Int għandek ilment kontra istituzzjoni jew korp tal-UE?

Tiftix ta’ inkjesti

Kriterji għall-iffiltrar tad-dokumenti
Każ
Firxa tad-data
Keywords
Jew ipprova keywords antiki (Qabel l-2016)

Qed juri 1 - 20 minn 112 riżultati

Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew li tagħlaq l-inkjesta dwar l-ilment 790/2013/EIS kontra l-Kummissjoni Ewropea

It-Tnejn | 13 Ottubru 2014

Il-każ kien jikkonċerna d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-fajl tagħha dwar ilment ta’ ksur kontra l-Finlandja li fih ġie allegat li l-Finlandja ddiskriminat kontra l-irġiel fi skemi ta’ pensjoni addizzjonali volontarji. L-ilmentaturi sostnew li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni ma kinitx konsistenti, peress li kienet ressqet żewġ każijiet ta' ksur simili kontra l-Italja u l-Greċja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li ma għamlitx dan fil-każ tal-Finlandja. Fil-fehma tagħhom, il-Kummissjoni naqset ukoll milli tipprovdi raġunijiet adegwati għall-pożizzjoni tagħha li ma kienx ċar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kinitx tikkonkludi li d-dritt Finlandiż rilevanti jikser id-dritt tal-Unjoni.

L-Ombudsman staqsa dwar il-kwistjoni u sab li, matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni tat raġunijiet adegwati għall-pożizzjoni tagħha, u b’hekk eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali li għandha meta tittratta l-ilmenti ta’ ksur. Għalhekk hija kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda raġuni għal aktar inkjesti dwar il-kwistjoni u għalqet il-każ.

It-trattament tal-ilment ta’ ksur

It-Tnejn | 18 Marzu 2013

Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew li tagħlaq l-inkjesta tiegħu dwar l-ilment 104/2010/(IP)EIS kontra l-Kummissjoni Ewropea

Il-Ġimgħa | 21 Diċembru 2012

L-ilmentatur huwa ċittadin Taljan residenti fil-Ġermanja. Huwa argumenta li martu kienet vittma fil-Ġermanja ta’ diskriminazzjoni fl-impjieg abbażi tal-età u n-nazzjonalità, minħabba li kumpanija li kienet applikat għal impjieg ma qablitx magħha. Wara l-eżitu mingħajr suċċess tal-proċedimenti tal-qorti, l-ilmentatur ressaq ilment ta’ ksur lill-Kummissjoni Ewropea, fejn allega li l-awtoritajiet Ġermaniżi naqsu milli jittrasponu kif xieraq fl-ordinament ġuridiku nazzjonali Direttiva tal-UE dwar it-trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol.

Sussegwentement, l-ilmentatur irrikorra għand l-Ombudsman Ewropew u allega li l-Kummissjoni naqset (i) milli tirreġistra l-ilment ta’ ksur tiegħu, (ii) milli tittrattah kif xieraq, u (iii) milli tipprovdi raġunijiet konvinċenti biex tiġġustifika għaliex ma intervjenietx fil-każ tiegħu.

Fl-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni spjegat li kienet irreġistrat l-ilment ta' ksur tal-ilmentatur ftit jiem wara li rċevietu. Hija ddispjaċiha li ma tatx lill-ilmentatur avviż minn qabel dwar l-intenzjoni tagħha li tagħlaq l-ilment ta’ ksur tiegħu u li ma infurmatux dwar l-għeluq tal-każ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat li l-Ġermanja kienet ittrasponiet id-Direttiva msemmija hawn fuq b'mod xieraq u f'waqtu u pprovdiet raġunijiet speċifiċi għaliex ma kienx hemm bżonn li tinfetaħ proċedura ta' ksur abbażi tas-sottomissjonijiet tal-ilmentatur.

Peress li l-Kummissjoni kienet fil-fatt irreġistrat l-ilment ta' ksur, l-Ombudsman ma sab l-ebda amministrazzjoni ħażina f'dan ir-rigward. Fir-rigward tas-sustanza tal-każ, l-ebda inkjesta ulterjuri ma kienet iġġustifikata, minħabba li l-Kummissjoni tat raġunijiet speċifiċi u konvinċenti biex issostni l-pożizzjoni tagħha matul l-inkjesta. L-Ombudsman innota li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li la tat avviż minn qabel lill-ilmentatur dwar l-intenzjoni tagħha li tagħlaq l-ilment ta' ksur tiegħu u lanqas infurmatu dwar l-għeluq tal-każ. Barra minn hekk, hija ma skużatx ruħha għal din l-ommissjoni. Għalhekk huwa għamel rimarka kritika.

Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew li tagħlaq l-inkjesta tiegħu dwar l-ilment 2466/2011/ER kontra l-Kummissjoni Ewropea

Il-Ġimgħa | 12 Ottubru 2012

L-ilmentatur huwa ċittadin Taljan li, fl-2009, ressaq ilment lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-allegat ksur mill-Italja tad-Direttiva 83/391/KEE dwar is-sikurezza tal-ħaddiema. F’Settembru 2011, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta’ intimazzjoni lill-Italja. Meta l-ilmentatur sussegwentement talab aċċess għal dik l-ittra abbażi tar-Regolament 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess. Wara s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni konfermatorja għal aċċess, il-Kummissjoni infurmat lill-ilmentatur li l-applikazzjoni tiegħu kienet qed tiġi vvalutata iżda li xorta ma kellhiex l-elementi kollha li kellha bżonn biex tagħmel valutazzjoni finali. Il-Kummissjoni għalhekk iddikjarat li, f'konformità mar-Regolament 1049/2001, hija kienet estendiet l-iskadenza għad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni konfermatorja tal-ilmentatur bi 15-il jum ta' xogħol.

Fl-ilment tiegħu lill-Ombudsman, l-ilmentatur allega li l-Kummissjoni estendiet illegalment l-iskadenza għad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni konfermatorja tiegħu għall-aċċess. Fit-30 ta' Jannar 2012, l-Ombudsman fetaħ inkjesta dwar l-allegazzjoni tal-ilmentatur u talab lill-Kummissjoni biex tippreżenta opinjoni sal-31 ta' Marzu 2012. Il-Kummissjoni sussegwentement talbet estensjoni tal-iskadenza għas-sottomissjoni tal-opinjoni tagħha sat-30 ta' April 2012, li l-Ombudsman ta. Fl-istess ħin, huwa informa lill-Kummissjoni li huwa rriżerva d-dritt li jipproċedi abbażi tal-informazzjoni diġà pprovduta lilu f’każ li l-Kummissjoni ma tikkonformax mal-iskadenza l-ġdida. Fiż-żmien meta d-deċiżjoni tal-Ombudsman ġiet adottata f'Ġunju 2012, l-opinjoni tal-Kummissjoni kienet għadha ma waslitx.

L-Ombudsman qies li l-informazzjoni li kienet diġà tqiegħdet għad-dispożizzjoni tiegħu kienet suffiċjenti sabiex jiġi ttrattat dan l-ilment, li kien jikkonċerna biss l-estensjoni tat-terminu sabiex tingħata risposta għall-applikazzjoni konfermatorja u mhux id-deċiżjoni eventwali ta’ rifjut ta’ aċċess. Huwa għalhekk ikkonkluda li ma kienx hemm bżonn ta' aktar miżuri ta' inkjesta, jew li wieħed jistenna aktar l-opinjoni tal-Kummissjoni.

Fir-rigward tas-sustanza tal-każ, l-Ombudsman osserva li r-Regolament 1049/2001 jipprevedi skadenzi vinkolanti, u li l-eċċezzjonijiet huma possibbli biss f'każijiet eċċezzjonali u fejn ikunu ngħataw raġunijiet dettaljati lill-applikant. F’dan il-każ, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tindika li hija kien għad ma kellhiex fil-pussess tagħha l-elementi kollha li hija kellha bżonn sabiex twettaq evalwazzjoni finali. Fil-fehma tal-Ombudsman, din id-dikjarazzjoni kienet manifestament insuffiċjenti biex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni kienet ikkonfrontata b'każ eċċezzjonali li seta' jiġġustifika estensjoni taż-żmien. Is-sempliċi referenza magħmula mill-Kummissjoni għall-ħtieġa għal aktar żmien biex tinġabar l-informazzjoni għalhekk ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament 1049/2001, u b’mod partikolari r-rekwiżit li jingħataw raġunijiet dettaljati. L-Ombudsman għalhekk ikkonkluda li l-Kummissjoni estendiet b'mod illegali l-iskadenza għad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni konfermatorja tal-ilmentatur u li l-azzjoni tagħha kienet tikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina. Għaldaqstant, huwa għalaq il-każ b'rimarka kritika.