Int għandek ilment kontra istituzzjoni jew korp tal-UE?

Il-ġestjoni tal-fondi tal-UE (għotjiet, akkwist u kuntratti) u r-rwol tal-Ombudsman Ewropew

Il-ġestjoni tajba tal-fondi tal-UE hija qasam ewlieni ta’ ħidma tal-Ombudsman Ewropew. L-UE tipprovdi finanzjament fil-forma ta’ għotjiet lil proġetti jew organizzazzjonijiet li jsaħħu l-interessi komuni tal-UE jew jgħinu fl-implimentazzjoni ta’ programm jew politika tal-UE. L-UE talloka wkoll parti mill-baġit tagħha għall-akkwist pubbliku, użat għas-servizzi u l-materjal meħtieġ għall-ħidma tal-istituzzjonijiet Ewropej jew għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE.

L-Ombudsman għandha l-għan li tiżgura li l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE jimmaniġġjaw il-programmi ta’ finanzjament u s-sejħiet għall-offerti b’mod xieraq. Dan jimplika li huma jaġixxu f’konformità mal-qafas legali rilevanti, u jittrattaw is-sħab u l-kuntratturi ta’ finanzjament b’mod ġust u f’konformità mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba. L-Ombudsman tittratta każijiet li jikkonċernaw l-għoti ta’ għotjiet u kuntratti, kif ukoll ċerti aspetti li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-kuntratti.

Ir-rwol tal-Ombudsman f’każijiet li jikkonċernaw l-għoti ta’ kuntratti huwa li teżamina jekk kienx hemm żball ċar fil-valutazzjoni jew żball proċedurali. L-Ombudsman tista’ teżamina jekk il-korp tal-UE inkwistjoni aġixxiex f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali tal-kuntratt, mar-Regolament Finanzjarju tal-UE u ma’ dispożizzjonijiet legali applikabbli oħra, kif ukoll mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba. Ir-rwol tal-Ombudsman mhuwiex li tivvaluta mill-ġdid proġett jew offerta ta’ proġett, jew li timmedja f’tilwim kuntrattwali.