-
Missjoni
Il-missjoni tagħna hija li ngħinu nsolvu l-ilmenti u li niżguraw li l-amministrazzjoni tal-UE tapplika l-ogħla standards ta’ integrità, trasparenza, responsabbiltà u reattività. Nagħmlu dan billi npoġġu liċ-ċittadini u d-drittijiet tagħhom fil-qalba tal-azzjonijiet tagħna u billi nrawmu djalogu kostruttiv mal-IBOAs tal-UE kif ukoll ninvolvu ruħna ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra.
-
Viżjoni
Niġu rikonoxxuti bħala difensur fdat tad-drittijiet u tal-prinċipji li jirfdu l-funzjonament demokratiku tal-UE u bħala aġent ta’ bidla pożittiva.
-
Prinċipji u valuri
Il-prinċipji u l-valuri li jiggwidawna jservu bħala pedament għall-mod ta’ kif inwettqu xogħolna u ninteraġixxu mal-partijiet ikkonċernati tagħna.
- MT Malti
L-istrateġija tal-Ombudsman Ewropew għall-mandat 2025–2029
Dokument - Data It-Tnejn | 10 Novembru 2025
Introduzzjoni
L-Ombudsman Ewropew jittratta ilmenti u jwettaq investigazzjonijiet dwar każijiet ta’ allegata amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji tal-UE (minn hawn ’il quddiem “IBOAs tal-UE”), bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha.
Dan ir-rwol importanti jipprovdi lill-persuni u lill-organizzazzjonijiet b’mezz ta’ rimedju f’sitwazzjonijiet fejn huma jqisu li l-ilmenti tagħhom ikunu għadhom ma ġewx solvuti mill-istituzzjonijiet ikkonċernati. Jagħti wkoll is-setgħa lill-Ombudsman sabiex iwettaq investigazzjonijiet fuq inizjattiva proprja u jinvolvi ruħu mal-IBOAs tal-UE u ma’ partijiet ikkonċernati oħra biex jidentifika b’mod proattiv oqsma għal titjib u jindirizza kwistjonijiet sistemiċi. B’dan il-mod, l-Ombudsman jikkontribwixxi għall-iżgurar ta’ amministrazzjoni tajba u għaldaqstant għat-tisħiħ tal-istandards u tal-valuri demokratiċi li fuqhom hija msejsa l-UE.
Minn meta ġie stabbilit l-Uffiċċju fl-1995, l-Ombudsman ittratta aktar minn 68 000 ilment u wettaq kważi 10 000 investigazzjoni.
Filwaqt li nibni fuq l-esperjenza u l-kisbiet tal-predeċessuri tiegħi, filwaqt li nqis l-isfidi ġeopolitiċi ewlenin li l-UE qiegħda tiffaċċja bħalissa, l-ambizzjoni tiegħi hija li niddefendi d-drittijiet tal-persuni u tal-organizzazzjonijiet. Għandi l-għan li naġixxi bħala pont ta’ veru bejnhom u bejn l-UE billi nsaħħaħ il-fiduċja fil-governanza demokratika tal-UE u niżgura li l-IBOAs tal-UE jirrispettaw l-ogħla standards ta’ amministrazzjoni tajba.
Dan se jinvolvi:
- li npoġġi d-drittijiet taċ-ċittadini fil-qalba tal-azzjonijiet tagħna,
- li naġixxi mhux biss b’mod reattiv, iżda wkoll b’mod proattiv u strateġiku biex issir bidla pożittiva, u
- li nrawwem djalogu kostruttiv mal-IBOAs tal-UE, kif ukoll li ninvolvi lili nnifsi ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra.
Din l-Istrateġija, li ġiet żviluppata wara konsultazzjonijiet interni estensivi, tistabbilixxi kif l-Uffiċċju tiegħi beħsiebu jikseb dan fis-snin li ġejjin u l-prinċipji u l-valuri li se jiggwidaw il-ħidma tagħna.
Teresa Anjinho, Ombudsman Ewropew
Ottubru 2025
Il-prinċipji li jiggwidawna
Dawn il-prinċipji jsawru d-deċiżjonijiet u l-interazzjonijiet tagħna f’kull livell
aħna naġixxu b’mod etiku u nirrispettaw l-ogħla standards ta’ mġiba professjonali.
aħna nistinkaw biex niżguraw li l-persuni u l-organizzazzjonijiet jiġu ttrattati b’mod ġust, ekwu u bir-rispett dovut.
aħna nittrattaw lill-partijiet kollha b’mod ugwali u oġġettiv, ħielsa minn preġudizzju u influwenza indebita.
aħna nwettqu xogħolna b’mod awtonomu filwaqt li niżguraw il-kredibbiltà u l-fiduċja.
aħna nerfgħu r-responsabbiltà u nżommu lilna nfusna responsabbli għall-azzjonijiet u għad-deċiżjonijiet tagħna.
Il-valuri ewlenin tagħna
Dawn il-valuri jiddefinixxu kif naħdmu u kif ninvolvu ruħna mal-persuni, mal-organizzazzjonijiet u mal-istituzzjonijiet
aħna nittrattaw lil kulħadd b’dinjità, nivvalorizzaw perspettivi u esperjenzi diversi.
aħna nippromwovu t-trasparenza u komunikazzjoni ċara, kemm fi ħdan l-istituzzjoni tagħna kif ukoll esternament.
aħna nistinkaw biex niżguraw li s-servizzi tagħna jkunu aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha u jirreaġixxu għall-ħtiġijiet tagħhom.
aħna nippromwovu djalogu u kooperazzjoni kostruttivi mal-istituzzjonijiet u mal-partijiet ikkonċernati.
aħna għandna l-għan li niksbu impatt permezz tal-użu reattiv u f’waqtu tar-riżorsi tagħna.
Objettivi
1. Nagħtu s-setgħa liċ-ċittadini
Għan: Li nżidu s-sensibilizzazzjoni dwar ir-rwol tal-Ombudsman Ewropew fost iċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili u niżguraw li l-vuċi tagħhom tinstema’ u li d-drittijiet tagħhom jiġu rrispettati.
- Nesploraw modi ġodda biex inżidu s-sensibilizzazzjoni dwar l-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew, ir-rwol tagħna u d-drittijiet tal-persuni u tal-organizzazzjonijiet li jirrikorru għalina.
- Nadottaw approċċ immirat għall-involviment maċ-ċittadini f’kategoriji sottorappreżentati.
- Niżguraw li l-pjattaformi ta’ komunikazzjoni tagħna jkunu faċli għall-utent u aċċessibbli għall-aktar udjenza wiesgħa possibbli.
- Nikkomunikaw dwar il-ħidma tagħna b’mod li jenfasizza l-importanza ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll l-indipendenza tal-Uffiċċju, u r-rwol tiegħu bħala d-difensur tad-drittijiet taċ-ċittadini.
- Inrawmu teħid ta’ deċiżjonijiet trasparenti, inklużiv u responsabbli tal-UE permezz ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi sinifikanti dwar politiki li jappoġġaw il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini.
- Nużaw il-firxa sħiħa tas-setgħat tal-Ombudsman biex nindirizzaw kwistjonijiet miġjuba għall-attenzjoni tagħna, inkluż l-attivitajiet tal-UE f’pajjiżi terzi.
2. Inwettqu bidla pożittiva
Għan: Li nixprunaw bidla istituzzjonali u li nsaħħu l-amministrazzjoni tajba billi nippromwovu l-ġustizzja, l-integrità, it-trasparenza u l-fiduċja.
- Inkomplu noħorġu proposti ta’ soluzzjoni f’waqthom, ċari u motivati tajjeb, suġġerimenti għal titjib u rakkomandazzjonijiet lill-istituzzjonijiet tal-UE u niżguraw li d-deċiżjonijiet tagħna jkunu robusti u argumentati tajjeb.
- Nimmonitorjaw u nwettqu segwitu biex niżguraw li l-proposti ta’ soluzzjoni, is-suġġerimenti għal titjib u r-rakkomandazzjonijiet tagħna jiġu implimentati.
- Nantiċipaw kif il-kuntest tal-UE li qed jinbidel se jaffettwa l-ħidma tal-Ombudsman, u nikkontribwixxu b’mod attiv għal dibattiti u diskussjonijiet rilevanti dwar il-prinċipji u l-valuri ewlenin tal-amministrazzjoni tal-UE.
- Niffukaw il-ħidma strateġika tagħna fuq oqsma li huma fl-interess pubbliku, li jżidu l-valur u li l-Uffiċċju jista’ jaħdem fuqhom.
- Nuru l-impatt tal-ħidma tal-Ombudsman, inkluż permezz tal-pubblikazzjoni tal-eżitu tal-investigazzjonijiet, ir-rapporti tematiċi u l-linji gwida.
- Nisfruttaw is-setgħa ta’ sorveljanza tal-Parlament Ewropew biex jappoġġa u jsaħħaħ is-sejbiet tal-Ombudsman u biex jiġbed l-attenzjoni għal kwistjonijiet ewlenin ta’ interess pubbliku.
3. Insaħħu s-sħubijiet
Għan: Li nfittxu u li nrawmu relazzjonijiet kollaborattivi mal-partijiet ikkonċernati li jistgħu jappoġġaw u jsaħħu l-effettività tal-Ombudsman fil-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini u fil-promozzjoni ta’ amministrazzjoni tajba.
- Insaħħu r-relazzjonijiet ta’ ħidma mal-IBOAs tal-UE biex jiġi żgurat li r-rwol tal-Ombudsman Ewropew jinftiehem u jiġi rispettat, biex jiġu żgurati eżiti rapidi u ġusti għall-ilmenti u biex jiġu promossi prattiki amministrattivi tajbin.
- Inżidu l-kollaborazzjoni man-Network Ewropew tal-Ombudsmen bħala mod kif niksbu protezzjoni aħjar tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE u namplifikaw kwistjonijiet ewlenin relatati mad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fil-livell tal-UE u dak nazzjonali.
- Inrawmu l-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali involuti fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, bħall-Kunsill tal-Ewropa, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u n-Nazzjonijiet Uniti.
- Ninvolvu ruħna mal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u l-NGOs u niġbru informazzjoni intuwittiva dwar it-tħassib tal-pubbliku.
- Nikkollaboraw ma’ istituzzjonijiet akkademiċi u ma’ networks ta’ riċerka biex nippromwovu r-rwol tal-Ombudsman fit-titjib tal-governanza.
4. Inrawmu l-kwalità u l-effiċjenza operazzjonali
Għan: Li nippromwovu Uffiċċju tal-Ombudsman li jħares ’il quddiem, li jkun adattabbli u li huwa ffokat fuq is-servizz, li jagħti eżempju tal-aħjar prattiki, iħaddan l-innovazzjoni u jibqa’ reattiv għat-tendenzi u l-ħtiġijiet li qed jevolvu.
- Nirrieżaminaw b’mod kontinwu u nadattaw il-proċessi tagħna biex nissimplifikaw l-operazzjonijiet tagħna u niżguraw il-flessibbiltà u r-reattività.
- Intejbu l-għodod diġitali tagħna u nesploraw kif l-IA tista’ tikkontribwixxi b’mod utli għas-simplifikazzjoni u għall-armonizzazzjoni tal-mod li bih nindirizzaw l-ilmenti u proċessi oħra tagħna.
- Inrawmu ġestjoni eżemplari tar-riżorsi umani billi nirreklutaw u nżommu persunal bi kwalifiki għoljin u billi nrawmu kultura interna ta’ komunikazzjoni, kollaborazzjoni, benesseri u apprendiment kontinwu biex nappoġġaw it-tkabbir personali u l-aġilità organizzazzjonali.
- Nadottaw approċċ orjentat lejn is-servizz, inklużiv u aċċessibbli fl-interazzjonijiet tagħna mal-partijiet ikkonċernati interni u esterni.
- Inkomplu niżguraw il-konformità mar-regoli u mar-regolamenti applikabbli u mal-prinċipji tal-etika u l-governanza tajba, inkluż fil-qasam tat-trasparenza, il-protezzjoni tad-data u s-sostenibbiltà.
Implimentazzjoni
Azzjonijiet konkreti għall-implimentazzjoni ta’ din l-Istrateġija se jiġu inklużi fil-Pjan ta’ Ġestjoni Annwali tas-snin li jkopru dan il-mandat. L-Uffiċċju se jistabbilixxi wkoll sett ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex ikejjel il-progress fl-ilħuq tal-objettivi u l-prijoritajiet tal-Istrateġija.