FOR PREVIEWING & TESTING PURPOSES ONLY.
This notification will disappear once the page will be published.
This link is available for less than 30 minutes.
  • Easy to read
  • Text size

You have a complaint against an EU institution or body?

Current language: 
  • Malti
Available languages: 

Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew fl-inkjesta strateġika tagħha dwar iż-żmien li tieħu l-Kummissjoni Ewropea biex tindirizza talbiet għal aċċess pubbliku għad-dokumenti (OI/2/2022/OAM)

L-aċċess pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-UE huwa dritt fundamentali li jingħata effett permezz tar-Regolament 1049/2001. Skont ir-regolament, it-talbiet għal aċċess pubbliku, kif ukoll it-talbiet għal rieżami tar-rifjuti inizjali ta’ żvelar ta’ dokumenti, iridu jiġu indirizzati minnufih u, fi kwalunkwe każ, f’limiti ta’ żmien ċari. Id-dokumenti mitluba spiss ikunu sensittivi għall-ħin u jistgħu jitilfu r-rilevanza jekk iseħħ dewmien. Jista’ jkun hemm ukoll effett dissważiv fis-sens li individwi jagħżlu li ma jeżerċitawx id-dritt fundamentali tagħhom ta’ aċċess għal dokumenti abbażi li jafu li dan jieħu wisq żmien.

F’dawn l-aħħar snin, l-ilmenti lill-Ombudsman issuġġerew li l-limiti ta’ żmien spiss inqabżu b’mod sinifikanti mill-Kummissjoni Ewropea. L-Ombudsman għalhekk fetħet inkjesta fuq inizjattiva proprja dwar jekk kienx hemm dewmien sistemiku fil-mod kif il-Kummissjoni tindirizza tali talbiet. L-investigazzjoni wriet li jseħħ dewmien sistemiku u sinifikanti fir-rigward tal-indirizzar ta’ talbiet għal rieżami ta’ deċiżjonijiet inizjali li jirrifjutaw aċċess (“applikazzjonijiet konfermatorji”). Fl-2021, 85 % tad-deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet konfermatorji ġew posposti, b’aktar minn 60 % jieħdu d-doppju tal-limitu ta’ żmien legali. Din hija amministrazzjoni ħażina. Għaldaqstant, l-Ombudsman għamlet rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni biex is-sitwazzjoni attwali tiġi rimedjata, abbażi ta’ kwistjoni ta’ prijorità.

Bi tweġiba, il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-importanza ta’ indirizzar f’waqtu tat-talbiet u rreferiet għall-ħafna sfidi maħluqa miż-żieda fl-għadd ta’ talbiet u l-kumplessità tagħhom. It-tweġiba tal-Kummissjoni ssuġġeriet li hi tipproċessa t-talbiet mingħajr ebda kwistjoni ewlenija. Madankollu, dan mhuwiex dak li rat l-Ombudsman fl-inkjesta tagħha u fl-ilmenti sottomessi lilha. Matul l-investigazzjoni tal-Ombudsman, l-għadd ta’ każijiet ta’ “dewmien” li qed jiġu indirizzati mill-Uffiċċju tagħha żdied b’mod sinifikanti. Kif juri dan ir-rapport, il-każijiet jistgħu jikkonċernaw kwistjonijiet ta’ importanza pubblika kbira ħafna bl-ilmentaturi xi kultant jistennew aktar minn sena għal tweġiba u ma jiġux infurmati dwar meta jistgħu jirċievu waħda.

Sakemm u sa meta l-Kummissjoni, fl-ogħla livelli, ma turix fil-prattika li t-trasparenza hija r-regola u prijorità għall-istituzzjoni, l-indirizzar tat-talbiet tagħha se jkompli jiġi ttardjat. Għalhekk, l-Ombudsman tqis li huwa xieraq li l-kwistjoni tinġieb għall-attenzjoni tal-Parlament Ewropew. Il-pubbliku huwa intitolat li jistenna aħjar minn amministrazzjoni tal-UE miftuħa, moderna u orjentata lejn is-servizz.

magħmul f’konformità mal-Artikolu 4(1) tal-Istatut tal-Ombudsman Ewropew[1]

Sfond

1. Id-dritt tal-pubbliku li jaċċessa dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-UE huwa stabbilit fit-Trattati tal-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.[2] Dan għandu rwol kruċjali biex jiżgura li l-istituzzjonijiet tal-UE joperaw b’mod trasparenti, b’hekk tissaħħaħ il-leġittimità tal-UE u l-fiduċja tal-pubbliku fiha. Ir-regoli ġenerali li jagħtu effett lil dan id-dritt huma stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti (Regolament 1049/2001).[3]

2. Jekk istituzzjoni tal-UE tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti li ċittadin ikun talab għalihom, billi tinvoka waħda mill-eċċezzjonijiet skont ir-Regolament 1049/2001, iċ-ċittadin jista’ mbagħad jitlob li l-istituzzjoni tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha (din tissejjaħ “applikazzjoni konfermatorja”).

3. Hemm żewġ mezzi ta’ rimedju ladarba l-istituzzjoni tkun irrifjutat, b’mod sħiħ jew parzjali, applikazzjoni konfermatorja jew fejn l-istituzzjoni ma tweġibx fi ħdan il-limiti ta’ żmien applikabbli. Dawk li jfittxu aċċess pubbliku għad-dokumenti jistgħu jressqu l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE jew jirrikorru għand l-Ombudsman Ewropew.

4. L-ilmenti li jallegaw nuqqas ta’ trasparenza dejjem jammontaw għall-ogħla proporzjon ta’ każijiet indirizzati mill-Ombudsman. Sabiex tgħin lill-pubbliku u lill-istituzzjonijiet tal-UE f’dan il-qasam, l-Ombudsman ippubblikat gwida online f’24 lingwa, b’riżorsa aktar dettaljata għall-esperti.[4]

5. Sabiex jiġi żgurat aċċess sinifikanti, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jindirizzaw it-talbiet kollha għal aċċess pubbliku malajr kemm jista’ jkun. Id-dewmien fl-għoti tal-aċċess jista’ jimmina l-kapaċità ta’ dawk l-individwi li jitolbu dokumenti biex jipparteċipaw fil-proċess demokratiku tal-UE. L-individwi jistgħu, pereżempju, ifittxu aċċess għal dokumenti biex ikunu jistgħu jsegwu fid-dettall in-negozjati leġiżlattivi jew internazzjonali li jkunu għaddejjin jew biex jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjonijiet jew fit-tfassil ta’ politika tal-UE. Dan jista’ jinkludi gruppi ta’ interess jew organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li qed ifittxu li jipparteċipaw f’dibattiti ta’ politika jew proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet kontinwi jew ġurnalisti li qed jaħdmu biex iżommu korpi pubbliċi responsabbli.

6. Għaldaqstant, ir-Regolament 1049/2001 jipprevedi li t-talbiet għal aċċess pubbliku għandhom jiġu indirizzati “minnufih”. Hemm limitu ta’ żmien ta’ 15-il jum ta’ xogħol għal deċiżjoni ta’ istituzzjoni, kemm dwar it-talba għal aċċess inizjali kif ukoll dwar applikazzjonijiet konfermatorji fejn l-istituzzjoni inizjalment irrifjutat aċċess (sħiħ). Kull limitu ta’ żmien jista’ jiġi estiż f’“każijiet ta’ eċċezzjoni” bi 15-il jum ta’ xogħol ieħor, li jfisser li l-istituzzjonijiet tal-UE huma mistennija jieħdu deċiżjoni, fl-istadju inizjali u fl-istadju konfermatorju rispettivament, fi żmien massimu ta’ 30 jum ta’ xogħol. In-nuqqas ta’ konformità mal-limiti ta’ żmien stabbiliti mil-leġiżlatur ma jistax ikun prattika amministrattiva tajba.

7. F’dawn l-aħħar snin, l-ilmenti lill-Ombudsman urew li kien hemm dewmien sinifikanti qabel ma l-Kummissjoni ddeċidiet dwar talbiet għal aċċess pubbliku għad-dokumenti.

8. F’dan l-isfond, l-Ombudsman fetħet investigazzjoni fuq inizjattiva proprja biex taċċerta jekk id-dewmien kienx sistemiku fl-indirizzar mill-Kummissjoni ta’ talbiet għal aċċess pubbliku għad-dokumenti.

L-investigazzjoni

9. L-Ombudsman talbet lill-Kummissjoni tipprovdi data statistika għas-sena 2021 dwar: (I) l-għadd ta’ talbiet u applikazzjonijiet konfermatorji li rċeviet, u (ii) iż-żmien li ħadet biex tindirizza dawn it-talbiet, inkluż kemm-il darba qabżet il-limitu ta’ żmien massimu ta’ 30 jum ta’ xogħol.[5]

10. It-tim ta’ investigazzjoni tal-Ombudsman spezzjona aktar minn 60 fajl tal-Kummissjoni dwar it-talbiet għal aċċess għad-dokumenti, inklużi talbiet fejn il-Kummissjoni kienet ikkonformat mal-limiti ta’ żmien u fejn hija kienet ġarrbet dewmien sinifikanti. Imbagħad l-Ombudsman staqsiet lill-Kummissjoni biex twieġeb għal mistoqsijiet addizzjonali.

11. It-tim ta’ investigazzjoni tal-Ombudsman organizza wkoll laqgħa mal-persunal mill-Kummissjoni biex jikseb informazzjoni addizzjonali. [6] 

Is-sejbiet tal-Ombudsman li wasslu għal rakkomandazzjoni

12. L-investigazzjoni tal-Ombudsman uriet li kien hemm dewmien, inkluż dewmien sinifikanti, b’mod partikolari fl-indirizzar ta’ talbiet fl-istadju konfermatorju. Fl-2021, filwaqt li fl-istadju inizjali kien hemm dewmien f’madwar 16 % tal-każijiet, 85 % tal-applikazzjonijiet konfermatorji kollha ġarrbu dewmien. Aktar minn 60 % tal-applikazzjonijiet konfermatorji kollha ġew indirizzati f’aktar minn 60 jum ta’ xogħol, minkejja li l-limitu ta’ żmien legali kien ta’ 15-il jum ta’ xogħol, li jista’ jiġi estiż - f’każijiet ta’ eċċezzjoni - bi 15-il jum ta’ xogħol oħra. In-nuqqas ta’ konformità mal-limiti ta’ żmien stabbiliti mil-leġiżlatura tal-UE kien għalhekk sistemiku. 

SR

13. F’dan l-isfond, l-Ombudsman sostniet li d-dewmien sistemiku u sinifikanti li ġarrbet il-Kummissjoni fl-ipproċessar tat-talbiet għal aċċess pubbliku għad-dokumenti jammonta għal amministrazzjoni ħażina. L-Ombudsman irrakkomandat li l-Kummissjoni tikkoreġi dik is-sitwazzjoni bħala kwistjoni ta’ prijorità.[7]

14. Barra minn hekk, l-Ombudsman għamlet sensiela ta’ suġġerimenti biex tindirizza kwistjonijiet partikolari fl-indirizzar ta’ talbiet għal aċċess, li hija identifikat fl-investigazzjoni tagħha u li jistgħu jwasslu għal dewmien. Madankollu, hija nnotat li l-indirizzar tal-kwistjoni ewlenija tad-dewmien jeħtieġ kunsiderazzjoni mill-ġdid aktar fundamentali fi ħdan il-Kummissjoni dwar kif tippjana li taderixxi mal-limiti ta’ żmien stabbiliti mil-leġiżlatura.

15. Il-kwistjonijiet partikolari li nnotat l-Ombudsman u li hija indirizzat permezz ta’ suġġerimenti kienu jinkludu:

  • Trasparenza proattiva insuffiċjenti: L-Ombudsman issuġġeriet li l-Kummissjoni tkompli bit-tentattivi tagħha biex tantiċipa oqsma/suġġetti ta’ politika li jistgħu jiġġeneraw interess pubbliku partikolari, u tiżgura trasparenza proattiva fir-rigward ta’ dawn l-oqsma/is-suġġetti ta’ politika. Dan huwa wieħed mill-mezzi primarji biex tiġi evitata l-ħtieġa li individwi jissottomettu talbiet u jistennew li d-dokumenti jiġu żvelati.
  • Riżorsi umani insuffiċjenti: L-Ombudsman issuġġeriet li l-Kummissjoni tiddedika aktar riżorsi biex tindirizza l-applikazzjonijiet konfermatorji, meta jitqiesu l-għadd dejjem jiżdied ta’ applikazzjonijiet u l-fatt li l-Kummissjoni ma tissodisfax il-limitu ta’ żmien preskritt fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet.
  • Prattiki li jieħdu ħafna ħin u li jużaw ħafna riżorsi, u interazzjoni limitata mar-rikjedenti: L-Ombudsman għamlet xi suġġerimenti speċifiċi f’dan ir-rigward, inkluż li l-Kummissjoni tinvolvi ruħha mar-rikjedenti b’mod miftuħ u kostruttiv fl-istadji kollha, u tiżgura li jingħataw l-informazzjoni kollha meħtieġa li tista’ tippermettilhom jiċċaraw it-talbiet tagħhom. Hija ssuġġeriet ukoll li l-Kummissjoni tivverifika mill-bidu jekk humiex se jkunu meħtieġa konsultazzjonijiet esterni fl-indirizzar ta’ talba għal aċċess u, jekk iva, tniedi dak il-proċess fil-ħin. Bl-istess mod, jenħtieġ li l-Kummissjoni tfittex li tikseb kjarifiki mingħand ir-rikjedenti fi ftit jiem minn meta t-talba tkun ġiet irreġistrata.

It-tweġiba tal-Kummissjoni

16. Bi tweġiba għar-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman, il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-importanza li t-talbiet jiġu indirizzati fil-ħin.[8] Din irreferiet għaż-żieda sinifikanti fl-għadd ta’ talbiet għal aċċess pubbliku matul dawn l-aħħar snin, li huma dejjem usa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni u kumplessi ħafna. Il-Kummissjoni indikat ukoll miżuri ġodda li daħħlet fis-seħħ biex tissimplifika l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti, jiġifieri s-sistema l-ġdida tal-IT għas-sottomissjoni u l-indirizzar tat-talbiet - il-portal tal-Aċċess Elettroniku għad-Dokumenti tal-Kummissjoni (EASE).[9]

17. Il-Kummissjoni argumentat li t-tħassib imqajjem mill-Ombudsman huwa prinċipalment relatat ma’ parti limitata tat-talbiet għal aċċess li tirċievi, jiġifieri, 4 % tat-talbiet kollha riċevuti fl-2021 u 5 % fl-2022. B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tqis li għandha livell għoli ta’ trasparenza, peress li jingħata aċċess sħiħ jew parzjali għall-maġġoranza tad-dokumenti mitluba.

18. Fir-rigward tas-suġġerimenti konkreti magħmula mill-Ombudsman, il-Kummissjoni nnutat l-isforzi kostanti tagħha biex ittejjeb it-trasparenza proattiva u rreferiet għat-trasparenza proattiva fin-negozjati dwar Brexit u l-kummerċ, bħala eżempji rilevanti.

19. Bi tweġiba għas-suġġeriment tal-Ombudsman dwar riżorsi umani insuffiċjenti, il-Kummissjoni indikat il-limitazzjonijiet attwali tal-persunal f’kuntest ta’ kompiti addizzjonali sostanzjali riċevuti matul dawn l-aħħar snin (f’oqsma bħall-kriżi tal-enerġija, il-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna u kriżijiet umanitarji). Minkejja dawn il-limitazzjonijiet, il-Kummissjoni impenjat ruħha li talloka aktar riżorsi lit-tim fis-Segretarjat Ġenerali inkarigat mill-applikazzjonijiet konfermatorji, madankollu mingħajr ma speċifikat kemm minn dawn.

20. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni indikat li l-prattiki amministrattivi u l-gwida tagħha għall-persunal diġà jkopru s-suġġerimenti tal-Ombudsman fir-rigward tat-tnedija f’waqtha ta’ konsultazzjonijiet esterni u l-involviment mal-applikanti biex jinkisbu kjarifiki. Il-Kummissjoni żiedet li regolarment tfakkar lill-persunal dwar dawn il-prattiki u dwar il-ħtieġa li jieħu kwalunkwe pass proċedurali mingħajr dewmien żejjed.

Il-valutazzjoni tal-Ombudsman

21. Huwa importanti li jiġi stabbilit xi jfisser fil-fatt id-dewmien fil-prattika. L-ewwel nett, dan jinvolvi esperjenza negattiva mal-UE għaċ-ċittadin ikkonċernat u telf ta’ kredibbiltà għall-istituzzjoni. Iċ-ċittadini, min-naħa tagħhom, huma meħtieġa li jikkonformaw mingħajr kondizzjonijiet mal-limiti ta’ żmien imposti fuqhom mill-awtoritajiet pubbliċi. Huwa diffiċli li wieħed jara kif għandu jkun aċċettabbli li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jinjoraw il-limiti ta’ żmien li l-liġi tistabbilixxi għall-azzjoni tagħhom. Barra minn hekk, id-dewmien jegħleb wieħed mill-għanijiet stess tad-dritt ta’ aċċess pubbliku, jiġifieri li jippermetti liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet jipparteċipaw f’dibattiti pubbliċi u jiskrutinizzaw l-azzjoni li l-awtoritajiet pubbliċi jipprevedu jew ħadu. L-għoti ta’ ta’ aċċess xhur jew snin wara li l-kwistjoni tkun fl-għajn pubblika jista’ ma jagħmilx sens. Il-gravità ta’ din il-kwistjoni hija aggravata mill-fatt li, skont l-esperjenza tal-Ombudsman, iseħħ dewmien sinifikanti f’każijiet ta’ importanza pubblika kbira.

22. It-tweġiba tal-Kummissjoni tissuġġerixxi li diġà qed timplimenta l-biċċa l-kbira tas-suġġerimenti tal-Ombudsman. Dan mhuwiex dak li rat l-Ombudsman fl-investigazzjonijiet tagħha.[10]

23. L-ilmenti li waslu għand l-Ombudsman, wara l-ftuħ ta’ din l-investigazzjoni, ikomplu juru dewmien sinifikanti, inkluż f’każijiet ta’ importanza pubblika. L-ilmenti juru wkoll li s-suġġerimenti tal-Ombudsman mhumiex implimentati b’mod sistematiku fil-prattika. L-eżempji jinkludu dan li ġej:

  • Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza: Ġurnalist fittex aċċess pubbliku għad-dokumenti li jikkonċernaw il-pjanijiet nazzjonali tal-Polonja u tan-Netherlands taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF). Għad-dokumenti relatati mal-pjan Pollakk, il-Kummissjoni tat aċċess parzjali disa’ xhur wara t-talba inizjali tal-ilmentatur.[11] L-ilmentatur ikkunsidra li l-Kummissjoni kienet naqset milli tidentifika d-dokumenti kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-talba tiegħu. Il-Kummissjoni wieġbet li jeżistu żewġ dokumenti addizzjonali iżda ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-talba. L-Ombudsman ikkunsidrat li l-Kummissjoni kienet iddefiniet il-kamp ta’ applikazzjoni tat-talba b’mod litterali ħafna u sabet li kienet ħasra li l-Kummissjoni ma kinitx impenjat ruħha mal-ilmentatur biex tiċċara t-talba. Hija ħeġġet lill-Kummissjoni biex tirreġistra talba ġdida għal dawn iż-żewġ dokumenti u tindirizza din it-talba immedjatament. Għad-dokumenti relatati mal-pjan Olandiż, f’Settembru 2023, il-Kummissjoni kienet għadha ma ħaditx deċiżjoni finali minkejja li l-ilmentatur talab aċċess għall-ewwel darba f’Ġunju 2022. Il-Kummissjoni infurmat lill-Ombudsman li l-konsultazzjonijiet esterni kienu għadhom għaddejjin disa’ xhur wara li rċeviet l-applikazzjoni konfermatorja.[12]
  • Migrazzjoni: Ġurnalista issottometta tliet talbiet lill-Kummissjoni għal aċċess pubbliku għal dokumenti li jikkonċernaw is-sorveljanza u s-sistemi ta’ sigurtà u t-tagħmir fiċ-ċentri tal-migranti fil-Greċja Hija rrikorriet għand l-Ombudsman wara li ltaqgħet ma’ dewmien biex tirċievi tweġiba għat-tliet applikazzjonijiet konfermatorji kollha. It-talbiet tal-ilmentatur imorru lura għal Awwissu tal-2022. F’Settembru 2023, il-Kummissjoni bagħtet it-tweġiba finali tagħha dwar talba waħda, filwaqt li t-tnejn l-oħra kienu għadhom pendenti.[13]
  • Drittijiet diġitali: Network ta’ organizzazzjonijiet li jimmonitorjaw l-applikazzjoni tad-drittijiet diġitali fl-UE talab lill-Kummissjoni għal aċċess pubbliku għad-dokumenti li jikkonċernaw il-kriptaġġ fl-infurzar tal-liġi. Wara li l-Kummissjoni naqset li twieġeb għall-applikazzjoni konfermatorja, l-ilmentatur irrikorra għand l-Ombudsman. L-ilmentatur argumenta li d-dewmien ifisser li ma jistax jissodisfa r-rwol ta’ monitoraġġ tiegħu peress li d-dokumenti jsiru inqas u inqas rilevanti hekk kif jibda jgħaddi ż-żmien u d-dibattitu ta’ politika dwar is-suġġett jevolvi. It-talba inizjali tal-ilmentatur tmur lura għal Ottubru 2022; f’Settembru 2023, il-Kummissjoni kienet għadha ma ħaditx deċiżjoni finali.[14]
  • Sanzjonijiet kontra r-Russja: Il-Kummissjoni naqset milli tieħu deċiżjoni finali fil-limiti ta’ żmien applikabbli dwar talba għal aċċess pubbliku għad-dokumenti li jikkonċernaw korrispondenza u laqgħat ma’ lobby u gruppi tal-industrija rigward sanzjonijiet kontra r-Russja. Minħabba d-dewmien kontinwu, l-Ombudsman spezzjonat id-dokumenti inkwistjoni. L-ispezzjoni żvelat li għaxra mill-41 dokument identifikati kienu diġà disponibbli pubblikament, 18-il dokument kienu ittri ta’ kopertura jew emails ta’ kopertura ta’ natura purament amministrattiva u 13-il dokument ma kienx jidher li fihom informazzjoni sensittiva. Fid-dawl ta’ dan, l-Ombudsman talbet lill-Kummissjoni biex tagħti aċċess l-akbar possibbli għad-dokumenti, li l-Kummissjoni aċċettat. B’mod ġenerali, il-Kummissjoni ħadet 15-il xahar biex tiżvela d-dokumenti. L-Ombudsman innotat ukoll li l-Kummissjoni nediet il-konsultazzjonijiet meħtieġa ma’ partijiet terzi biss wara li l-Ombudsman kienet talbet li tispezzjona d-dokumenti. Dan kien jikkostitwixxi dewmien ta’ kważi sitt xhur.[15]
  • COVID-19: Ċittadin talab lill-Kummissjoni għal lista ta’ dokumenti skambjati bejn il-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Kummissjoni li jindirizzaw ix-xiri ta’ vaċċini kontra l-COVID-19 u l-gvern Pollakk. Il-Kummissjoni damet 14-il xahar biex twieġeb. Minkejja ż-żmien konsiderevoli u l-isforz meħtieġ mill-persunal tal-Kummissjoni biex jipproduċi d-dokumenti mitluba, il-Kummissjoni ma kkuntattjatx lill-ilmentatur biex jiċċara l-kamp ta’ applikazzjoni tat-talba tiegħu u/jew biex jagħmel proposta għal soluzzjoni bonarja. Il-Kummissjoni lanqas ma żammet lill-ilmentatur infurmat dwar kif it-talba tiegħu kienet qed tiġi pproċessata matul ħafna xhur. Il-Kummissjoni pposponiet ukoll l-iskadenza għat-tweġiba xi ftit drabi matul l-investigazzjoni tal-Ombudsman. L-informazzjoni pprovduta lill-ilmentatur f’dan ir-rigward kienet konfuża ħafna.[16]
  • Sigurtà tal-enerġija: Organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili talbet lill-Kummissjoni għal informazzjoni u aċċess pubbliku għad-dokumenti li jikkonċernaw it-Task Force dwar is-Sigurtà tal-Enerġija bejn l-UE u l-Istati Uniti, li tlaqqa’ flimkien rappreżentanti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex jiddiskutu s-sigurtà u l-kooperazzjoni tal-enerġija. Għal dan il-għan, it-Task Force torganizza laqgħat u tinvolvi ruħha ma’ diversi partijiet ikkonċernati, inkluż is-settur privat. Inizjalment, il-Kummissjoni rrifjutat li tiżvela l-ismijiet tal-kumpaniji li jipparteċipaw fil-laqgħat tat-Task Force. Wara li ma rċieva l-ebda tweġiba għall-applikazzjoni konfermatorja tiegħu, l-ilmentatur irrikorra għand l-Ombudsman. L-Ombudsman ma qablitx mal-valutazzjoni inizjali tal-Kummissjoni u talbet aktar aċċess pubbliku, li l-Kummissjoni finalment tat. Il-Kummissjoni ħadet 12-il xahar biex tiżvela b’mod sħiħ id-dokumenti. Ir-rikjedent innota li d-dewmien kien ifisser nuqqas ta’ skrutinju tal-parteċipanti.[17]
  • Protezzjoni tal-ambjent: Organizzazzjoni mhux governattiva talbet lill-Kummissjoni għal dokumenti li jikkonċernaw ilmenti dwar projbizzjoni ta’ titjiriet fuq distanza qasira fi Franza, li għalihom jeżistu alternattivi aktar favur l-ambjent. Wara li ma rċeviet l-ebda tweġiba mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni konfermatorja, l-organizzazzjoni rrikorriet għand l-Ombudsman. It-talba kienet tikkonċerna tliet dokumenti qosra. Minkejja dan, il-Kummissjoni ħadet għaxar xhur biex tiżvelahom.[18] Wara li l-Ombudsman ħarġet ir-rakkomandazzjoni tagħha f’din l-investigazzjoni strateġika, ġurnalist ikkuntattjaha biex jinformaha dwar każ li fih il-Kummissjoni ħadet sentejn biex twieġeb għal applikazzjoni konfermatorja, biex toħroġ biss deċiżjoni konfermatorja li fis-sustanza kienet l-istess bħat-tweġiba inizjali.

24. Ir-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament 1049/2001 ma jinkludu l-ebda informazzjoni dwar iż-żmien medju meħtieġ biex jiġu pproċessati t-talbiet għal aċċess pubbliku.[19] Madankollu, l-għadd dejjem jikber ta’ każijiet ta’ “dewmien” li qed jitressqu quddiem l-Ombudsman jissuġġerixxi li s-sitwazzjoni qed tkompli tiddeterjora. Fl-2020, l-Ombudsman fetħet 13-il investigazzjoni relatati ma’ dewmien mill-Kummissjoni fl-indirizzar tat-talbiet għal aċċess pubbliku. Fl-2021, kien hemm 22 investigazzjoni, fl-2022, 35 investigazzjoni u aktar sinifikanti fl-2023, l-Ombudsman fetħet 54 investigazzjoni bħal dawn mill-15 ta’ Settembru 2023. 

25. Il-fatt li t-talbiet għal aċċess qed isiru aktar numerużi u kumplessi ma jistax jiġġustifika li dawn ma jiġux indirizzati minnufih. Kif il-Parlament Ewropew diġà ppropona, il-Kummissjoni għandha tadotta proċeduri aktar rapidi, aktar aċċessibbli u simplifikati aktar għall-indirizzar ta’ talbiet dwar rifjuti ta’ aċċess.[20]

26. Filwaqt li l-portal EASE l-ġdid huwa b’mod ċar pass pożittiv f’termini ta’ interazzjoni ma’ dawk li jitolbu aċċess u l-pubblikazzjoni tad-dokumenti żvelati kollha, għadu ma jidhirx li daħħal bidliet kbar fl-indirizzar intern tat-talbiet mill-Kummissjoni.

27. Bħala l-akbar istituzzjoni tal-UE, il-prattiki amministrattivi tal-Kummissjoni jitqiesu bħala eżempju minn korpi, uffiċċji u aġenziji oħra. Għaldaqstant, fejn il-Kummissjoni hija sistematikament defiċjenti fil-mod kif tindirizza t-talbiet għal aċċess pubbliku, dan jirriskja li jimmina t-trasparenza tal-amministrazzjoni kollha tal-UE.

28. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-Ombudsman ittenni s-sejba tagħha li d-dewmien sistemiku u sinifikanti fl-ipproċessar mill-Kummissjoni ta’ talbiet għal aċċess pubbliku għad-dokumenti jammonta għal amministrazzjoni ħażina. Il-Kummissjoni teħtieġ, bħala kwistjoni ta’ prijorità, li tikkoreġi din is-sitwazzjoni.

29. Sakemm u sa meta l-Kummissjoni, fl-ogħla livelli, ma turix fil-prattika li t-trasparenza hija r-regola u prijorità għall-istituzzjoni, l-indirizzar tat-talbiet tagħha se jkompli jiġi ttardjat.

30. Minħabba l-importanza ta’ din il-kwistjoni, l-Ombudsman tissottomettiha lill-Parlament Ewropew permezz ta’ dan ir-Rapport Speċjali, filwaqt li tfittex l-appoġġ tal-Parlament għall-prevalenza fuq il-Kummissjoni biex taġixxi fuq ir-rakkomandazzjoni tagħha. Il-Parlament Ewropew jista’ jikkunsidra li jadotta riżoluzzjoni kif xieraq. Fil-fehma tal-Ombudsman, iċ-ċittadini huma intitolati jistennew prattiki aħjar minn amministrazzjoni tal-UE miftuħa, moderna u orjentata lejn is-servizz.

Emily O'Reilly

Ombudsman Ewropew

Strasbourg, 20/09/2023

 

[1] Disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=uriserv%3AOJ.L_.2021.253.01.0001.01.ENG&toc=OJ%3AL%3A2021%3A253%3ATOC.

[2] L-Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea: https://eur-lex.europa.eu/eli/treaty/tfeu_2016/art_15/oj, u l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE: https://eur-lex.europa.eu/eli/treaty/char_2012/oj.

[3] Regolament 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2001/1049/oj. Ir-Regolament 1049/2001 japplika direttament għall-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-UE u l-Parlament Ewropew. Madankollu, istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-UE japplikaw ukoll ir-Regolament jew adottaw deċiżjonijiet li jistabbilixxu kif japplikawh.

[4] Ara l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-UE u r-rwol tal-Ombudsman Ewropew: https://www.ombudsman.europa.eu/en/areas-of-work/access-to-documents.

[5] L-ittra tal-Ombudsman lill-Kummissjoni hija disponibbli fuq: https://www.ombudsman.europa.eu/en/opening-summary/en/154404 It-tweġiba tal-Kummissjoni hija disponibbli fuq: https://www.ombudsman.europa.eu/en/doc/correspondence/en/167660. Fit-tweġiba tagħha, il-Kummissjoni sostniet b’mod partikolari li d-dewmien kellu jitqies fid-dawl tal-konsultazzjonijiet interni u esterni li l-Kummissjoni jista’ jkollha bżonn twettaq, il-protezzjoni tad-data personali, ir-rekwiżiti tat-traduzzjoni, il-ħtieġa li jiġu żgurati tweġibiet legalment validi u konsistenti, l-għadd dejjem jikber ta’ talbiet għal aċċess pubbliku u l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ta’ ħafna talbiet.

[6] Ir-rapport tal-laqgħa huwa disponibbli hawnhekk: https://www.ombudsman.europa.eu/en/doc/inspection-report/en/167659.

[7] Ir-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman dwar iż-żmien li tieħu l-Kummissjoni biex tindirizza talbiet għal aċċess pubbliku għad-dokumenti hija disponibbli fuq: https://www.ombudsman.europa.eu/en/recommendation/en/167661.

[8] It-tweġiba tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjoni (l-“opinjoni dettaljata” tagħha skont l-Artikolu 4 tal-Istatut tal-Ombudsman) hija disponibbli fuq: https://www.ombudsman.europa.eu/en/doc/correspondence/en/174167.

[9] Il-portal “Aċċess Elettroniku għad-Dokumenti tal-Kummissjoni” li permezz tiegħu jistgħu jsiru talbiet għal aċċess pubbliku għad-dokumenti tnieda f’Settembru 2022 u huwa disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/transparency/documents-request/home.

[10] Id-deċiżjoni tal-Ombudsman li tagħlaq din l-investigazzjoni tipprovdi aktar dettalji dwar ir-rakkomandazzjoni u s-suġġerimenti, it-tweġiba tal-Kummissjoni għalihom u l-valutazzjoni tal-Ombudsman tagħhom, disponibbli fuq: https://www.ombudsman.europa.eu/en/decision/en/175321.

[11] https://www.ombudsman.europa.eu/en/case/en/62960.

[12] https://www.ombudsman.europa.eu/en/case/en/63458.

[13] https://www.ombudsman.europa.eu/en/case/en/63443.

[14] https://www.ombudsman.europa.eu/en/case/en/63770.

[15] https://www.ombudsman.europa.eu/en/case/en/62049.

[16] https://www.ombudsman.europa.eu/en/case/en/62702.

[17] https://www.ombudsman.europa.eu/en/case/en/62757.

[18] https://www.ombudsman.europa.eu/en/case/en/63162.

[19] Pereżempju, il-Kunsill jinkludi statistika dwar iż-żmien medju għall-ipproċessar tat-talbiet inizjali u tal-applikazzjonijiet konfermatorji, ara r-Rapport tal-2021 dwar l-aċċess għad-dokumenti disponibbli fuq: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-8196-2022-INIT/en/pdf.

[20] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti – rapport annwali għas-snin 2019-2021, paragrafu 42: https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/A-9-2023-0179_EN.html.