FOR PREVIEWING & TESTING PURPOSES ONLY.
This notification will disappear once the page will be published.
This link is available for less than 30 minutes.
  • Faċli biex taqra
  • Daqs tat-test

Int għandek ilment kontra istituzzjoni jew korp tal-UE?

Lingwa attwali: 
  • Malti
Lingwi disponibbli: 

Drittijiet tal-ilmentaturi

Din il-paġna tinkludi links għal materjal ta' informazzjoni dwar id-drittijiet ewlenin li inti tgawdi minnhom bħala ilmentatur fil-kuntatti tiegħek mal-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew.

Jekk jogħġbok aqra b'attenzjoni l-informazzjoni qabel ma tikkunsidra tkompli bid-drittijiet tiegħek permezz ta' kwalunkwe opzjoni disponibbli.

Nota ta' informazzjoni dwar l-ipproċessar u l-kunfidenzjalità tad-data

Ipproċessar tad-data

L-ilmenti lill-Ombudsman u l-korrespondenza relatata ta' sikwit ikun fihom data personali, bħal ismijiet, dettalji ta' kuntatt u informazzjoni oħra relatata ma' individwi identifikabbli.

Hemm drittijiet u obbligi taħt il-liġi Ewropea (Regolament (UE) 2018/1725)[1] dwar kif id-data personali tiġi ġestita mill-istituzzjonijiet tal-UE, inkluż l-Ombudsman Ewropew. Dawn jinkludu d-dritt ta' individwu li jikseb aċċess għall-informazzjoni tiegħu jew tagħha stess miżmuma minn dan l-Uffiċċju. Biex teżerċita dawn id-drittijiet jew biex issir taf aktar, jekk jogħbok ikkuntattja lill-Uffiċċju tagħna għall-Protezzjoni tad-Data.

Jekk persuna tikkunsidra li l-Ombudsman ma ġġestixxietx id-data personali tagħha sew, din il-persuna tista' tikkuntattja lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

Kunfidenzjalità tal-ilment u tal-informazzjoni tiegħek

L-ilmentaturi huma mitlubin jidentifikaw b'mod ċar kwalunkwe dokument jew informazzjoni li huma jikkunsidraw kunfidenzjali minnufih meta jibagħtuhom lill-Ombudsman.

Il-kunfidenzjalità tista' tapplika biss jekk ikun hemm xi effett avvers li kieku l-informazzjoni kellha tiġi żvelata. Tista', pereżempju, tapplika għal informazzjoni finanzjarja, informazzjoni kummerċjalment sensittiva jew informazzjoni personali dwar individwu privat. Il-kunfidenzjalità ma tistax tiġi ggarantita dejjem. B'mod partikolari, jekk tippreżenta dokumenti lill-Ombudsman li fihom id-data personali ta' xi ħadd iżda li mhumiex tiegħek, dik il-persuna wisq probabbli li ser tkun tista' tiksibha mingħand l-Ombudsman, filwaqt li teżerċita d-drittijiet ta' protezzjoni tad-data tagħha. Fi kwalunkwe każ, għandek tistenna li l-ilment u kwalunkwe dokument ta' appoġġ tiegħek jiġu kondiviżi b'mod sħiħ mal-istituzzjoni jew mal-korp li inti qed tagħmel ilment dwaru, sabiex huma jkunu jistgħu jifhmuh bis-sħiħ u jirrispondu lill-Ombudsman.

Talba għal rieżami

Ilmentatur jista' jitlob rieżami ta' deċizjoni dwar ilment li jaqa' barra mill-mandat tal-Ombudsman jew li huwa inammissibbli, ta' deċiżjoni li mhemmx raġunijiet biex issir investigazzjoni, jew ta' deċiżjoni li tagħlaq investigazzjoni[2].

Talba għal rieżami mhijiex appell ta’ deċiżjoni tal-Ombudsman.  Sabiex l-Ombudsman jikkunsidra rieżami ta’ deċiżjoni, l-ilmentatur għandu jistabbilixxi argumenti dettaljati dwar għaliex id-deċiżjoni mhijiex korretta. Jekk talba tonqos b’mod ċar sabiex jiġu stabbiliti tali argumenti u/jew sempliċement jiddikjara mill-ġdid l-argumenti li diġà ġew ippreżentati, l-Ombudsman jista’ jiddeċiedi li ma jsirx rieżami tad-deċiżjoni. Il-fatt li l-ilmentatur ma jaqbilx mal-valutazzjoni tal-Ombudsman mhuwiex biżżejjed biex jingħata bidu għal rieżami mill-Ombudsman.

Talba għal rieżami għandha tistabbilixxi argumenti dettaljati dwar għalfejn id-deċiżjoni mhijiex korretta.

F'każ li l-ilmentatur jixtieq iressaq fatti ġodda relatati mal-allegata amministrazzjoni ħażina, l-ilmentatur għandu juri lill-Ombudsman li hu/hi ma kienx/ma kinitx f'pożizzjoni li jqajjimhom/tqajjimhom fl-ilment jew matul l-investigazzjoni.

Talba għal rieżami għandha ssir fi żmien xahrejn mid-data tad-deċiżjoni tal-Ombudsman li magħha għandha x'taqsam it-talba.

Deċiżjoni dwar talba għal rieżami tittieħed fi żmien 4 xhur minn meta tiġi rreġistrata. Id-data ta' skadenza tista' tiġi estiża jekk dan ikun ġustifikat.

Ilment dwar is-Servizz

Jekk m'intix sodisfatt bil-mod ta' kif inti jew l-ilment tiegħek ġejtu ttrattati mill-personal tal-Ombudsman, għall-kuntrarju tal-eżitu tal-ilment tiegħek, inti tista' tagħmel ilment dwar is-servizz.

Min jissorvelja l-Ombudsman?

M'hemm ebda dispożizzjoni għal appell mill-Ombudsman lil korp estern. Madankollu skont x’taħseb li għamilna ħażin, tista’ tikkunsidra l-possibbiltajiet li ġejjin.

Il-Parlament Ewropew. Kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru, għandha d-dritt li tindirizza petizzjoni lill-Parlament Ewropew dwar kwistjoni li taqa’ taħt l-oqsma ta’ attività tal-Unjoni u li taffettwah/a direttament. Ikklikkja hawnhekk biex tikseb aktar tagħrif dwar id-dritt ta’ petizzjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea. Jekk jidhirlek li l-Ombudsman aġixxa b'mod illegali, tista’ tikkunsidra li tressaq kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Sabiex tagħmel dan, jeħtieġ li tkun rappreżentat minn avukat, li jkun jista' jagħtik parir ukoll dwar l-ispejjeż li aktarx ikun hemm u l-prospetti ta' suċċess. Għandek tifhem li l-Ombudsman u s-servizzi tiegħu/tagħha ma jistgħux jipprovdu pariri ta’ dan it-tip. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web Curia.

Id-dettalji ta’ kuntatt ġenerali tal-Ombudsman

Id-dettalji ta’ kuntatt ġenerali tal-Ombudsman

 

[1] Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE

[2] Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew rigward talbiet għal rieżami