L-istituzzjonijiet tal-Ombudsman jeħtieġu aċċettazzjoni tar-rwol tagħhom bħala gwardjani tal-amministrazzjoni tajba sabiex jiffjorixxu u jkunu jistgħu jaħdmu fl-aħjar interess tal-pubbliku. L-istituzzjonijiet tal-UE ppermettew lill-Uffiċċju tiegħi jwettaq il-viżjoni ta’ dawk li stabbilixxewh 25 sena ilu, jiġifieri li jkun difensur passjonali tal-UE u taċ-ċittadini tagħha. L-Uffiċċju Tiegħi huwa żgħir iżda għandu mandat kbir, li jien se nkompli nagħtih ħajja reali.

Emily O’Reilly, l-Ombudsman Ewropew

L-istorja tal-Ombudsman Ewropew

TMaastricht Treaty

1992

Jiġi ffirmat it-Trattat ta’ Maastricht, inkluż artikolu li jistabbilixxi l-Ombudsman Ewropew

L-Istatut tal-Ombudsman Ewropew

1994

Ir-regoli li jistabbilixxu l-Ombudsman - l-Istatut tal-Ombudsman Ewropew - jiġu adottati mill-Parlament Ewropew

Jacob Söderman

1995

Jacob Söderman (il-Finlandja) jiġi elett mill-Parlament Ewropew bħala l-ewwel Ombudsman Ewropew u jinfetaħ l-Uffiċċju

In-Network Ewropew tal-Ombudsmen

1996

Jinħoloq in-Network Ewropew tal-Ombudsmen: in-network issa jlaqqa’ flimkien aktar minn 95 uffiċċju nazzjonali u reġjonali tal-ombudsman u kumitati għall-petizzjonijiet minn 36 pajjiż

Kodiċi ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba

2001

Il-Parlament Ewropew japprova l-Kodiċi ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba, kif imfassal mill-Ombudsman Ewropew, li jistabbilixxi l-linji gwida għas-servizz pubbliku tal-UE

P. Nikiforos Diamandouros

2003

P. Nikiforos Diamandouros (il-Greċja) jiġi elett bħala t-tieni Ombudsman

Il-prinċipji tas-servizz pubbliku għas-servizz pubbliku tal-UE

2012

Il-prinċipji tas-servizz pubbliku għas-servizz pubbliku tal-UE ppreżentati mill-Ombudsman Ewropew

Emily O’Reilly

2013

Emily O’Reilly (l-Irlanda) tiġi eletta bħala t-tielet Ombudsman

tal-investigazzjonijiet paralleli

2014

Bidu tal-investigazzjonijiet paralleli man-Network Ewropew tal-Ombudsmen

tal-kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew

2014

Intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew permezz ta' kumitati u seduti ta' smigħ

tal-unità tal-investigazzjonijiet strateġiċi

2015

L-ewwel riżultati tal-unità tal-investigazzjonijiet strateġiċi l-ġdida

Proċedura Rapida

2018

Introduzzjoni ta' metodi ta' xogħol ġodda għat-trattament tal-każijiet u proċedura Rapida għll-każijiet dwar aċess għal dokumenti

Emily O’Reilly

2019

Emily O’Reilly ġiet eletta għal mandat ġdid

L-oqsma ta’ ħidma ewlenin tal-Ombudsman Ewropew

Trasparenza

It-trasparenza, l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni u d-dokumenti

Responsabbiltà

Ir-responsabbiltà u l-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE

Offerti tal-UE

Problemi b’offerti u għotjiet tal-UE

Id-drittijiet fundamentali

Ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u proċedurali

L-Ombudsman f’numri

L-individwi, in-negozji, l-assoċjazzjonijiet u s-soċjetà ċivili jistgħu jirrikorru għand l-Ombudsman Ewropew għall-għajnuna dwar problemi mal-amministrazzjoni tal-UE.

L-Uffiċċju indirizza aktar minn 57 000 ilment fil-25 sena ta’ ħidma tiegħu.

Il-biċċa l-kbira tal-investigazzjonijiet huma bbażati fuq ilmenti, iżda l-Ombudsman jista’ wkoll iniedi investigazzjonijiet fuq inizjattiva proprja. Kien hemm aktar minn 7 300 investigazzjoni minn mindu l-Uffiċċju nfetaħ fl-1995.

Investigazzjonijiet miftuħa u magħluqa, bejn l-1995 u l-2019

L-ilmenti mressqa u l-investigazzjonijiet miftuħa għal kull pajjiż, l-2019

X’nagħmlu

Trasparenza akbar fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE

Huwa essenzjali li l-pubbliku jkollu biżżejjed informazzjoni biex ikun jista’ jsegwi l-politika u t-tfassil tal-liġijiet tal-UE, u jipparteċipa b’mod sinifikanti fil-proċess demokratiku tal-UE.

It-titjib fit-trasparenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE kien il-fokus ta’ diversi investigazzjonijiet, pereżempju dwar: it-tfassil tal-liġijiet fil-Kunsill, meta l-gvernijiet nazzjonali jiffurmaw il-leġiżlazzjoni tal-UE; it-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Grupp tal-Euro, meta l-ministri tal-finanzi jiddeċiedu dwar il-politiki taż-Żona tal-Euro; in-negozjati kummerċjali bejn il-pajjiżi tal-UE u l-pajjiżi mhux tal-UE, jew kif il-gvernijiet tal-UE jiddeċiedu dwar il-kwoti tas-sajd annwali, filwaqt li tittieħed inkonsiderazzjoni s-sostenibbiltà.

Standards etiċi ogħla fl-amministrazzjoni tal-UE

In-nies jafdaw lill-amministrazzjonijiet pubbliċi meta jkunu jistgħu jaraw li qed jaħdmu għall-ġid pubbliku u jżommu standards etiċi għoljin.

L-UE għandha regoli b’saħħithom dwar l-illobbjar, dwar il-kunflitti ta’ interess u l-movimenti ta' nies bejn setturi– fejn in-nies jiċċaqilqu bejn is-settur privat u dak pubbliku. Madankollu, biex tiġi garantita l-fiduċja tal-pubbliku, dawn ir-regoli jridu jiġu infurzati u aġġornati wkoll. Investigazzjonijiet reċenti mill-Ombudsman irriżultaw f’regoli etiċi aktar stretti għall-Kummissarji Ewropej, infurzar aħjar tar-regoli dwar il-movimenti ta' nies bejn setturi, u linji gwida għall-impjegati taċ-ċivil tal-UE dwar kif għandhom jinteraġġixxu mal-lobbisti.

Proċedura aktar rapida biex jiġi indirizzat l-aċċess għal talbiet għal dokumenti

L-aċċess pubbliku għad-dokumenti huwa essenzjali biex ikun jista’ jsir skrutinju tal-politika u t-tfassil tal-liġijiet tal-UE, kif ukoll tal-fondi tal-UE. Minħabba li r-raġunijiet għall-aċċess ta’ dokumenti spiss ikunu sensittivi għaż-żmien, l-Ombudsman introduċa Proċedura Rapida biex tgħin lin-nies jiksbu l-informazzjoni li jixtiequ waqt li tkun għadha rilevanti.

Investigazzjonijiet riċenti kienu jikkonċernaw l-ispejjeż tal-ivvjaġġar għall-Kummissarji Ewropej, l-operazzjonijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), u l-illobbjar relatat mal-Programm Ewropew ta’ Riċerka dwar id-Difiża. Investigazzjonijiet preċedenti tal-Ombudsman wasslu wkoll lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini biex tippubblika r-riżultati ta’ provi kliniċi għall-mediċini.

Id-demokrazija parteċipattiva fil-livell tal-UE

Li nagħmluha aktar faċli għan-nies biex isegwu u jinvolvu ruħhom fid-dibattiti u fid-diskussjonijiet tal-UE jista’ jgħin biex tiġi miġġielda l-perċezzjoni pubblika li l-UE hija distanti u kumplessa.

L-Ombudsman għen biex titjieb l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej - għodda ta’ demokrazija parteċipattiva li permezz tagħha ċ-ċittadini jistgħu jressqu petizzjoni lill-Kummissjoni Ewropea biex tilleġiżla dwar kwistjoni - sabiex ikun aktar faċli li tintuża. Investigazzjonijiet oħrajn tal-Ombudsman wasslu għal sforzi akbar mill-istituzzjonijiet tal-UE biex jikkomunikaw fl-24 lingwa uffiċjali kollha tal-UE, b’mod partikolari għal “konsultazzjonijiet pubbliċi” mill-Kummissjoni, u biex is-siti web isiru aktar aċċessibbli.

Ir-rispett għad-drittijiet fundamentali

Barra mid-drittijiet aktar tradizzjonali stabbiliti fit-trattati tal-UE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, hemm xi drittijiet li huma direttament rilevanti għall-ħidma tal-Ombudsman, bħad-“dritt għal amministrazzjoni tajba” u d-“dritt ta’ aċċess għad-dokumenti”.

L-Ombudsman regolarment tirreferi għall-Karta fl-investigazzjonijiet tagħha. Investigazzjoni bħal din wasslet biex l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tistabbilixxi mekkaniżmu tal-ilmenti għal dawk li jħossu li d-drittijiet fundamentali tagħhom inkisru. Oħra wasslet biex it-trainees fid-delegazzjonijiet barranin tal-UE jiġu mħallsa, biex tiġi evitata l-inugwaljanza tal-aċċess.

Fondi tal-UE - is-soluzzjoni ta’ problemi b’kuntratti u offerti

L-Ombudsman regolarment jindirizza każijiet li jikkonċernaw proġetti ffinanzjati mill-UE, li normalment ikunu relatati ma’ kwistjonijiet wara l-awditi.

Jekk awditu jiżvela problema, l-istituzzjonijiet tal-UE huma obbligati jirkupraw il-fondi. Madankollu, jista’ jkun hemm nuqqas ta’ fehim jew żbalji, u l-irkupru jista’ ma jkunx iġġustifikat. L-Ombudsman jista’ jgħin biex jinstabu soluzzjonijiet f’każijiet bħal dawn, fejn l-organizzazzjoni kkonċernata tkun wettqet ix-xogħol f'bona fede u laħqet l-għanijiet tal-proġett.

Eżempju riċenti wassal lill-Kummissjoni Ewropea biex tibdel il-pożizzjoni tagħha u tħallas l-ispejjeż sostnuti mill-Assoċjazzjoni Universitarja Ewropea għal proġett li wettqet biex trawwem il-kooperazzjoni reġjonali tal-Amerika Latina.

Premju għall-Amministrazzjoni Tajba

Matul l-investigazzjonijiet, l-Ombudsman u l-persunal tagħha regolarment jesperjenzaw xogħol eċċellenti minn impjegati taċ-ċivil iddedikati tal-UE. Il-Premju għall-Amministrazzjoni Tajba, stabbilit fl-2017, għandu l-għan li jġib eżempji ta’ dan ix-xogħol lil udjenza usa’, kemm biex tinxtered il-prattika tajba kif ukoll biex jgħin biex jitnaqqas id-distakk bejn iċ-ċittadini u l-amministrazzjoni tal-UE.

Hemm premju globali u premjijiet għall-kategoriji. Ir-rebbieħa tal-premju tal-passat jinkludu timijiet mill-Kummissjoni Ewropea li ħadmu biex iqajmu sensibilizzazzjoni dwar it-tniġġis mill-plastik, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għal xogħol li jenfasizza r-riskji għan-naħal u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà għal proġett ta’ kooperazzjoni Ewropea.

In-Network Ewropew tal-Ombudsmen

L-Ombudsman Ewropew jikkoordina n-Network Ewropew tal-Ombudsmen, li jiġbor flimkien ombudsmen nazzjonali u reġjonali minn 95 uffiċċju f’36 pajjiż Ewropew.

L-Ombudsman Ewropew jorganizza konferenza annwali biex iġib lill-ombudsmen nazzjonali u reġjonali f’kuntatt ma’ dawk li jfasslu l-politika tal-UE, biex jgħin sabiex tinġibed l-attenzjoni lejn kwistjonijiet ta’ tħassib. L-Ombudsman Ewropew jikkoordina wkoll investigazzjonijiet paralleli, fejn l-uffiċċji nazzjonali tal-ombudsman jaħdmu flimkien fuq kwistjonijiet komuni tal-UE. Eżempju ta’ dan kienet investigazzjoni parallela li teżamina jekk il-fondi tal-UE jintnefqux f’konformità mad-drittijiet fundamentali, u li għamlet suġġerimenti biex jitjieb il-mod kif dawn il-fondi tal-UE jiġu mmonitorjati.

Inħarsu ’l quddiem

L-Ombudsman Ewropew ġie stabbilit 25 sena ilu. Minn dak iż-żmien, l-UE nbidlet b’mod radikali, ġiet iffurmata mill-isfidi, mill-aspettattivi dejjem jinbidlu taċ-ċittadini u mis-sħubija estiża tagħha.

Is-snin li ġejjin huma mistennija li jkunu trasformattivi wkoll, bil-pandemija tal-COVID-19 u r-rispons kontinwu mistennija jifformulaw mill-ġdid l-essenza proprja tal-UE. L-Unjoni se jkollha wkoll tieħu deċiżjonijiet importanti meta tindirizza t-tibdil fil-klima, tiġġestixxi l-migrazzjoni b’mod uman, tikkonfronta l-avvanzi teknoloġiċi u tafferma l-post tal-Ewropa fid-dinja.

Il-kompitu tiegħi bħala Ombudsman Ewropew huwa li niżgura li deċiżjonijiet bħal dawn - li jaffettwaw direttament il-ħajja tan-nies - ikunu appoġġati minn amministrazzjoni tal-UE li tpoġġi liċ-ċittadin fiċ-ċentru ta’ dak kollu li tagħmel. Permezz tal-indirizzar tal-ilmenti u l-identifikazzjoni ta’ problemi sistemiċi, se nkompli nħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex josservaw l-ogħla standards ta’ amministrazzjoni tajba.

Grazzi tal-appoġġ u l-impenn tagħkom matul dawn l-aħħar snin, u ejja nkomplu naħdmu flimkien fil-futur.

Emily O’Reilly, Ombudsman Ewropew