Int għandek ilment kontra
istituzzjoni jew korp tal-UE?

Emily O’Reilly

L-Ombudsman Ewropew, Emily O'Reilly, taħdem mal-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni Ewropea biex jinkiseb l-ogħla standard ta’ prattiki amministrattivi possibbli għall-benefiċċju taċ-ċittadini Ewropej. Hi tagħmel hekk billi tindirizza t-tħassib tan-nies espress fl-ilmenti magħmula lill-Uffiċċju tagħha u fuq inizjattiva tagħha stess permezz tax-xogħol strateġiku tagħha. L-Ombudsman temmen li l-Unjoni Ewropea diġà għandha standards amministrattivi għoljin madankollu teħtieġ li tistabbilixxi "standard tad-deheb" f'termini ta’ amministrazzjoni pubblika u fl-interazzjoni tagħha maċ-ċittadini. Għalhekk, hija tappoġġja l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ suġġerimenti u rakkomandazzjonijiet dwar kif itejbu x-xogħol tagħhom.

L-ambizzjoni tiegħi hija li ngħin lill-istituzzjonijiet biex isiru aktar effettivi, trasparenti u responsabbli billi nkattru b'mod strateġiku l-viżibilità u l-impatt tal-ħidma tal-Ombudsman Ewropew.

Emily O'Reilly, 30 ta' Ġunju 2014

Rwol

L-Ombudsman Ewropew huwa korp indipendenti u imparzjali li jżomm responsabbli lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, kif ukoll jippromwovi amministrazzjoni tajba. L-Ombudsman jgħin lin-nies, lin-negozji u lill-organizzazzjonijiet li qed jiffaċċjaw problemi bl-amministrazzjoni tal-UE billi jinvestiga ilmenti dwar amministrazzjoni ħażina mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, iżda wkoll billi jħares b'mod proattiv lejn kwistjonijiet sistemiċi usa'.

Bijografija

Emily O’Reilly ġiet eletta bħala l-Ombudsman Ewropew f’Lulju 2013 u ħadet il-kariga fl-1 ta’ Ottubru 2013. Hi ġiet eletta mill-ġdid f’Diċembru 2014 għal terminu ta’ ħames snin. Preċedentement, kienet l-ewwel Ombudsman u Kummissarju tal-Informazzjoni mara tal-Irlanda, meta nħatret fl-2003, u Kummissarju għall-Informazzjoni Ambjentali mill-2007. Emily O'Reilly hija awtriċi u ex-ġurnalista u xandara, li l-karriera tagħha ġibdet rikonoxximent domestiku u internazzjonali sinifikanti.




Etika u kondotta

L-Ombudsman Ewropew Emily O’Reilly temmen ħafna li, sabiex tiġi garantita bis-sħiħ il-fiduċja pubblika, l-istituzzjonijiet tal-UE jridu joperaw bħala servizz li jiffavorixxi liċ-ċittadini, li hu responsabbli u trasparenti, u jaderixxu mal-ogħla standards etiċi. L-Uffiċċju tal-Ombudsman huwa impenjat li jirrispetta b’mod sħiħ, fost l-oħrajn, il-prinċipji tal-integrità u r-responsabilità fl-attivitajiet kollha tagħna. Minbarra l-adozzjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Ombudsman fi Frar 2015, il-materjal fit-taqsima Etika u kondotta tas-sit web jimmira li jissodisfa dan l-impenn, inkluż billi jipprovdi trasparenza sħiħa dwar l-imġiba u l-użu tar-riżorsi tal-Ombudsman.