Kwistjonijiet etiċi
L-amministrazzjoni tal-UE għandha ħafna regoli fis-seħħ biex tipprevjeni kunflitti ta’ interess jew ksur etiku ieħor. Ir-rwol tal-Ombudsman huwa li tgħin tiżgura li dawn ir-regoli jiġu implimentati, kif ukoll li tgħin lill-istituzzjonijiet jevitaw kwalunkwe perċezzjoni li jista’ jkun hemm ksur etiku.
Qasam partikolari ta’ prijorità għall-Ombudsman huwa l-kwistjoni ta’ “revolving doors”, li fih l-uffiċjali pubbliċi jitilqu mill-amministrazzjoni tal-UE biex jibdew karigi fis-settur privat (jew viċi versa). L-uffiċjali pubbliċi li jimxu għas-settur privat jistgħu jfittxu li jagħmlu użu minn networks li kellhom aċċess għalihom fir-rwoli preċedenti tagħhom jew li jippruvaw jinfluwenzaw il-leġiżlazzjoni jew ir-regolamenti tal-UE. Dan jista’ jimmina l-fiduċja pubblika fl-amministrazzjoni tal-UE.
Filwaqt li huwa normali li l-gruppi ta’ interess ifittxu li jeżerċitaw influwenza fuq il-proċess demokratiku tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, huwa essenzjali li dan iseħħ skont l-ogħla standards ta’ trasparenza, biex jittaffa t-tħassib dwar kunflitti ta’ interess potenzjali. It-trasparenza fl-illobbjar u kif il-gruppi ta’ interess jinvolvu ruħhom mal-istituzzjonijiet tal-UE huma temi rikorrenti tal-inkjesti tal-Ombudsman.
L-Ombudsman tista’ teżamina kwistjonijiet etiċi li jitqajmu minn ilmentaturi li ma jkunx sodisfatti bil-mod kif l-istituzzjoni inkwistjoni indirizzat it-tħassib tagħhom. Madankollu, din tista’ taġixxi wkoll fuq inizjattiva tagħha stess biex teżamina kwistjonijiet li permezz tagħhom issir konxja ta’ tħassib pubbliku potenzjali u ssib raġunijiet biex tagħmel dan.