Id-drittijiet fundamentali
L-istituzzjonijiet tal-UE jeħtiġilhom li jiżguraw li x-xogħol tagħhom ma jiksirx id-drittijiet fundamentali tan-nies. Ir-rwol tal-Ombudsman huwa li tiżgura li jkollhom proċeduri u prattiki fis-seħħ biex jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali, u li dawn jiġu applikati kif suppost.
Xi oqsma ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE huma aktar esposti għal ksur potenzjali tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari dawk relatati mar-responsabbiltajiet dejjem akbar tal-UE fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri u l-ażil. Din kienet enfasi partikolari għall-Ombudsman.
Il-baġit tal-UE jrid jiġi implimentat ukoll b’mod li jirrispetta d-drittijiet fundamentali u jippromwovi l-impenji tal-UE dwar id-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità (skont il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità). L-istituzzjonijiet u l-aġenziji rilevanti tal-UE għandhom rwol fil-monitoraġġ u l-verifika ta’ dan, u l-Ombudsman tista’ tfittex li tiżgura li jkunu qed jagħmlu dan.
L-Ombudsman tirċievi b’mod regolari lmenti minn individwi li jemmnu li d-drittijiet tagħhom ikunu nkisru. Hija tista’ teżamina wkoll kwistjonijiet aktar sistemiċi dwar id-drittijiet fundamentali relatati mal-ħidma tal-amministrazzjoni tal-UE.