- Eksportuj do PDF
- Pobierz krótki link do tej strony
- Udostępnij tę stronę naTwitterFacebookLinkedin
Konsultazzjoni pubblika - L-użu tal-lingwi fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji u fl-aġenziji tal-UE
Konsultacje publiczne - Data Poniedziałek | 23 lipca 2018
Sprawa SI/98/2018/DDJ - Otwarta Poniedziałek | 23 lipca 2018 - Decyzja z Czwartek | 26 marca 2020 - Instytucja, której sprawa dotyczy Komisja Europejska
Konsultazzjoni pubblika - L-użu tal-lingwi fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji u fl-aġenziji tal-UE[1]
Sfond
Il-lingwa hija komponent essenzjali fil-mod kif nikkomunikaw. L-Unjoni Ewropea - bi 28 Stat Membru, 24 lingwa uffiċjali u aktar minn 500 miljun ċittadin - hija impenjata li tirrispetta u tissalvagwardja d-diversità lingwistika, bħala parti mill-wirt kulturali tagħna. Dan l-impenn huwa stabbilit speċifikament fit-Trattati tal-UE[2] u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE[3].
Il-lingwi użati mill-istituzzjonijiet tal-UE, fil-komunikazzjoni mal-pubbliku, għalhekk huma ta’ importanza kbira. F’dan il-qasam inħolqu xi drittijiet tal-lingwa speċifiċi. Iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jiktbu lil kwalunkwe istituzzjoni tal-UE bil-lingwa uffiċjali tal-għażla tagħhom u huma intitolati li jirċievu tweġiba bl-istess lingwa[4]. Il-liġijiet kollha tal-UE jridu jiġu ppubblikati bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE sabiex ikun hemm possibbiltà akbar li l-pubbliku jifhem il-liġijiet li jirregolawh. Lil hinn minn dawn l-istanzi speċifiċi, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom ftit tal-libertà dwar il-lingwi li jużaw f’sitwazzjonijiet speċifiċi. Kif jeżerċitaw dik il-libertà hija kwistjoni ta’ amministrazzjoni tajba.
Illum in-numru ta’ lingwi uffiċjali żdied minn 4 (fl-1958) għal 24. Dan joffri ħafna sfidi lill-amministrazzjoni pubblika tal-UE. Iż-żieda fl-ispejjeż tat-traduzzjoni, it-teħid ta’ deċiżjonijiet aktar bil-mod u d-diskrepanzi bejn il-verżjonijiet tal-lingwi huma fost l-aktar diffikultajiet prattiċi kkwotati li jirriżultaw. Jingħad li d-diversità lingwistika u l-ugwaljanza bejn il-lingwi ma għandhomx ikunu assoluti u jridu jiġu rikonċiljati mal-effiċjenza amministrattiva u l-limiti baġitarji.
Minħabba li ħafna ċittadini tal-UE jitkellmu lingwa uffiċjali waħda biss (jew numru limitat ta’ lingwi uffiċjali)[5], il-limitazzjonijiet fuq l-użu tal-lingwi uffiċjali jnaqqsu l-kapaċità taċ-ċittadini li jinteraġixxu mal-istituzzjonijiet tal-UE. Huwa importanti li jiġi żgurat li kwalunkwe limitazzjoni dwar l-użu tal-lingwi tkun proporzjonali u ġusta. L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, pereżempju, jenħtieġ li jqisu bir-reqqa s-sitwazzjonijiet fejn huwa aċċettabbli li tikkomunika, jew twettaq negozju, b’lingwa uffiċjali waħda jew b’numru żgħir ta’ lingwi uffiċjali.
F’dawn l-aħħar snin l-Ombudsman investigat il-politiki tal-lingwa ta’ xi istituzzjonijiet individwali tal-UE. Waħda mill-konklużjonijiet li ntlaħqu kienet li, b’mod leġittimu, l-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jirrestrinġu l-użu tal-lingwi fil-komunikazzjonijiet u fid-dokumenti interni[6]. Konklużjoni oħra kienet li r-restrizzjonijiet fuq il-lingwi, b’mod leġittimu, jistgħu jiġu applikati fi proċeduri amministrattivi ma’ partijiet ikkonċernati barranin, bħal f’offerti pubbliċi u sejħiet għall-proposti, fejn l-UE tinteraġixxi ma’ grupp limitat ta’ partijiet ikkonċernati. Madanakollu, l-Ombudsman tinnota li hemm inkonsistenza sinifikanti bejn l-istituzzjonijiet: bħalissa, ir-restrizzjonijiet fuq il-lingwi u r-regoli tagħhom, fejn jeżistu, ivarjaw minn istituzzjoni tal-UE għal oħra. Fin-nuqqas ta’ regoli ċari u ġustifikazzjoni xierqa għall-applikazzjoni ta’ sistemi tal-lingwi ristretti, mhix ħaġa tal-għaġeb li l-pubbliku jista’ jkun konfuż.
Qasam partikolari ta’ tħassib jikkonċerna l-użu tal-lingwi fuq is-siti web tal-istituzzjonijiet, li huma fost l-ewwel sorsi ta’ informazzjoni għan-nies interessati fil-politiki u fil-programmi tal-UE. Jidher li kull istituzzjoni tal-UE tieħu d-deċiżjoni proprja tagħha dwar jekk is-sit web tal-UE tagħha hux se jiġi tradott (u jekk iva, liema partijiet tas-sit u b’liema lingwi). Jekk is-siti web ma jkunux disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha, l-aċċess għall-informazzjoni aktar ikun diffiċli jew impossibbli għal parti sinifikanti mill-pubbliku.
Qasam ieħor ta’ tħassib jikkonċerna l-konsultazzjonijiet pubbliċi mmirati lejn il-ġbir tal-fehmiet tal-pubbliku dwar politiki ġodda jew proposti leġiżlattivi possibbli. Ir-restrizzjonijiet fuq il-lingwi f’dawn il-konsultazzjonijiet pubbliċi aktarx jillimitaw b’mod sinifikanti l-kapaċità ta’ membri ordinarji tal-pubbliku li jikkontribwixxu għal tali konsultazzjonijiet.
Stedina għas-sottomissjoni tal-kummenti
L-Ombudsman tixtieq tippromwovi d-diskussjoni dwar kif l-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jikkomunikaw bl-aħjar mod mal-pubbliku b’mod li jirrifletti bilanċ aċċettabbli bejn il-ħtieġa għar-rispett lejn id-diversità lingwistika u l-appoġġ għaliha, minn naħa, u l-limiti amministrattivi u baġitarji min-naħa l-oħra.
Sabiex tagħti bidu għal din id-diskussjoni, l-Ombudsman qed tistieden lill-pubbliku biex iwieġeb għall-mistoqsijiet li ġejjin:
I. Regoli u prattiki dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-lingwi
1. Hemm nuqqas ta’ trasparenza (u ftit regoli formali) fir-rigward ta’ kif is-sezzjonijiet differenti tal-amministrazzjoni tal-UE jagħmlu l-informazzjoni disponibbli bil-lingwi uffiċjali differenti tal-UE. Dan jinkludi, pereżempju, il-kriterji użati biex jiġi deċiż liema lingwa/lingwi jintużaw f’kuntesti partikolari. Kif jistgħu jiġu indirizzati dawn il-lakuni? Xi kriterji addizzjonali, jekk hemm, jenħtieġ li japplikaw?
2. Jenħtieġ li kull istituzzjoni tal-UE jkollha politika tal-lingwa, u jekk iva, x’jenħtieġ jiġi inkluż f’politika tal-lingwa? Jenħtieġ li tali politiki tal-lingwa jiġu ppubblikati fuq is-siti web tal-istituzzjonijiet? Kemm jenħtieġ li tkun dettaljata tali politika fir-rigward ta’ każijiet speċifiċi fejn l-għażla tal-lingwa/lingwi hija ristretta?
3. Kull istituzzjoni għandu jkollha politika dwar iċ-ċirkostanzi skont liema hija tista’ tipprovdi traduzzjonijiet ta’ informazzjoni jew dokumenti fuq talba? Jekk iva, kif tista’ tiġi mfassla dik il-politika biex jiġu evitati spejjeż sproporzjonati?
II. Siti Web tal-UE
4. X’inhuma l-prinċipji ġenerali tal-lingwi li jenħtieġ li jiġu applikati għas-siti web tal-istituzzjonijiet tal-UE? Liema partijiet ta’ siti web tal-UE, b’mod partikolari, taħseb li jenħtieġ li jkunu disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE jew b’ħafna minnhom?
5. Ikun ta’ għajnuna li jkun hemm sommarji ta’ kwistjonijiet ewlenin ippubblikati bil-lingwi uffiċjali kollha jew b’ħafna minnhom?
6. Huwa aċċettabbli f’ċerti ċirkostanzi li jiġi pprovdut materjal b’numru żgħir ta’ lingwi, minflok bil-lingwi uffiċjali kollha? Jekk iva, liema kriterji jenħtieġ li jintużaw biex jiġi ddeterminat kif dawn il-lingwi jintgħażlu (pereżempju, id-daqs tal-popolazzjoni ta’ dawk li jitkellmu l-lingwa inkwistjoni, il-livell ta’ diversità lingwistika fil-popolazzjoni ...)?
III. Konsultazzjonijiet pubbliċi
7. F’April 2017, il-Kummissjoni Ewropea adottat regoli interni ġodda li jeħtieġu dokumenti rigward konsultazzjonijiet pubbliċi fir-rigward ta’ “inizjattivi ta’ prijorità” fil-Programm ta’ Ħidma annwali tal-Kummissjoni li għandhom jiġi ppubblikati bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Il-konsultazzjonijiet pubbliċi l-oħra kollha jeħtieġ li jkunu disponibbli tal-anqas bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż. Il-konsultazzjonijiet pubbliċi ta’ “interess pubbliku wiesa’” jenħtieġ li jkunu disponibbli bil-lingwi addizzjonali. Barra minn hekk, “il-paġni ta’ konsultazzjoni jew sommarju tagħhom jeħtieġ li jiġu tradotti bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE”.
Fil-fehma tiegħek, din il-politika, toħloq bilanċ tajjeb bejn il-ħtieġa għar-rispett lejn id-diversità lingwistika u l-appoġġ għaliha, minn naħa, u l-limiti amministrattivi u baġitarji, min-naħa l-oħra? Din hija t-tip ta’ politika li jaf tiġi adottata b’mod raġonevoli minn istituzzjonijiet oħra tal-UE?
IV. Oħrajn
8. L-unika leġiżlazzjoni speċifika dwar il-lingwa użata mill-amministrazzjoni tal-UE ilha mill-1958[7] meta kien hemm sitt Stati Membri u erba’ lingwi uffiċjali. Taħseb li fiċ-ċirkostanzi preżenti, leġiżlazzjoni ġdida tkun ta’ għajnuna? Jew taħseb li l-indirizzar ta’ kwistjonijiet dwar il-lingwa l-aħjar li jsir barra minn qafas legali dettaljat?
9. Kwalunkwe żieda fil-volum ta’ informazzjoni u dokumenti ppubblikati bil-lingwi kollha tal-UE se tkun tinvolvi spejjeż tat-traduzzjoni addizzjonali. Kif tissuġġerixxi li dawn l-ispejjeż addizzjonali jiġu koperti? Minn xi mkien ieħor fil-baġit tal-UE? Permezz ta’ finanzjament addizzjonali allokat mill-Istati Membri involuti? Permezz ta’ mezzi oħra?
10. Sa fejn it-teknoloġija tista’ tintuża biex tipprovdi traduzzjonijiet bejn diversi lingwi tal-UE? Minħabba li t-traduzzjonijiet awtomatiċi jaf mhux dejjem ikunu preċiżi kompletament, dan huwa prezz aċċettabbli li jitħallas sabiex id-dokumenti jkunu disponibbli għat-traduzzjoni aktar malajr u b’mod aktar ekonomiku milli jkun il-każ?
Kif tista’ tikkontribwixxi
L-iskadenza għat-tressiq tal-kummenti hija t-30 ta’ Settembru 2018.
Ikun preferibbli li l-kontributuri jużaw il-formola on-line. Jekk dan ma jkunx possibbli, il-kontribuzzjonijiet jistgħu jsiru bl-email permezz tal-formola ta’ kuntatt tagħna jew bil-posta fl-indirizz ta’ hawn taħt:
European Ombudsman, 1 avenue du Président Robert Schuman, CS 30403, F - 67001 Strasbourg Cedex, France
Jekk jogħġbok indika b’mod ċar “Konsultazzjoni tal-lingwa- SI/98/2018/TE” fil-bidu tal-kontribuzzjoni tiegħek.
Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jitressqu bi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE.
L-Ombudsman għandha l-għan ukoll li tagħmel dawn il-kontribuzzjonijiet disponibbli fuq is-sit web tagħha. Persuni fiżiċi li jqisu li, skont ir-Regolament 45/2001 dwar il-protezzjoni tad-data personali[8], isimhom ma għandux jiġi ppubblikat, jenħtieġ li jinfurmaw lill-Ombudsman.
Jekk teħtieġ iktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lis-Sinjura Tanja Ehnert, Amministratur tal-Każ tal-Ombudsman (Tel: +32 2 284 67 68).
[1] F’dan li ġej jissejħu sempliċiment “istituzzjonijiet tal-UE”.
[2] L-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
[3] L-Artikoli 21 u 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.
[4] L-Artikoli 20(2) u 24 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 41(4) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.
[5] Għal ħarsa ġenerali tal-ħiliet tal-lingwi barranin taċ-ċittadini tal-UE ara, European Strategy for Multilingualism: benefits and costs (2016), p. 8 tal-Parlament Ewropew. Disponibbli fuq: http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2016/573460/IPOL_STU(2016)573460_EN.pdf
[6] L-Artikolu 6 tar-Regolament 1/1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea, ĠU 1958 017, p. 385 (Regolament1/1958).
[7] Ir-Regolament 1/1958.
[8] Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data, ĠU 2001, L 8, p. 1. Ara wkoll: http://www.ombudsman.europa.eu/mt/resources/dataprotection/home.faces.
- Eksportuj do PDF
- Pobierz krótki link do tej strony
- Udostępnij tę stronę naTwitterFacebookLinkedin