċessati u analizzati poġġew pressjoni sinifikanti fuq ir-riżorsi tal-Uffiċċju.

Dan jippreżenta sfida speċjalment meta l-parir ipprovdut mill-IA ma jkunx preċiż, u dan iwassal – fost affarijiet oħra – għal żieda qawwija f’ilmenti inammissibbli (+86 %). Dawn l-ilmenti ta’ spiss jitqiesu inammissibbli minħabba li l-ilmentatur inizjalment ma jkunx irrikorra għand l-istituzzjoni inkwistjoni. Filwaqt li fis-snin preċedenti l-Uffiċċju kien jagħti parir lill-ilmentatur biex l-ewwel jirrikorri għall-istituzzjoni rilevanti, b’ħafna minn dawn l-ilmenti ġodda, l-istituzzjoni msemmija f’ħafna każijiet mhijiex effettivament responsabbli għall-materja inkwistjoni.

Ilmenti oħra jirriżultaw minħabba li l-ilmentatur ma jaċċettax l-argument ta’ istituzzjoni tal-UE li ma tkunx responsabbli għall-kwistjoni mqajma. Imbagħad l-ilmentatur jitlob l-intervent tal-Uffiċċju tal-Ombudsman, wara li jkun għadda mill-proċess tal-ilment u l-argumenti, u fl-aħħar jiġi kkonfermat li l-korp tal-UE kien korrett.

4.1. Tipi ta’ ilmenti u s-sors tal-ilmenti

4.1.1. Ħarsa ġenerali lejn l-ilmenti u l-inkjesti strateġiċi

L-Uffiċċju tal-Ombudsman jista’ jiftaħ inkjesta biss fuq ilmenti li jaqgħu taħt il-mandat tiegħu u li jkunu ssodisfaw il-“kriterji ta’ ammissibbiltà” meħtieġa, bħall-fatt li l-ilmentatur ikun preċedentement ipprova jsolvi l-kwistjoni direttament mal-istituzzjoni involuta.

Is-suġġett tal-inkjesti tal-Uffiċċju tal-Ombudsman jirriżulta mill-mandat tal-Ombudsman u mill-ilmenti riċevuti. Madankollu, minbarra x-xogħol ewlieni fuq l-ilmenti, l-Uffiċċju tal-Ombudsman jista' wkoll juża inkjesti strateġiċi biex jindirizza kwistjonijiet sistemiċi usa' fl-istituzzjonijiet tal-UE jew, f'ċerti ċirkostanzi, jiftaħ inkjesti b'inizjattiva proprja wara lment sottomess minn ilmentatur minn barra l-UE.

Pariri u lmenti fl-2025

4.1.2. Inkjesta strateġiċi u inizjattivi strateġiċi fl-2025

Lil hinn mill-inkjesti rigward ilmenti speċifiċi dwar amministrazzjoni ħażina fl-istituzzjonijiet tal-UE, l-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew għandu wkoll is-setgħa li jaħdem b'mod proattiv fuq kwistjonijiet strateġiċi usa'. Inkjesti strateġiċi jinvestigaw kwistjonijiet sistemiċi usa' li jaffettwaw l-istituzzjonijiet tal-UE, filwaqt li l-inizjattivi strateġiċi huma talbiet għal kjarifika aktar milli inkjesti formali.

Fl-2025, l-Ombudswoman fetħet inkjesta strateġika dwar il-mod kif l-aġenziji tal-UE jindirizzaw każijiet ta’ “revolving doors” u għalqet tliet inkjesti strateġiċi. Tnejn kienu jikkonċernaw kwistjonijiet ta’ responsabbiltà – il-mod kif il-Kummissjoni tindirizza partijiet terzi li jħallsu għall-vjaġġi ta’ xogħol u l-akkomodazzjoni għall-membri tal-persunal tagħha, u l-mod kif il-Kummissjoni tapplika r-regoli li jirregolaw it-trasparenza tal-gruppi ta' esperti. It-tielet inkjesta strateġika li ngħalqet kienet tikkonċerna l-ġestjoni tar-riskju tal-Kummissjoni Ewropea dwar sustanzi kimiċi perikolużi. L-Uffiċċju għalaq ukoll inizjattiva strateġika waħda dwar il-mod kif il-Kummissjoni tiżgura li r-regoli riveduti li jirregolaw ir-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard (JSIS) għall-persunal tal-UE jiggarantixxu kopertura komprensiva għall-ħtiġijiet tas-saħħa relatati mad-diżabbiltà.

Investigazzjonijiet mill-Ombudsman Ewropew fl-2025
L-oriġini nazzjonali tal-ilmenti rreġistrati u l-investigazzjonijiet miftuħa mill-Ombudsman Ewropew fl-2025

4.1.3. Ilmenti barra mill-mandat tal-Uffiċċju tal-Ombudsman (OMC)

Fl-2025, l-Uffiċċju tal-Ombudsman ipproċessa għadd rekord ta’ ilmenti (2 249) li ma kinux jaqgħu taħt il-mandat tiegħu, l-aktar għaliex ma kinux jikkonċernaw ix-xogħol tal-amministrazzjoni tal-UE. Din iż-żieda (+62 % meta mqabbla mal-2024) tidher li hija parzjalment ir-riżultat tal-intelliġenza artifiċjali li qed tintuża biex tgħin fil-formulazzjoni tal-ilmenti. L-ilmenti barra mill-mandat minn Spanja, il-Ġermanja u l-Polonja kienu jammontaw għal 32 % tat-total ta’ tali lmenti. Spanja kienet tirrappreżenta 14 %, filwaqt li ż-żewġ pajjiżi l-oħra kienu jirrappreżentaw 10 % u 8 % rispettivament.

2249 OMC b’14 % minn Spanja, 10 % mill-Ġermanja u 8 % mill-Polonja

Ilmenti relatati mas-servizzi pubbliċi u t-trasparenza amministrattiva kienu l-aktar frekwenti, filwaqt li oħrajn kienu relatati ma' firxa ta' kwistjonijiet u istituzzjonijiet, inklużi l-qrati nazzjonali, is-saħħa, u l-moviment liberu tan-nies.

Ilmenti oħra li rċieva l-Uffiċċju kienu jikkonċernaw l-istituzzjonijiet tal-UE, b’mod partikolari l-Kummissjoni Ewropea, iżda peress li kienu relatati max-xogħol politiku jew il-merti tal-leġiżlazzjoni, dawn kienu barra mill-mandat tal-Uffiċċju tal-Ombudsman.

Minbarra l-ilmenti mibgħuta minn persuna, negozju jew organizzazzjoni waħda, l-Uffiċċju tal-Ombudsman irċieva wkoll bosta lmenti tal-massa li ma kinux jaqgħu taħt il-mandat. Dawn kienu jikkonċernaw is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, l-inizjattiva dwar il-Prontezza tad-difiża Ewropea 2030, u l-annullament tal-elezzjonijiet presidenzjali tal-2024 fir-Rumanija.

L-Uffiċċju tal-Ombudsman irrisponda lil dawk kollha li kienu qed ifittxu l-għajnuna bil-lingwa tal-ilment jew tal-preferenza tagħhom. Dawn ir-risposti kkjarifikaw il-mandat tal-Uffiċċju tal-Ombudsman u, sa fejn possibbli, taw parir lill-ilmentaturi biex jirrikorru għand korpi oħra li jistgħu jgħinuhom. Filwaqt li normalment dawn kienu istituzzjonijiet nazzjonali u reġjonali tal-ombudsman, l-Uffiċċju tal-Ombudsman iggwida wkoll lill-ilmentaturi lejn l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet u tal-protezzjoni tal-konsumatur fl-Istati Membri.

Skont il-kwistjoni mqajma, u fejn xieraq, l-Uffiċċju rrakkomanda wkoll lill-ilmentaturi biex jikkuntattjaw l-istituzzjonijiet tal-UE (prinċipalment il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew) jew networks Ewropej, bħal SOLVIT u ċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur.

Fejn l-ilmentaturi ma kinux kuntenti bil-leġiżlazzjoni speċifika tal-UE, l-Uffiċċju tal-Ombudsman ġeneralment tahom parir biex jirrikorru għand il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Dawk li qajmu kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-livell nazzjonali ġew riferuti lill-ombudsmen nazzjonali jew reġjonali, jew lis-servizzi tal-UE, bħal Europe Direct, Your Europe, u l-Portal tal-Ġustizzja Elettronika.

Titjib ewlieni f’Ottubru 2025 kien l-introduzzjoni ta’ proċess strutturat għall-ilmenti li waslu permezz ta’ email. Minflok ma jirreġistrahom fis-sistema ta’ ġestjoni tal-ilmenti tal-Uffiċċju u jipproċessahom, l-Uffiċċju issa jirrispondi b’messaġġ standard li jipprovdi informazzjoni dwar il-mandat tal-Uffiċċju tal-Ombudsman u jidderieġi lill-ilmentaturi lejn il-formola tal-ilmenti online, li tiggwidahom permezz tal-elementi essenzjali meħtieġa biex jissottomettu lment komplet fi ħdan il-mandat.

Dan l-approċċ jiżgura li l-ilmenti bl-email jiġu indirizzati b’mod ta’ appoġġ, filwaqt li jgħin lill-ilmentaturi jissottomettu l-informazzjoni kollha meħtieġa u rilevanti. Din il-bidla kienet deċiżiva fit-tnaqqis tal-proporzjon ta’ lmenti barra mill-mandat minn madwar 67 % fl-ewwel għaxar xhur tas-sena għal 47 % f’Novembru u f’Diċembru 2025.

Numru ta’ lmenti 2021-2025

4.2. Kontra min?

L-investigazzjonijiet li tmexxew mill-Ombudsman Ewropew fl-2025 kienu jikkonċernaw l-istituzzjonijiet li ġejjin

4.3. Dwar liema suġġett?

Suġġett tal-investigazzjonijiet magħluqa mill-Ombudsman Ewropew fl-2025

4.4. Riżultati miksuba

Azzjoni meħuda mill-Ombudsman Ewropew dwar ilmenti ġodda indirizzati fl-2025
Evoluzzjoni fin-numru ta’ investigazzjonijiet bbażati fuq ilment u fuq inizjattiva proprja mill-Ombudsman Ewropew
Riżultati tal-investigazzjonijiet magħluqa mill-Ombudsman Ewropew fl-2025
Tul ta’ investigazzjonijiet magħluqa mill-Ombudsman Ewropew

4.5. Impatt u kisbiet

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew huwa li jinkiseb titjib tanġibbli għall-ilmentaturi u l-pubbliku fl-amministrazzjoni tal-UE. L-Uffiċċju tal-Ombudsman iwettaq dan billi tagħmel proposti fil-forma ta’ soluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u suġġerimenti. Barra minn hekk, l-Uffiċċju tal-Ombudsman jista’ jħeġġeġ lil istituzzjoni biex issolvi kwistjoni anke qabel ma ssir proposta għal soluzzjoni formali jew rakkomandazzjoni.

4.5.1. Rata ta’ aċċettazzjoni

Ir-rata ta’ aċċettazzjoni hija l-perċentwal ta’ risposti pożittivi għall-għadd totali ta’ proposti (soluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u suġġerimenti) li jkunu saru mill-Ombudsman. Peress li l-Uffiċċju tal-Ombudsman jagħti lill-istituzzjonijiet sa sitt xhur biex isegwu s-suġġerimenti li jkunu saru fid-deċiżjonijiet tiegħu fl-għeluq tal-inkjesti, ir-rata ta’ aċċettazzjoni għall-2025 tkopri l-każijiet li ngħalqu fl-2024.

L-istatistiċi juru li l-istituzzjonijiet tal-UE rrispondew tajjeb għall-użu akbar mill-Uffiċċju ta' “proposti ta' soluzzjoni”, fejn f'każ partikolari l-Uffiċċju tal-Ombudsman jiddeskrivi triq 'il quddiem għall-istituzzjoni. Fl-2024, 89 % tal-proposti ta' soluzzjoni ġew aċċettati, filwaqt li 78 % tas-suġġerimenti għal titjib ġew aċċettati. B’mod ġenerali, l-istituzzjonijiet tal-UE kkooperaw b’mod sodisfaċenti mal-Ombudsman fi 72 % tal-każijiet fl-2024.

Il-fokus imġedded tal-Uffiċċju tal-Ombudsman fuq id-djalogu mal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE kompla matul is-sena 2025. Kif iddikjarat fl-Istrateġija tagħha, l-Ombudswoman hija impenjata li tippromwovi b’mod attiv djalogu sinifikanti u kollaborazzjoni produttiva mal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE. Dan huwa kruċjali biex jinkisbu eżiti aħjar kemm għall-ilmentaturi kif ukoll għall-istituzzjonijiet ikkonċernati, biex b’hekk l-Ombudswoman tkun tista’ twettaq il-mandat tagħha u trawwem approċċ ibbażat fuq is-soluzzjoni.

Impatt usa’

Ir-rata ta’ aċċettazzjoni tiġbor ir-risponsi mill-istituzzjonijiet għall-proposti f’mument partikolari u ma taqbadx bis-sħiħ l-impatt fuq terminu twil tax-xogħol tal-Uffiċċju tal-Ombudsman.

Per eżempju, l-Uffiċċju tal-Ombudsman wettaq inkjesta kbira fl-2016 dwar il-mod kif il-Kummissjoni tinteraġixxi mal-lobbisti tat-tabakk, u l-Uffiċċju ilu jimmonitorja din il-kwistjoni minn dakinhar. Fl-2025, l-Uffiċċju tal-Ombudsman kien f’pożizzjoni li jfaħħar lill-Kummissjoni għall-passi li ħadet inkluż eżerċizzju ta’ sensibilizzazzjoni biex tivvaluta r-riskju ta’ esponiment tal-ġestjoni tagħha għall-industrija tat-tabakk u tadotta lista ta’ miżuri (sett ta’ għodod) għall-indirizzar tal-lobbjar fil-qasam tat-tabakk. L-Ombudswoman ħeġġet lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-miżuri biex tiżgura li d-dipartimenti u s-servizzi kollha tagħha jissodisfaw l-impenji tal-UE skont il-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontrolli tat-Tabakk.

B’rispons għall-inkjesta tal-Uffiċċju tal-Ombudsman, li nfetħet fl-2023, dwar il-mod kif il-Kunsill tal-UE u l-Kummissjoni jindirizzaw it-talbiet għall-aċċess pubbliku għal dokumenti leġiżlattivi, iż-żewġ istituzzjonijiet impenjaw lilhom infushom li jtejbu t-trasparenza proattiva. L-Ombudswoman laqgħet dan l-impenn u qalet li l-uffiċċju tagħha kien sodisfatt li jinnota li l-Kunsill kien qed iħejji “Gwida dwar it-Trasparenza” riveduta għal kull kwistjoni relatata mal-aċċess għal dokumenti. L-Ombudswoman enfasizzat ukoll li beħsiebha timmonitorja l-mod kif iż-żewġ istituzzjonijiet jimplimentaw is-suġġerimenti li saru fil-kuntest tal-inkjesti.

Is-segretarjat li jamministra r-Reġistru tat-Trasparenza għall-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill tal-UE saħħaħ il-mod kif jitwettqu l-inkjesti dwar ilmenti li jikkonċernaw allegat ksur tal-kodiċi ta’ kondotta. Fost it-titjib li segwa inkjesta tal-Uffiċċju tal-Ombudsman, is-segretarjat qal li issa qed iwettaq inkjesti “bir-reqqa u sinifikanti” u jfittex b'mod attiv informazzjoni addizzjonali mingħand ir-reġistranti. Aġġorna wkoll il-linji gwida tiegħu rigward il-mod kif ir-reġistranti għandhom jiddettaljaw is-sħubija jew l-affiljazzjoni tagħhom ma' entitajiet oħra.

5. Kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet

Skont l-Istrateġija l-ġdida 2025-2029 għall-Uffiċċju tagħha, l-Ombudswoman Ewropea ffukat fuq it-trawwim ta' djalogu bbażat fuq soluzzjonijiet u kooperazzjoni kostruttiva mal-istituzzjonijiet tal-UE u mal-partijiet ikkonċernati matul is-sena li għaddiet. Dan l-approċċ għandu l-għan li jsaħħaħ l-effettività tal-Uffiċċju tagħha f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini u l-promozzjoni ta' amministrazzjoni tajba.

5.1. Relazzjonijiet mal-UE

5.1.1. Il-Parlament Ewropew

Il-mandat tal-Ombudswoman Ewropea huwa derivat mit-Trattati tal-Unjoni Ewropea, u l-Ombudswoman hija responsabbli quddiem il-Membri tal-Parlament Ewropew (MPE). F’Marzu, l-Ombudswoman eletta reċentement iltaqgħet mal-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, biex jiddiskutu prijoritajiet kondiviżi għall-futur u l-missjoni komuni taż-żewġ istituzzjonijiet biex jipproteġu d-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej. Huma reġgħu ltaqgħu f’Mejju meta l-Ombudswoman ippreżentat ir-Rapport Annwali tal-Uffiċċju tagħha għall-2024.

L-Ombudswoman Anjinho ppreżentat ir-Rapport Annwali 2024 lill-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola.

Matul ix-xhur li ġejjin, l-Ombudswoman iltaqgħet ma' bosta MPE, partikolarment ma’ presidenti tal-kumitati li x-xogħol tagħhom huwa marbut mal-missjoni tal-Uffiċċju. Dawn l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni kellhom l-għan li jqajmu aktar sensibilizzazzjoni dwar ir-rwol tal-Uffiċċju fl-UE u li jiddiskutu każijiet reċenti u konklużjonijiet, filwaqt li jrawmu kooperazzjoni qawwija bejn iż-żewġ istituzzjonijiet f'dan il-proċess.

Aspett vitali ta' din il-kooperazzjoni huwa l-parteċipazzjoni tal-Ombudswoman fis-seduti ta’ smigħ u fl-avvenimenti organizzati mill-Parlament. Dawn il-laqgħat jipprovdu opportunità biex jiġu ppreżentati sejbiet ewlenin minn inkjesti ewlenin u biex jissaħħu r-rakkomandazzjonijiet li saru lill-istituzzjonijiet tal-UE.

L-Ombudswoman ipparteċipat f'għadd ta' laqgħat tal-kumitati tal-Parlament matul is-sena. Pereżempju, kienet involuta f’diskussjonijiet mal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (JURI) rigward it-teħid ta’ deċiżjonijiet urġenti u l-ħtieġa għal liġi amministrattiva tal-UE. Ipparteċipat ukoll f'diskussjonijiet mal-Kumitat dwar il-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Interni (LIBE) dwar l-istat tad-dritt fl-UE u mal-Kumitat għas-Saħħa Pubblika (SANT) dwar l-aċċess taċ-ċittadini għall-kura tas-saħħa transfruntiera.

Dawn l-iskambji pprovdew opportunità eċċellenti biex tissaħħaħ il-fiduċja bejn l-Uffiċċju tal-Uffiċċju tal-Ombudsman u l-Parlament, u b’hekk wittew it-triq għal kollaborazzjoni kontinwa. L-Uffiċċju ħa sehem ukoll f’seduti ta’ smigħ u f’avvenimenti organizzati mill-MPE biex jiddiskutu suġġetti speċifiċi bħall-monitoraġġ tal-fondi Ewropej, l-aċċess għal dokumenti, u t-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv tal-UE.

Matul iċ-ċelebrazzjoni tat-30 anniversarju tal-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew f'Settembru, li saret fis-Sala Muniċipali ta' Strażburgu, il-Viċi President tal-Parlament Ewropew, Sabine Verheyen, tat id-diskors tal-ftuħ.

Barra minn hekk, l-Ombudswoman ipparteċipat f'laqgħa mal-Kapijiet tal-Uffiċċji ta' Kollegament tal-Parlament Ewropew (EPLO) biex tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni dwar ix-xogħol tal-Uffiċċju tagħha fl-Istati Membri.

Abbażi tal-impenn tal-Uffiċċju għal komunikazzjoni ċara, l-Ombudswoman wasslet diskors f’konferenza dwar lingwaġġ ċar, li ġiet organizzata mid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni (DĠ TRAD) tal-Parlament.

5.1.2. Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet

2 ta' Diċembru 2025: Sessjoni ta’ Ħidma Annwali dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà. L-Ombudswoman tisma' r-rimarki introduttorji minn Bogdan Rzońca, il-President tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (PETI).

Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew (PETI) huwa responsabbli għas-superviżjoni tar-relazzjonijiet mal-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew u għall-kooperazzjoni biex jiżgura li tħassib taċ-ċittadini jiġi indirizzat fil-livell tal-UE. Fl-2025, l-Uffiċċju tal-Ombudsman kompla l-kollaborazzjoni tiegħu mal-PETI fl-interessi tal-għan kondiviż tiegħu li jiżgura li l-istituzzjonijiet tal-UE jirrispettaw id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini.

F’Ġunju, l-Ombudswoman ippreżentat ir-Rapport Annwali għall-2024 lill-membri tal-PETI u spjegat il-prinċipji wara l-Istrateġija tagħha għall-2025-2029. Din il-preżentazzjoni kienet tinkludi skambju ta' fehmiet mal-Membri tal-Parlament Ewropew (MPE) rigward l-isfidi attwali u futuri li jiffaċċjaw iċ-ċittadini.

Barra minn hekk, l-Ombudswoman organizzat laqgħat mal-President tal-PETI Bogdan Rzońca, ma' bosta MPE mill-Kumitat, mad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għad-Drittijiet taċ-Ċittadini, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Istituzzjonali tal-Parlament Ewropew (DG IUST), u mal-Kap tas-Segretarjat tal-Kumitat PETI.

5.1.3. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill

Teresa Anjinho u Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea.

Minbarra l-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huma interlokuturi ewlenin għall-Uffiċċju tal-Ombudsman fil-livell tal-UE.

Bħala l-akbar istituzzjoni tal-UE u l-fergħa eżekuttiva tagħha, ix-xogħol tal-Kummissjoni huwa suġġett ta' ħafna mill-ilmenti li jirċievi l-Uffiċċju tal-Ombudsman. Iż-żamma ta’ djalogu kostruttiv bejn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet hija għaldaqstant kruċjali biex jinstabu soluzzjonijiet prattiċi għaċ-ċittadini.

F’Ġunju, l-Ombudswoman iltaqgħet mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, biex tiddiskuti suġġetti importanti bħall-aċċess f’waqtu għal dokumenti u t-teħid ta’ deċiżjonijiet inklużivi. Iltaqgħet ukoll ma’ Maros Šefčovič, il-Kummissarju responsabbli għar-relazzjonijiet interistituzzjonali. Dawn il-laqgħat irriżultaw f’impenn ċar għat-trawwim ta’ djalogu miftuħ u kontinwu bejn l-Uffiċċju tal-Ombudsman u l-Kummissjoni.

Fil-livell tal-persunal, l-Uffiċċju tal-Ombudsman żamm ukoll kuntatt mill-qrib mas-servizzi tal-Kummissjoni biex jiżgura approċċ effettiv u orjentat lejn is-soluzzjoni biex jiġu indirizzati l-inkjesti.

Barra minn hekk, l-Ombudswoman iltaqgħet ma’ António Costa, il-President tal-Kunsill Ewropew, biex tiddiskuti t-trasparenza u l-etika fl-amministrazzjoni tal-UE. Huma esploraw ukoll toroq għal kooperazzjoni futura biex jiżguraw li l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE juru kredibilità fil-konfront taċ-ċittadini.

Teresa Anjinho tiltaqa' ma' António Costa, il-President tal-Kunsill Ewropew, fi Brussell.

F’Diċembru, l-Ombudswoman ħadet sehem f'konferenza biex tiċċelebra l-25 anniversarju tal-proklamazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li ġiet organizzata mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Presidenza Daniża tal-Kunsill, u mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali. L-avveniment ipprovda opportunità biex jiġi eżaminat kif il-Karta iffurmat il-kultura tad-drittijiet fundamentali fl-UE u biex issir riflessjoni dwar l-isfidi u l-opportunitajiet futuri. L-Ombudswoman innotat li, bħala strument tad-dritt primarju tal-UE li jnaqqax id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, il-Karta saret pilastru kruċjali tal-Unjoni tagħna.

5.1.4. Istituzzjonijiet, aġenziji u organizzazzjonijiet oħrajn

It-tisħiħ tar-relazzjonijiet ta' xogħol mal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE, kif ukoll ma' istituzzjonijiet importanti mhux tal-UE, huwa kruċjali biex jiġi żgurat li r-rwol tal-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew jiġi mifhum u jiġi rispettat. Din il-kollaborazzjoni hija essenzjali wkoll għall-kisba fil-pront u ġusti ta’ riżoluzzjonijiet għall-ilmenti, il-promozzjoni ta’ bidliet pożittivi għaċ-ċittadini u għan-negozji, u t-trawwim ta’ prattiki amministrattivi tajbin.

Dan il-prinċipju ggwida l-interazzjonijiet u l-laqgħat tal-Ombudswoman matul l-2025 meta kienet involuta ma’ bosta kapijiet tal-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE, inklużi Nadia Calviño, il-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), Sirpa Rautio, id-Direttur tal-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), Bernhard Url, l-Aġent Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), u Ohrast Salles, id-Direttur tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO).

Teresa Anjinho u Sirpa Rautio, id-Direttur tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fi Strażburgu.

Barra minn hekk, l-Ombudswoman ipparteċipat fis-sessjoni plenarja tal-Kumitat tal-Persunal tas-SEAE biex tiddiskuti każijiet relatati mal-persunal, bħal dawk relatati mal-fastidju, u fil-Bureau tal-Kumitat tar-Reġjuni biex tikkondividi opinjonijiet dwar każijiet rilevanti.

Fil-bidu tal-mandat tagħha, l-Ombudswoman iltaqgħet ma' Michael O'Flaherty, il-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem, u ma' Louise Holck, il-President tan-Network Ewropew tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (ENNHRI). L-Ombudswoman ħadet sehem ukoll fil-Konferenza ta’ livell għoli għall-Istituzzjonijiet tal-Ombudsperson u l-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem (NHRI) li saret f’Marzu fil-Kunsill tal-Ewropa.

Konferenza ta’ Livell Għoli fil-Kunsill tal-Ewropa (KtE): Teresa Anjinho ma' Claire Bazy-Malaurie (President tal-Kummissjoni ta' Venezja, KtE), Michael O'Flaherty (Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem, KtE), u Bjørn Berge (Viċi Segretarju Ġenerali, KtE).

5.1.5. Żjarat tal-Ombudswoman fl-Istati Membri tal-UE

Bħala parti miż-żjarat regolari tagħha fl-Istati Membri tal-UE u fl-uffiċċji tal-aġenziji tal-UE, l-Ombudswoman ivvjaġġat lejn il-Polonja, Malta u Spanja fl-2025. Dawn iż-żjarat fl-Istati Membri jinvolvu laqgħat ma' aġenziji tal-UE, NGOs, ombudsmen, awtoritajiet nazzjonali u universitajiet biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-Uffiċċju tal-Ombudsman fil-livell nazzjonali.

Fil-Polonja, l-Ombudswoman ipparteċipat f’konferenza organizzata mill-Ministeru Pollakk tal-Ġustizzja intitolata “Ir-Rwol tas-Soċjetà Ċivili fil-Protezzjoni tal-Istat tad-Dritt.” Matul iż-żjara tagħha, organizzat laqgħat mal-Ombudsmen Pollakk u Ukren u ħadet sehem fi żjara fl-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), fejn organizzat laqgħa mad-Direttur Eżekuttiv tagħha.

F’Malta, iż-żjara tal-Ombudswoman ikkoinċidiet mat-30 anniversarju tal-Ombudsman Parlamentari Malti, li kienet tinkludi opportunità ta’ parteċipazzjoni f’avveniment iffukat fuq id-diskussjoni ta’ governanza tajba matul żminijiet diffiċli. Flimkien ma’ diskussjonijiet ma’ diversi ombudsmen minn madwar l-Ewropa, l-Ombudswoman iltaqgħet ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) li ffukaw fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ażil u l-migrazzjoni. Żaret ukoll l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA) għal diskussjonijiet fil-fond.

Fil-Spanja, l-Ombudswoman organizzat laqgħa bilaterali mal-Ombudsman Spanjol, ħadet sehem f'diskussjonijiet ma' NGOs ambjentali Spanjoli, ippreżentat diskors prinċipali dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Unjoni Ewropea f'avveniment organizzat minn Forbes Women, u tat lezzjoni fl-Università Awtonoma ta' Madrid dwar “Ir-Rwol tal-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew u l-Impatt tiegħu fuq iċ-Ċittadini.”

L-Ombudswoman Anjinho mal-istudenti u l-professuri fl-Università Awtonoma ta' Madrid (Spanja), Ottubru 2025.

Barra minn hekk, l-Ombudswoman tat lezzjoni lill-istudenti li qed isegwu kors li jipprovdi Lawrea Ewropea ta’ Masters fid-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokratizzazzjoni (EMA) fil-Kampus Globali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem f'Venezja, fl-Italja.


5.2. Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà

L-Unjoni Ewropea hija firmatarja għal Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà (UN CRPD), strument internazzjonali vinkolanti dwar id-drittijiet tal-bniedem li “tippromwovi, tipproteġi u tiżgura t-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha mill-persuni kollha b’diżabbiltà, u li tippromwovi r-rispett għad-dinjità inerenti tagħhom.”.

Il-konformità mal-UN CRPD fl-UE tiġi mmonitorjata mill-Qafas tas-CRPD tal-UE. Bħala membru ta’ dan il-qafas, l-Uffiċċju tal-Ombudsman tagħti attenzjoni mill-qrib lill-implimentazzjoni tal-amministrazzjoni tal-UE tal-UN CRPD. Fil-bidu tal-2025, il-Qafas issottometta kontribut aġġornat, li kien jinkludi kontribut mill-Uffiċċju tal-Ombudsman, għar-rieżami perjodiku tal-konformità tal-UE mal-Konvenzjoni tal-Kumitat tal-UN CRPD.

F’Marzu 2025, il-Kumitat tal-UN CRPD ħareġ l-osservazzjonijiet konklużivi tiegħu. Dan enfasizza bosta problemi rikorrenti li l-Uffiċċju tal-Ombudsman identifika wkoll permezz ta’ lmenti u x-xogħol fuq inizjattiva proprja. Dawn jinkludu d-deistituzzjonalizzazzjoni u l-użu tal-fondi tal-UE; il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-persuni b’diżabbiltà fi ħdan l-amministrazzjoni tal-UE, inkluż ir-reklutaġġ, il-benefiċċji għall-persuni li jindukraw, u akkomodazzjoni raġonevoli; u l-kopertura tal-assigurazzjoni tas-saħħa għall-persunal tal-UE b’diżabbiltà. Il-Kumitat tal-CRPD innota wkoll li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jikkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman.

L-Uffiċċju tal-Ombudsman indirizza bosta lmenti fl-2025 relatati mad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà, b’mod partikolari li jikkonċernaw ir-reklutaġġ tal-UE u kwistjonijiet tal-persunal. Pereżempju, inkjesta waħda hija relatata mal-mod kif il-Kummissjoni tindirizza l-ilmenti dwar diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ akkomodazzjoni raġonevoli.

L-Ombudsman Ewropew u l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali wettqu b’mod konġunt stħarriġ fost l-aġenziji tal-UE li jiffoka fuq id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà, inkluż il-persunal tal-UE b’diżabbiltà.

L-Uffiċċju tal-Ombudsman ippreżenta wkoll ix-xogħol tiegħu relatata mad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà f’bosta avvenimenti matul is-sena, bħal fir-rieżami tal-UN CRPD tal-UE. Barra minn hekk, l-Ombudswoman ħadet sehem fis-sessjoni ta’ ħidma annwali dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà, organizzata mill-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament (PETI) matul il-Ġimgħa tad-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà.

“Skont il-Eurostat, wieħed minn kull erba’ adulti fl-UE huwa persuna b’diżabbiltà. L-UE għamlet progress sinifikanti fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tagħhom, iżda għad hemm xogħol xi jsir biex jiġu żgurati l-ugwaljanza u l-parteċipazzjoni sħaħ. Dan hu ċar mill-ilmenti li l-Uffiċċju tiegħi jkompli jirċievi u żgur mill-petizzjonijiet sottomessi lill-Kumitat PETI.
Fi żminijiet ta' inċertezza, huwa partikolarment importanti għal kull attur tal-UE li jibqa' ffukat, isegwi l-osservazzjonijiet konklużivi tal-Kumitat tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà, u jkompli jagħmel il-parti tiegħu fl-avvanz tad-drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà.”

Estratt mid-diskors tal-Ombudswoman Anjinho fis-sessjoni ta’ ħidma annwali dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà, organizzata mill-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament.

6. Komunikazzjoni

L-iżgurar tal-viżibbiltà huwa element importanti tax-xogħol tal-Uffiċċju tal-Ombudsman fl-ilħuq tal-partijiet ikkonċernati, l-amministrazzjoni tal-UE, u s-soċjetà ċivili. L-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tal-Uffiċċju jiffukaw mhux biss fuq l-inkjesti, iżda wkoll fuq il-promozzjoni tat-trasparenza, l-etika u r-responsabbiltà fl-amministrazzjoni tal-UE.

L-Ombudswoman ippreżentat ir-Rapport Annwali għall-2024 lill-ġurnalisti f'April, u dan ipprovda opportunità importanti biex tikkondividi il-pjanijiet tagħha għall-mandat tagħha u biex tħabbar l-ewwel inkjesta tagħha b'inizjattiva proprja.

L-Ombudswoman attendiet ukoll u għamlet diskorsi f'bosta avvenimenti ospitati mill-istituzzjonijiet tal-UE u internazzjonali. Dawn kienu jinkludu l-Ġimgħa għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u bosta laqgħat tal-bord u kumitati ospitati mill-Parlament Ewropew; il-Jum tas-Servizz ta’ Azzjoni għaċ-Ċittadini Ewropej (ECAS); il-kungress tal-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti Ewropej; il-bord tal-Forum Ekonomiku Dinji dwar il-governanza tajba; u bosta preżentazzjonijiet oħra lill-partijiet ikkonċernati, lill-ċittadini u lill-udjenzi żgħażagħ, inklużi matul l-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ f'Mejju.

Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ 2025 fi Strażburgu: Teresa Anjinho tiddiskuti t-trasparenza u r-responsabbiltà u tieħu mistoqsijiet mill-udjenza.

Fir-rigward tal-kopertura tal-istampa tax-xogħol tal-Uffiċċju tal-Ombudsman fl-2025, kien hemm madwar 3 800 artiklu li semmew jew irrappurtaw direttament dwar l-inkjesti.

F'avveniment tal-Forum Ekonomiku Dinji f'Ġinevra, l-Ombudswoman titkellem dwar it-tendenzi osservati fil-governanza tajba minn perspettiva tas-settur pubbliku.

L-Ombudsman u l-membri tal-persunal komplew ukoll bl-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tagħhom billi taw intervisti lill-istampa, attendew għal konferenzi akkademiċi u tkellmu mal-gruppi ta’ viżitaturi.

Bħala mod biex ix-xogħol u l-politiki tal-Uffiċċju jsiru aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini, l-istrateġija tal-Ombudswoman għall-2025-2029 kif ukoll l-oqsma tematiċi tal-inkjesti dwar l-akkwist u l-għotjiet ġew ppreżentati fi stejjer web li jistgħu jiġu skrolljati. Dan il-metodu ta' preżentazzjoni ta' oqsma tematiċi ewlenin se jkompli fl-2026.

Fl-2025, l-attivitajiet ta' komunikazzjoni tal-Uffiċċju twessgħu aktar u jinkludu vidjos regolari għall-media soċjali sabiex jiġi spjegat ix-xogħol tal-Uffiċċju u l-attivitajiet tal-Ombudswoman, kif ukoll biex jiġu enfasizzati ċerti suġġetti speċjalizzati.

Dawn kienu jinkludu vidjos ta' ta’ informazzjoni fejn l-Ombudswoman ipprovdiet ħarsa ġenerali lejn l-aktar żviluppi reċenti fl-inkjesti kif ukoll il-laqgħat u l-impenji tagħha ta’ taħdit, u vidjos ta’ spjegazzjoni tal-każijiet fejn iddettaljat l-eżiti ewlenin speċifiċi tal-inkjesti.

Barra minn hekk, l-Uffiċċju wettaq kampanja intitolata “Wara l-Kwinti” fuq il-media soċjali fejn kollegi minn diversi dipartimenti fl-uffiċċju – uffiċjali tal-inkjesti, konsulenti legali, esperti fil-komunikazzjoni diġitali – spjegaw ir-rwol tagħhom u l-kompiti ta' kuljum. L-għan kien li nenfasizzaw lill-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew bħala post aċċessibbli, akkoljenti u professjonali, filwaqt li nenfasizzaw ukoll il-valuri ewlenin tal-Uffiċċju. Fl-2025, bis-saħħa parzjalment tal-attivitajiet imsemmija, is-segwaċi tal-media soċjali żdiedu b’mod kostanti fuq il-pjattaformi kollha li fuqhom huwa attiv l-Uffiċċju. B’mod ġenerali, il-media soċjali rat tkabbir ta’ 13 338 segwaċi, u proporzjon ta’ impressjonijiet/involviment ta’ 5.36 % fit-tliet pjattaformi ewlenin tal-Uffiċċju (LinkedIn, Instagram, Bluesky). Iż-żjarat fis-sit web minn kontenut fuq il-media soċjali wrew ukoll riżultati tajbin, b'8 416-il viżitatur ġejjin direttament minn posts. B’mod ġenerali, is-sit web jibqa’ għodda ta’ komunikazzjoni ewlenija għall-uffiċċju, b’1 786 995 żjara matul is-sena.

6.1. L-Anniversarju ta' 30 Sena tal-Uffiċċju tal-Ombudsman

L-2025 immarkat it-30 anniversarju tal-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew.

Matul is-sena, il-biċċa l-kbira tal-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni tal-Uffiċċju tal-Ombudsman tfasslu u ġew organizzati madwar it-tema ta' 30 sena u l-identità viżiva.

Kampanja intitolata “Kont taf?” enfasizzat fatti differenti dwar l-Uffiċċju, inklużi l-missjoni, l-istorja u l-ħidma tiegħu.

Kampanja fuq il-media soċjali, inkluża vidjos b'parteċipazzjoni ta' kollegi u dikjarazzjoni f'vidjo mill-Ombudswoman, kienet akkumpanjata minn storja skrollabbli li fiha dawn l-elementi f'format maħsub biex jappella lill-udjenza usa' tal-partijiet ikkonċernati tal-Uffiċċju.

L-anniversarju ġie ċċelebrat ukoll permezz ta' avveniment organizzat b’mod konġunt mal-Belt ta' Strażburgu li kkoinċida mal-inawgurazzjoni ta' tramm tal-belt, possibbli mis-Sala Muniċipali, li jġorr il-logo u l-valuri tal-Uffiċċju tal-Ombudsman. It-tramm kien f’operat fil-belt sa tmiem l-2025.

L-Ombudswoman tindirizza lir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet u s-soċjetà ċivili fl-avveniment tat-30 anniversarju tal-Uffiċċju, li sar fis-Sala Muniċipali ta’ Strażburgu.

“Għal tletin sena issa, dan l-Uffiċċju ħadem biex isaħħaħ ir-rabta bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha. Permezz tal-impenn bla waqfien tagħna għall-ġustizzja u għall-ġid komuni, se nkomplu nipproteġu d-drittijiet taċ-ċittadini u niżguraw li l-vuċijiet tan-nies jinstemgħu fis-snin li ġejjin.”

Il-messaġġ tat-30 anniversarju minn Teresa Anjinho

Wirja fiżika b’panels li juru l-istorja tal-Uffiċċju tal-Ombudsman u l-oqsma ta’ xogħol tiegħu ntweriet matul is-sena f’diversi postijiet. Dawn kienu jinkludu Strażburgu, il-Parlament Ewropew waqt il-plenarju tiegħu, u l-konferenza tan-Network Ewropew tal-Ombudsmen – avveniment li jsir kull sentejn u huwa organizzat mill-Uffiċċju tal-Ombudsman.

Il-Kwestur tal-Parlament Ewropew Fabienne Keller, il-Viċi-President tal-Parlament Ewropew Sabine Verheyen, l-Ombudswoman Ewropea Teresa Anjinho, u l-Viċi Sindku ta' Strażburgu Véronique Bertholle qed jinawguraw it-tramm kommemorattiv fi Strażburgu.
It-tramm kien jintuża fuq linji differenti madwar in-network tat-trasport ta' Strażburgu (inkluża l-linja li taqsam ir-Renu, direzzjoni lejn Kehl, fil-Ġermanja).

6.2. Premju għal Amministrazzjoni Tajba

F’Ottubru, l-Uffiċċju tal-Ombudsman fetaħ uffiċjalment in-nominazzjonijiet għall-ħames edizzjoni tal-Premju tal-Ombudsman Ewropew għal Amministrazzjoni Tajba.

Il-Premju jirrikonoxxi azzjonijiet mill-amministrazzjoni pubblika tal-UE li għandhom impatt pożittiv viżibbli u dirett fuq il-ħajja taċ-ċittadini. Minbarra r-rebbieħ tal-premju ġenerali, se jintgħażlu għadd ta’ rebbieħa skont kategoriji.

Il-kategoriji għas-sottomissjonijiet tal-għotjiet għal din l-edizzjoni jinkludu l-eċċellenza fl-innovazzjoni teknoloġika u l-użu tal-IA, l-eċċellenza fil-parteċipazzjoni taċ-ċittadini/tas-soċjetà ċivili, l-eċċellenza fid-diversità u l-inklużjoni, u l-eċċellenza fl-amministrazzjoni miftuħa.

Kumitat konsultattiv se jfassal lista preliminari, flimkien mal-Ombudswoman Ewropea li tagħżel ir-rebbieħa u tħabbarhom f'ċerimonja speċjali f'Ġunju tal-2026. Se jkun hemm ukoll vot pubbliku online għall-aktar proġett popolari.

Rappreżentanti tal-Eurojust u tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-Qorti Kriminali Internazzjonali li jirċievu l-Premju tal-Ombudsman Ewropew 2023 għal Amministrazzjoni Tajba għax-xogħol tagħhom biex jgħinu fid-dokumentazzjoni ta’ delitti internazzjonali ewlenin u ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

“Il-Premju għal Amministrazzjoni Tajba huwa opportunità tajba biex jintwera kif l-amministrazzjoni tal-UE tagħmel impatt sinifikanti fuq il-ħajja tan-nies fl-Ewropa kollha. Billi nenfasizzaw proġetti li verament jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini, nippremjaw l-inizjattivi li jistgħu jsaħħu r-rabta bejn iċ-ċittadini Ewropej u l-istituzzjonijiet tal-UE. Ninkoraġġixxi lil kull min jaf b’xi proġett ta’ ispirazzjoni li jistħoqqlu rikonoxximent, biex jikkunsidra li jinnominah għall-Premju.”

L-Ombudswoman tniedi l-Premju għal Amministrazzjoni Tajba 2026

7. In-Network Ewropew tal-Ombudsmen

In-Network Ewropew tal-Ombudsmen (ENO) huwa network informali kkoordinat mill-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew, li jikkonsisti f’aktar minn 95 uffiċċju ta’ ombudsmen u korpi simili minn madwar l-Ewropa, kif ukoll il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Għodda importanti tal-ENO hija l-proċedura ta’ mistoqsijiet. Permezz ta’ din il-proċedura, il-membri tal-ENO jistgħu jistaqsu mistoqsijiet dwar id-dritt tal-Unjoni li jirriżultaw matul l-inkjesti tagħhom, u l-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew jikseb risposti esperti għalihom mill-istituzzjonijiet tal-UE. Is-suġġetti ta’ mistoqsijiet fl-2025 kienu jikkonċernaw il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali fir-rigward tal-benefiċċji tat-tfal, id-drittijiet tal-moviment liberu għal membri tal-familja mhux tal-UE taċ-ċittadini tal-UE, u l-aċċess għall-assigurazzjoni tas-saħħa għall-istudenti Kroati li jistudjaw f’pajjiż ieħor tal-UE.

Fl-2025, l-Ombudswoman żaret ukoll xi wħud mill-uffiċċji tal-ombudsmen nazzjonali. Iltaqgħet mal-Kummissarju Pollakk għad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll mal-Kummissarju tal-Parlament Ukren għad-Drittijiet tal-Bniedem f'Varsavja, mal-Ombudsman ta' Spanja f'Madrid, u mal-Uffiċċju tal-Ombudsman Parlamentari ta' Malta fil-Belt Valletta. Matul dawn iż-żjarat, l-Ombudswoman iddiskutiet kwistjonijiet ta' importanza komuni mal-ombudsmen nazzjonali u fittxet modi kif jista’ jsir xogħol aħjar flimkien bil-għan li jissolvew il-problemi taċ-ċittadini.

L-ilmentaturi taw parir biex jiġu kkuntattjati istituzzjonijiet u korpi oħrajn mill-Ombudsman Ewropew fl-2025 u l-ilmenti ttrasferiti (2 008)

7.1. Il-Konferenza tan-Network Ewropew tal-Ombudsmen

In-Network Ewropew tal-Ombudsmen organizza l-konferenza annwali tiegħu fi Brussell f’Novembru 2025. Il-konferenza pprovdiet forum għall-ombudsmen minn madwar l-Ewropa biex isir titjib fil-kooperazzjoni, jiġu skambjati l-ideat, u jiġu antiċipati kwistjonijiet futuri li se jirrikjedu l-attenzjoni tagħhom.

Ombudsmen u uffiċjali ta’ kollegament min-Network Ewropew tal-Ombudsmen fil-Parlament Ewropew fi Brussell.

Il-format tal-konferenza tfassal biex jinkoraġġixxi kontribut u diskussjoni individwali. Minbarra s-sessjonijiet plenarji tal-ftuħ u tal-għeluq, il-konferenza kellha tmien sessjonijiet ta’ ħidma dwar suġġetti differenti li ġew koperti matul jumejn. Dan ippermetta lill-ombudsmen jiffukaw fuq is-suġġetti li huma ta’ interess partikolari għal pajjiżhom jew għar-reġjun tagħhom.

Teresa Anjinho u Marta Hirsch-Ziembińska (Konsulent Prinċipali dwar il-kooperazzjoni internazzjonali u d-drittijiet fundamentali fl-Ombudsman Ewropew) jiftħu l-Konferenza annwali tan-Network Ewropew tal-Ombudsmen (ENO).

It-tmien sessjonijiet ta’ ħidma koprew:

  • Ostakli prattiċi għall-mobilità intra-UE
  • L-isfidi u l-opportunitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità mad-dritt tal-UE
  • Żamma tal-indipendenza tal-ombudsmen fi żminijiet diffiċli
  • Kondiviżjoni tal-esperjenza tal-ombudsmen fl-indirizzar tal-ilmenti ambjentali
  • Sorveljanza tal-Uffiċċju tal-Ombudsman fuq l-amministrazzjoni semiprivata u semipubblika
  • Prevenzjoni tal-frammentazzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini
  • Ir-rwol li qed jevolvi tal-ombudsmen fl-ilmenti dwar il-migrazzjoni u l-ażil
  • Semplifikazzjoni regolatorja – x' tista' tfisser għall-protezzjoni tad-drittijiet.

Rappreżentanti minn korpi tal-UE bħall-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali pparteċipaw ukoll f’xi wħud mis-sessjonijiet ta’ ħidma, filwaqt li kkondividew l-għarfien espert tagħhom.

B’segwitu għall-konferenza, ġiet skedata laqgħa bejn l-uffiċjali ta’ kollegament f’Málaga, Spanja, fil-bidu tal-2026 biex isir segwitu għall-konklużjonijiet li ntlaħqu fis-sessjonijiet ta’ ħidma u biex issir riflessjoni dwar proġetti futuri potenzjali.

8. Intelliġenza artifiċjali

Hekk kif l-għodod diġitali qed jibdlu l-mod kif l-istituzzjonijiet pubbliċi jservu ċ-ċittadini, l-Uffiċċju tal-Ombudsman adotta l-opportunità li juża l-intelliġenza artifiċjali (IA) bħala mezz biex jipprovdi servizz aktar reattiv u effettiv. Matul l-2025, l-Uffiċċju ħa passi lejn l-adozzjoni tal-IA ggwidati mill-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, responsabbiltà u trasparenza.

Biex tiġi żgurata li l-integrazzjoni tal-IA tkun konformi ma' dawn il-prinċipji, l-Uffiċċju waqqaf taskforce interdipartimentali dwar l-AI, li tmexxi d-deċiżjonijiet strateġiċi u tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-għarfien ma' partijiet ikkonċernati interni u esterni. Ġie rreklutat uffiċjal iddedikat tal-IA biex jipprovdi sorveljanza speċjalizzata u jikkoordina l-isforzi kollha relatati mal-IA, filwaqt li jiżgura li l-avvanz teknoloġiku jibqa’ ankrat b’mod sod fil-missjoni tal-Uffiċċju tal-Ombudsman li jaqdi liċ-ċittadini. L-Uffiċċju pparteċipa wkoll fin-network ta’ korrispondenti tal-IA organizzat mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS), forum għall-iskambju volontarju tal-aħjar prattiki fost l-istituzzjonijiet tal-UE.

L-Uffiċċju tal-Ombudsman nediet proġett pilota biex tittestja l-użu tal-GPT@EC, sistema tal-IA ġenerattiva bi skop ġenerali bl-użu ta’ mudelli b’lingwa kbira żviluppati mill-Kummissjoni Ewropea għall-użu fl-istituzzjonijiet tal-UE kollha. Il-proġett pilota jesplora kif l-IA tista’ tassisti f’kompiti anċillari fl-indirizzar tal-każijiet, fix-xogħol amministrattiv u fil-komunikazzjoni, filwaqt li żżomm l-indipendenza u l-integrità ċentrali għall-mandat tal-Uffiċċju tal-Ombudsman. Il-proġett pilota jivvaluta l-potenzjal tal-IA li tappoġġa bosta kompiti speċifiċi: titjib taċ-ċarezza u tal-istil ta’ abbozzi inklużi ittri, rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet; riċerka tal-liġijiet tal-UE u dawk nazzjonali; sommarju u analiżi ta’ dokumenti kbar mehmuża mal-ilmenti jew miksuba matul l-inkjesti; editjar ta’ abbozzi f’oqsma amministrattivi bħar-riżorsi umani u l-finanzi; forniment ta’ appoġġ ta’ kodifikazzjoni għal proġetti tal-IT; u assistenza f’kompiti ta’ komunikazzjoni bħal verifika tal-grammatika u sommarji ta’ dokumenti.

Il-proġett tnieda wara li ġew stabbiliti miżuri robusti ta’ governanza, inklużi oqfsa ta’ ġestjoni tar-riskju, valutazzjonijiet tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data, linji gwida dwar l-użu, u lqugħ għall-protezzjoni tad-data, is-sigurtà, il-konformità mad-drittijiet tal-awtur, u s-sorveljanza mill-bniedem. Ftehim dwar il-Livell tas-Servizz mal-Kummissjoni Ewropea jiżgura li l-abbozzi tal-Uffiċċju tal-Ombudsman, il-materjali tax-xogħol, l-informazzjoni relatata ma' każijiet, u d-data personali jibqgħu protetti u mhux aċċessibbli għall-persunal tal-Kummissjoni jew għal terzi mingħajr awtorizzazzjoni. Id-data pproċessata mill-Uffiċċju tal-Ombudsman ma tintużax biex jitħarrġu jew jittejbu l-mudelli tal-IA.

Il-prinċipju ewlieni li jiggwida l-proġett pilota huwa s-sorveljanza mill-bniedem. Il-membri tal-persunal li jużaw l-IA jibqgħu kompletament responsabbli għall-prodotti kollha, u l-IA ma tintużax biex tieħu deċiżjonijiet, tagħti rakkomandazzjonijiet, tivvaluta l-ammissibbiltà, tiddetermina l-eżiti, jew tipprijoritizza l-ilmenti.

Il-kontenut kollu ġenerat mill-AI jiġi vverifikat bir-reqqa mill-persunal għall-eżattezza qabel l-użu, biex jiġi żgurat li t-teknoloġija ssaħħaħ l-effiċjenza, filwaqt li l-ġudizzju u d-deċiżjonijiet umani jibqgħu fil-qalba tar-riżoluzzjoni tal-ilmenti u tal-inkjesti.

B’riflessjoni tal-impenn tal-Ombudsman għat-trasparenza u r-responsabbiltà fl-użu tal-IA, ġie ppubblikat avviż dwar l-IA fuq is-sit web tal-Uffiċċju tal-Ombudsman, li jipprovdi liċ-ċittadini b’informazzjoni ċara dwar kif jintużaw is-sistemi tal-IA, liema salvagwardji huma fis-seħħ, u x’i drittijiet għandhom l-ilmentaturi fl-interazzjonijiet tagħhom mal-Uffiċċju.

9. Riżorsi

9.1. Baġit

Il-baġit tal-Uffiċċju tal-Ombudsman huwa taqsima indipendenti tal-baġit tal-UE. Huwa maqsum fi tliet titoli. It-Titolu 1 ikopri s-salarji, l-allowances u nefqa oħra relatata mal-persunal. It-Titolu 2 ikopri l-bini, l-għamara, it-tagħmir u nefqa operatorja mixxellanja. It-Titolu 3 ikopri n-nefqa li tirriżulta mill-funzjonijiet ġenerali li jitwettqu mill-istituzzjoni. Fl-2025, l-approprjazzjonijiet tal-baġit kienu jammontaw għal EUR 15 558 918.

Sabiex jiżgura l-ġestjoni effettiva tar-riżorsi, l-awditur intern tal-Uffiċċju tal-Ombudsman jivverifika b’mod regolari s-sistemi ta’ kontroll intern u l-operazzjonijiet finanzjarji li jwettaq l-Uffiċċju. Bħal fil-każ ta’ istituzzjonijiet oħra, l-Uffiċċju tal-Ombudsman huwa soġġett ukoll għar-rieżami tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li ma identifika l-ebda kwistjoni speċifika fil-kuntest tax-xogħol ta’ awditjar estern tagħha.


9.2. Użu tar-riżorsi

Kull sena, l-Uffiċċju tal-Ombudsman jadotta Pjan ta’ Ġestjoni Annwali, li jidentifika azzjonijiet speċifiċi li l-Uffiċċju jistenna li jieħu biex jissodisfa l-objettivi u l-prijoritajiet tal-istrateġija tal-Ombudswoman. Peress li s-sena 2025 kienet sena ta' tranżizzjoni bejn l-Ombudswoman uxxenti u l-Ombudswoman eletta, il-Pjan Annwali tal-Ġestjoni ġie adottat mill-Ombudswoman preċedenti qabel l-elezzjoni u kien ibbażat fuq l-istrateġija tagħha “Lejn l-2024”. F’Ottubru 2025, l-Ombudswoman eletta adottat l-istrateġija tagħha “Nibnu l-Fiduċja, Nixprunaw il-Bidla”, li se tifforma l-bażi għal Pjanijiet ta’ Ġestjoni Annwali futuri.

L-Uffiċċju tal-Ombudsman għandu persunal multilingwi u bi kwalifiki għoljin. Dan jiżgura li l-Uffiċċju jkun jista’ jindirizza lmenti fl-24 lingwa uffiċjali tal-UE u jqajjem sensibilizzazzjoni dwar ix-xogħol tiegħu fl-UE kollha. Il-politika ta’ xogħol ibridu tal-Uffiċċju, li hija orjentata lejn ir-riżultati u bbażata fuq il-fiduċja, tappoġġa l-ambizzjoni tal-Ombudswoman li tippromwovi ambjent tax-xogħol modern, diġitali u flessibbli.

Fl-2025, kien hemm 75 kariga fit-tabella tal-persunal tal-Uffiċċju tal-Ombudsman, u magħhom, kien hemm medja ta’ 8 aġenti kuntrattwali li kienu qed jaħdmu mal-Uffiċċju. Matul l-2025, 18-il trainee kisbu wkoll esperjenza ta’ xogħol fl-Uffiċċju tal-Ombudsman, bid-dħul tal-2024/5 jagħlaq f’Awwissu u d-dħul tal-2025/6 jibda f’Settembru.

Informazzjoni dettaljata dwar l-istruttura tal-Uffiċċju tal-Ombudsman u l-kompiti tad-diversi taqsimiet hija disponibbli fuq is-sit web tal-Ombudsman.

Kif tagħmel kuntatt mal-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew

Indirizz postali

Médiateur européen
1 avenue du Président Robert Schuman
CS 30403
F-67001 Strasbourg Cedex

Indirizz għall-viżitaturi
Strasbourg

Bâtiment Václav Havel (HAV)
Allée Spach
F-67000 Strasbourg

Brussell

Bâtiment Froissart (FRS)
Rue Froissart 87
B-1000 Bruxelles

Online
Bit-telefon

+33 (0)3 88 17 23 13


© Unjoni Ewropea, 2026

Il-fotografiji, l-infografiji u l-immaġnijiet informazzjonali kollha huma © tal-Unjoni Ewropea. Ċerti immaġnijiet illustrattivi u elementi grafiċi użati fil-viżwali nkisbu mil-librerija tal-immaġnijiet Adobe Stock.
Ir-riproduzzjoni għal finijiet edukattivi u mhux kummerċjali hija awtorizzata, dment li s-sors jiġi rikonoxxut.
Issettjar f’FrutigerNext.

HTML ISBN 978-92-9483-439-3 ISSN 1830-6926 doi:10.2869/7672084 QK-01-26-001-MT-Q