Kwistjonijiet ta’ reklutaġġ u r-rwol tal-Ombudsman Ewropew
L-amministrazzjoni tal-UE timpjega mijiet ta’ membri tal-persunal kull sena permezz ta’ tipi differenti ta’ proċeduri ta’ reklutaġġ. Dawn il-proċeduri jridu jsegwu ċerti regoli u l-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba.
Il-proċeduri ta’ reklutaġġ normalment jinvolvu kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni, li huwa responsabbli għall-valutazzjoni tal-kandidati u għat-tfassil tal-lista finali ta’ kandidati xierqa għar-reklutaġġ. Il-kumitati konsultattivi ta’ selezzjoni huma marbuta fil-ħidma tagħhom bil-kriterji tal-għażla, iżda għandhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni meta jivvalutaw il-kwalifiki u l-esperjenza professjonali tal-kandidati skont dawk il-kriterji. Ir-regoli li jirregolaw dawn il-proċeduri normalment jiġu stabbiliti fl-avviż ta’ post vakanti jew fl-avviż ta’ proċedura.
Ir-rwol tal-Ombudsman fil-każijiet ta’ reklutaġġ huwa prinċipalment li teżamina jekk kienx hemm żball ċar fil-valutazzjoni mill-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni jew kwalunkwe nuqqas proċedurali. Dan jimplika li l-Ombudsman mhux se tivvaluta mill-ġdid applikazzjoni jew il-prestazzjoni ta’ kandidat f’test jew f’intervista. Madankollu, l-Ombudsman tista’ tikseb spjegazzjonijiet dwar kif il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni vvaluta applikazzjoni jew il-prestazzjoni ta’ kandidat biex tiżgura li l-proċedura tkun twettqet kif suppost.
Qabel ma jirrikorri għall-Ombudsman, il-kandidat jeħtieġlu li l-ewwel jagħmel użu mir-rimedji li għandhom ikunu indikati fl-avviż, u jippermetti lill-amministrazzjoni biżżejjed żmien biex twieġeb.