- MT Malti
L-Ombudsman Ewropew jadotta stil ġdid ta’ deċiżjoni
Dokument - Data It-Tnejn | 01 Settembru 2008
Fir-Rapport Annwali għall-2007, l-Ombudsman wiegħed li se jesplora metodi ta' kif jagħmel id-deċiżjonijiet tiegħu eħfef biex jinqraw. L-għan huwa li jipprovdi servizz aħjar għal min iressaq l-ilmenti u biex joffri gwida aktar ċara kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għall-uffiċjali, dwar x'jikkostitwixxi amministrazzjoni tajba.
Bħalissa, deċiżjonijiet li jagħlqu l-inkjesti jieħdu l-forma ta' ittra lil min iressaq l-ilment, li kopja tag ħha tintbagħat lill-istituzzjoni jew lill-korp li jkun sar l-ilment kontrih. L-ittra tibda bi kronoloġija tal-passi kollha fl-inkjesta. Din tiġi segwita minn rapporti dettaljati dwar l-ilment u dwar l-inkjesta ta' l-Ombudsman, inklużi l-opinjoni mill-istituzzjoni u l-osservazzjonijiet ta' min ressaq l-ilment dwar l-opinjoni. Il-parti finali tad-deċiżjoni tirrevedi l-evidenza, tirrepeti fil-qosor x'ġara qabel, imbagħad tispjega r-riżultati ta' l-Ombudsman u r-raġunijiet għalfejn ingħalqet l-inkjesta.
Meta l-istruttura preżenti kienet adottata fl-1996, ħafna mill-ilmenti kienu relattivament sempliċi u għaldaqstant id-deċiżjonijiet ta' l-għeluq kienu qosra. Matul is-snin, il-kwistjonijiet imqajma mill-ilment medju saru aktar numerużi u kumplessi. Bħala konsegwenza, ir-rapporti dettaljati ta' dak li jkun intqal minn min ressaq l-ilment u mill-istituzzjoni twalu u saru aktar kumplessi. Dan min-naħa tiegħu, jagħmel ir-ripetizzjoni inerenti fl-istruttura attwali aktar invadenti u ta' aljenazzjoni. Ir-riżultat globali huwa li d-deċiżjonijiet saru itwal u iktar diffiċli biex jinqraw.
Wara li jeżamina bir-reqqa d-diversi għażliet tal-bidla, l-Ombudsman se jadotta stil ġdid ta' deċiżjoni minn Settembru 2008.
Fl-istil il-ġdid, l-ittra lil min ikun ressaq l-ilment hija separata mid-deċiżjoni. L-ittra għandha ton aktar personali u tinforma lil min ikun ressaq l-ilment, dwar ir-riżultat ta' l-ilment b'mod sempliċi.
Id-deċiżjoni nnifisha għandha struttura mtejba. Fl-ewwel żewġ sezzjonijiet, l-Ombudsman jistabbilixxi l-isfond ta' l-ilment u mbagħad jispjega l-qasam ta' applikazzjoni ta' l-inkjesta tiegħu. Is-sezzjoni ta' wara tirreferi għall-passi tal-proċedura ta' inkjesta, li tinkludi l-isforzi ta' l-Ombudsman biex isolvi l-problema(i) u d-differenzi bejn il-partijiet. Bħal qabel, is-sezzjoni finali tirrevedi l-evidenza u tispjega r-riżultati ta' l-Ombudsman u r-raġunijiet għalfejn ingħalqet l-inkjesta.
Billi jiġu evitati dettall u ripetizzjoni li ma jkunux neċessarji, l-istil il-ġdid se jirriżulta f'deċiżjonijiet iqsar u aktar iffukati. Il-pass li jmiss biex id-deċiżjonijiet ikunu eħfef biex jinqraw se jkun li l-lingwa li tintuża se tiġi ssimplifikata kemm jista' jkun. Dan se jsir b'mod progressiv, bl-għajnuna ta' konsulenti esterni, u se jibda fl-aħħar kwart tas-sena 2008.