Int għandek ilment kontra istituzzjoni jew korp tal-UE?

Il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u r-rwol tal-Ombudsman Ewropew

Skont it-Trattati tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli biex tiżgura li l-Istati Membri kollha japplikaw id-dritt tal-Unjoni kif xieraq. Hija tagħmel dan abbażi tal-investigazzjonijiet tagħha stess jew wara li jsiru lmenti minn individwi jew persuni ġuridiċi dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni (aktar informazzjoni dwar proċedimenti ta’ ksur)

Il-Kummissjoni għandha diskrezzjoni wiesgħa sabiex tiddeċiedi dwar jekk għandhiex tibda proċedura ta’ ksur u meta għandha tibdiha. Meta tittratta lmenti ta’ ksur, il-Kummissjoni jeħtiġilha li tikkonforma ma’ ċerti regoli. (aktar informazzjoni)

Iċ-ċittadini u l-persuni ġuridiċi jistgħu jirrikorru għand l-Ombudsman meta jqisu li l-Kummissjoni ma tkunx ittrattat kif xieraq ilment ta’ ksur, pereżempju, meta l-Kummissjoni tkun naqset milli tittratta l-ilment fil-ħin jew tkun naqset milli żżommhom infurmati bil-passi tagħha.

Madankollu, fir-rigward tal-pożizzjoni sostantiva li tieħu l-Kummissjoni dwar ilment ta’ ksur, bħad-deċiżjoni li tagħlaq il-każ mingħajr azzjoni, ir-rwol tal-Ombudsman huwa limitat minħabba d-diskrezzjoni wiesgħa tal-Kummissjoni. F’każijiet bħal dawn, l-Ombudsman tista’ tfittex li tiżgura li l-Kummissjoni tkun spjegat il-pożizzjoni tagħha kif suppost iżda l-Ombudsman titlob lill-Kummissjoni biex tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha biss jekk ikun hemm indikazzjoni ta’ żball ċar.