FOR PREVIEWING & TESTING PURPOSES ONLY.
This notification will disappear once the page will be published.
This link is available for less than 30 minutes.
  • Faċli biex taqra
  • Daqs tat-test

Int għandek ilment kontra istituzzjoni jew korp tal-UE?

Lingwa attwali: 
  • Malti
Lingwi disponibbli: 

Rapport Speċjali mill-Ombudsman Ewropew lill-Parlament Ewropew b'segwitu għall-abbozz ta' rakkomandazzjoni lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-ilment 1487/2005/GG

(Magħmul f'konformità mal-Artikolu 3(7) tal-Istatut tal-Ombudsman Ewropew[1])

Introduzzjoni

L-Ombudsman iqis li l-każ preżenti jikkonċerna żewġ kwistjonijiet importanti ta' prinċipju, jiġifieri (1) il-kwistjoni rigward il-lingwi li għandhom jintużaw għall-preżentazzjonijiet fuq l-Internet tal-Presidenza tal-UE, u (2) il-kwistjoni jekk il-Kunsill jistax jinżamm responsabbli għall-websajts miżmuma mill-Presidenza tiegħu. Minħabba s-sinifikat tal-irwol imwettaq mill-Presidenza, l-Ombudsman iqis li huwa importanti li jkun żgurat li l-informazzjoni ppubblikata fil-websajts tagħha tkun aċċessibbli għall-akbar numru ta' ċittadini possibbli. Għaldaqstant, idealment din l-informazzjoni għandha tkun ippubblikata bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Komunità. Madankollu, jekk in-numru tal-lingwi għall-preżentazzjoni tal-websajts tal-Presidenza se jkun limitat, l-għażla tal-lingwi li għandhom jintużaw trid tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u raġonevoli. Minħabba li l-Kunsill s'issa rrifjuta li jqis il-kwistjoni, l-Ombudsman ma jistax jivverifika jekk l-għażla magħmula mill-Presidenzi hijiex konformi ma' dawn il-kundizzjonijiet. Għaldaqstant, l-Ombudsman iqis li l-kwistjoni għandha titressaq quddiem il-Parlament Ewropew.

Jidher li huwa utli li wieħed jinnota li wara li kien ippubblikat l-abbozz tar-rakkomandazzjoni li l-Ombudsman għamel fil-każ preżenti, għadd ta' MPE Taljani u MPE Spanjol staqsew lill-Ombudsman għaliex l-abbozz tar-rakkomandazzjoni tiegħu kien jikkonċerna biss il-Ġermaniż u l-ebda lingwa oħra tal-Komunità. Fit-tweġiba tiegħu, l-Ombudsman enfasizza li l-każ tal-kwerelant kien jikkonċerna biss il-kwistjoni dwar jekk il-preżentazzjonijiet fuq l-Internet tal-Presidenzi għandhomx ikunu disponibbli bil-Ġermaniż. L-Ombudsman spjega li għaldaqstant huwa ma kellux jindirizza l-kwistjoni dwar jekk lingwi uffiċjali oħra jew il-lingwi uffiċjali kollha tal-UE għandhomx jintużaw ukoll għal dak l-iskop.

Sabiex tiġi evitata kwalunkwe possibilità ta' nuqqas ta' fehim, l-Ombudsman indirizza lilu nnifsu wkoll lill-Presidenza fit-8 ta' Ġunju 2006. F'din l-ittra, l-Ombudsman spjega li jekk il-Kunsill jiddeċiedi li l-websajts tal-Presidenza se jkunu disponibbli bil-lingwi kollha, huwa kien iqis dan bħala l-aħjar rispons għall-abbozz tar-rakkomandazzjoni.

L-ilment

Is-sommarju li ġej se jkun limitat għall-kwistjoni ewlenija mressqa mill-kwerelant. Aktar dettalji u informazzjoni bħala sfond jinstabu fl-abbozz tar-rakkomandazzjoni magħmul mill-Ombudsman Ewropew f'dan il-każ[2].

Matul l-2004, il-kwerelant (assoċjazzjoni għad-difiża tal-lingwa Ġermaniża) kiteb lill-gvern Olandiż u lill-gvern tal-Lussemburgu sabiex jitlobhom joffru l-preżentazzjonijiet fuq l-Internet, li kienu se jipprovdu meta jkollhom il-Presidenza, mhux biss bl-Ingliż u l-Franċiż iżda wkoll bil-Ġermaniż Il-kwerelant enfasizza li hemm aktar ċittadini tal-UE li għandhom il-Ġermaniż bħala l-lingwa nattiva tagħhom minn kwalunkwe lingwa oħra u li wara l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda, il-Ġermaniż se jkun fit-tieni post jekk wieħed iqis l-għadd taċ-ċittadini tal-UE li jitkellmu lingwa bħala l-lingwa nattiva tagħhom jew bħala lingwa barranija. Għaldaqstant l-assoċjazzjoni enfasizzat li wara l-Ingliż, il-Ġermaniż kien il-lingwa mifhuma mill-maġġoranza taċ-ċittadini tal-UE. Il-kwerelant issottometta wkoll li l-komunikazzjonijiet mill-istituzzjonijiet tal-UE li kienu indirizzati prinċipalment lill-pubbliku Ewropew għandhom ikunu aċċessibbli għall-akbar numru possibbli ta' ċittadini tal-UE. Fejn in-numru tal-lingwi użati kien limitat, din l-għażla għandha, fil-fehma tal-kwerelant, tkun ibbażata fuq il-piż demografiku ta' dawn il-lingwi. Il-kwerelant għaldaqstant kien tal-fehma li ma kienx ċar għaliex il-Presidenza normalment użat biss l-Ingliż u l-Franċiż, flimkien mal-lingwa tal-pajjiż ikkonċernat għall-preżentazzjonijiet tagħha fuq l-Internet. Fil-fehma tal-kwerelant, it-talba tiegħu li l-Ġermaniż għandu jintuża wkoll kienet appoġġjata wkoll mill-ħtieġa ta' leġittimazzjoni demokratika fl-UE.

Il-gvern Olandiż u l-gvern tal-Lussemburgu ċaħdu t-talba tal-kwerelant.

Fit-22 ta' Jannar 2005, il-kwerelant kiteb lill-Kunsill biex jitolbu jiżgura li l-preżentazzjonijiet fuq l-Internet tal-Presidenza jkunu disponibbli wkoll bil-Ġermaniż.

Fit-tweġiba tiegħu tal-4 ta' Marzu 2005, il-Kunsill ikkonferma li l-Presidenza kienet funzjonalment parti mill-Kunsill. Madankollu, huwa ssottometta li dan ma kienx ifisser li l-websajt tal-Presidenza kienet soġġetta għall-istess kundizzjonijiet bħal dawk tal-Kunsill. L-Istat Membru li jkollu l-Presidenza kien unikament responsabbli għall-informazzjoni ppubblikata fil-websajt tagħha. Skont il-Kunsill, il-websajts tal-Presidenza kienu biss jikkumplimentaw l-informazzjoni li tkun saret disponibbli għaċ-ċittadini mill-istituzzjonijiet Komunitarji bil-lingwi uffiċjali kollha. F'dan l-ambitu, il-Kunsill irrefera għall-websajt tiegħu stess u għan-numru ta' dokumenti li hemm disponibbli fiha. Huwa rrefera wkoll għar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni[3] ("ir-Regolament 1049/2001") u l-possibiltajiet li joffri.

Il-Kunsill innota li l-Ombudsman diġà kellu okkażjoni biex jittratta l-prattika lingwistika tal-Presidenza u tal-Kummissjoni. Il-Każ 939/99/ME ikkonċerna l-fatt li l-kalendarju tal-Kummissjoni fil-websajt "Europa" kien disponibbli biss bil-Franċiż. Il-Kummissjoni kienet issottomettiet li dan id-dokument kien maħsub biss għall-istampa. Fid-deċiżjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2000, l-Ombudsman iddeċieda dan li ġej: "L-Ombudsman jinnota li hemm 11-il lingwa uffiċjali u 12-il lingwa tat-Trattat fl-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant ċerti dokumenti jridu jiġu prodotti b'dawn l-ilsna kollha. Madankollu, m'hemm l-ebda obbligu għall-Kummissjoni li tipproduċi d-dokumenti kollha b'diversi lingwi meta dan ma jidhirx neċessarju għall-iskop tad-dokument. L-Ombudsman mhuwiex konxju li d-dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja rigward l-użu tal-lingwi jistgħu jipprevjenu istituzzjoni jew korp Komunitarju milli jippubblika, fuq websajt, dokumenti bil-lingwa li biha jiġu abbozzati. Għalkemm huwa essenzjali li l-Kummissjoni tinforma liċ-ċittadini dwar il-ħidma tagħha bil-lingwi kollha, il-prattika tal-Kummissjoni fil-każ preżenti ma żvelat l-ebda nuqqas mill-Kummissjoni li seta’ jwassal biex ma jkunx sodisfatt dan l-obbligu."

Fl-2001, ċittadin Taljan ilmenta dwar il-fatt li l-kontenut tal-preżentazzjoni fuq l-Internet tal-Presidenza Belġjana kienet disponibbli biss bl-Olandiż, bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż (Każ 1146/2001/IP). Fid-deċiżjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2002, l-Ombudsman kien tal-fehma li, safejn ikun possibbli, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni għandhom jipprovdu l-informazzjoni liċ-ċittadini bil-lingwi tagħhom stess. Madankollu, huwa kien żied li ma kienx konxju ta' xi regola jew prinċipju li żammithom milli jippubblikaw l-informazzjoni fuq il-websajts tagħhom f'inqas min-numru sħiħ tal-lingwi uffiċjali.

Il-Kunsill issottometta li l-qafas legali rilevanti ma kienx inbidel miż-żmien meta kienu adottati dawn id-deċiżjonijiet iżda n-numru ta' lingwi uffiċjali kien żdied għal 21, u b'hekk żdiedu l-problemi loġistiċi fir-rigward tal-iskema tal-lingwi. Huwa żied li kemm hu, kif ukoll il-Presidenzi rispettivi, kienu qed jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex jiżguraw li ċ-ċittadini jirċievu l-akbar ammont ta’ informazzjoni possibbli bl-akbar numru ta' lingwi possibbli. Madankollu, il-Kunsill enfasizza li ma kellu l-ebda influwenza fuq l-għażla tal-lingwi li bihom il-Presidenza kienet toffri l-informazzjoni tagħha.

Fl-1 ta' April 2005, il-kwerelant wassal l-ilment tiegħu lill-Ombudsman. Il-kwerelant allega li n-nuqqas tal-Kunsill li jiżgura li l-preżentazzjonijiet fuq l-Internet tal-Presidenza jkunu disponibbli wkoll bil-Ġermaniż tikkostitwixxi amministrazzjoni ħażina. Huwa sostna li l-Kunsill għandu jinsisti li, minn issa 'l quddiem, il-preżentazzjonijiet fuq l-Internet tal-Presidenza jkunu disponibbli wkoll bil-Ġermaniż.

L-inkjesta

L-opinjoni tal-Kunsill

Fl-opinjoni tiegħu, il-Kunsill għamel il-kummenti li ġejjin:

L-Artikolu 203 tat-Trattat KE jistipula li "[i]l-kariga ta' President għandha tinżamm f'rotazzjoni minn kull Stat Membru fil-Kunsill għal terminu ta' sitt xhur fl-ordni deċiż mill-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu" (enfasi miżjuda).

Il-websajt tal-Presidenza kienet organizzata u ġestita mill-ministeru rilevanti fl-Istat Membru kkonċernat. Dan kien ċar mill-websajts infushom. Tali websajts ma kellhomx l-iskop li jieħdu post il-websajt u r-reġistru tad-dokumenti tal-Kunsill, iżda ppruvaw jikkumplimentawhom. Huma pprovdew informazzjoni prattika dwar l-attivitajiet partikolari ta' kull Presidenza bħal, pereżempju, il-laqgħat informali, l-avvenimenti kulturali, u attivitajiet u inizjattivi oħra tal-Presidenza.

Kien minnu li d-dokumenti tal-Presidenza jitqiesu bħala dokumenti tal-Kunsill għall-fini tal-applikazzjoni tar-Regolament 1049/2001. Madankollu, din kienet kwistjoni kompletament separata li ma kienet bl-ebda mod timplika li l-websajt tal-Presidenza kienet taħt il-kontroll tal-Kunsill.

Il-kwerelant argumenta li ma kien hemm xejn fir-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill li jissostanzja l-fehma li l-Presidenza kellha responsabilità unika għall-informazzjoni fuq il-websajt tagħha. Madankollu, dan kien idawwar l-affarijiet bil-maqlub: il-Kunsill sempliċiment ma kellu l-ebda setgħa jordna lil Stat Membru biex jorganizza l-websajts tiegħu b'xi mod partikolari. Minn dan isegwi li, indipendentement mill-kwistjoni sostantiva dwar jekk il-websajt tal-Presidenza jmisshiex tipprovdi l-informazzjoni bil-Ġermaniż (kwistjoni tad-dritt u l-prattika ta' Stat Membru li tiġi deċiża mill-istituzzjonijiet nazzjonali involuti), ma jistax ikun hemm amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-Kunsill minħabba li din l-istituzzjoni ma kellha l-ebda responsabilità għall-websajt tal-Presidenza.

Abbażi ta' dawn ir-raġunijiet, l-ilment kien infundat.

L-osservazzjonijiet tal-kwerelant

Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-kwerelant għamel il-kummenti li ġejjin:

Il-Presidenza ma tistax tkun parti mill-Kunsill mingħajr ma tkun responsabbli lejh.

Il-kontenut tal-websajt tal-Presidenza mhux biss kien jikkumplimenta l-websajt tal-Kunsill, iżda kien imur lil hinn sew mill-kontenut tal-websajt tal-Kunsill.

Il-Kunsill irrikonoxxa li d-dokumenti tal-Presidenza kienu dokumenti tal-Kunsill skont it-tifsira tar-Regolament 1049/2001. Madankollu, minħabba li l-kontenut tal-websajt tal-Presidenza kien jikkonsisti f'dokumenti skont l-Artikolu 3 lit. (a) ta' dak ir-Regolament u għaldaqstant kienu dokumenti tal-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Kunsill kienet tiġi tfisser li l-Kunsill ma kellux kontroll fuq id-dokumenti tiegħu stess. Din tkun sitwazzjoni manifestament assurda.

Il-każ preżenti ma kienx jirrigwarda Stat Membru u l-websajts "tiegħu" (jiġifieri nazzjonali), iżda l-websajts stabbiliti minn Stat Membru fil-kapaċità tiegħu bl-inkarigu tal-Presidenza. Id-dritt u l-prattika tal-Istat Membru setgħu jkunu rilevanti biss fir-rigward tal-attivitajiet li ma kinux marbuta mal-Presidenza.

L-argument tal-Kunsill li ma setax jinfluwenza l-Presidenza tiegħu, jiġifieri, parti minnu stess, tidher li ma tagħmel l-ebda sens. Tisfida kull kunsiderazzjoni raġonevoli li l-Kunsill m'għandux il-kapaċità li jindirizza, pereżempju, talba jew rakkomandazzjoni lill-Presidenza tiegħu stess.

L-Artikolu 195 tat-Trattat KE jipprevedi li l-mandat tal-Ombudsman ikopri l-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji kollha, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim'Istanza. Għajr għal din l-eċċezzjoni, m'għandu jeżisti l-ebda qasam li ma jistax ikun is-suġġett ta' lment. Għaldaqstant huwa possibbli li jsir ilment rigward il-Presidenza permezz ta' ilment kontra l-Kunsill jew direttament kontra l-Presidenza.

L-isforzi tal-Ombudsman biex jikseb soluzzjoni amikevoli

Wara kunsiderazzjoni bir-reqqa tal-opinjoni u tal-osservazzjonijiet, l-Ombudsman ma kienx sodisfatt li l-Kunsill kien wieġeb b'mod adegwat għall-ilment.

Il-proposta għal soluzzjoni amikevoli

Għaldaqstant, fl-20 ta' Ottubru 2005, l-Ombudsman għamel il-proposta li ġejja lill-Kunsill għal soluzzjoni amikevoli:

Il-Kunsill jista' jikkunsidra t-talba tal-kwerelant li l-preżentazzjonijiet fuq l-Internet tal-Presidenzi għandhom ikunu disponibbli bil-Ġermaniż ukoll.

L-opinjoni tal-Kunsill

Fl-opinjoni tiegħu, il-Kunsill għamel il-kummenti li ġejjin:

Seta' biss kien hemm amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-Kunsill kieku dan kien applika b'mod żbaljat xi regola eżistenti tal-UE. Dan ma jistax ikun il-każ meta l-Kunsill ma kienx responsabbli mill-azzjoni li sar ilment dwarha.

Ir-raġunament tal-Ombudsman kien żbaljat. L-Artikolu 203 tat-Trattat tal-KE kien jistipula li għandha ssir rotazzjoni mill-Istati Membri rigward iż-żamma tal-kariga ta' President. Dan ovvjament ma jimplikax li l-Istat Membru in kwistjoni sar parti mill-Kunsill aktar minn kwalunkwe Stat Membru ieħor. Hemm biss implikat li dak l-Istat Membru (bħal tali, mhux bħala membru tal-Kunsill) kien inkarigat bil-presidenza tal-laqgħat tal-Kunsill u l-attivitajiet li din il-Presidenza ġġib magħha.

Matul l-għexieren ta' snin li għaddew, il-prattika kienet żviluppat b'mod li l-Istati Membri li jkollhom il-Presidenza użaw dan il-perjodu biex jippromwovu lilhom infushom u jorganizzaw attivitajiet oħrajn li jistgħu jkunu, jew ma jkunux, relatati max-xogħol tal-Kunsill. Bħala eżempju wieħed, bosta Stati Membri meta kellhom il-Presidenza organizzaw attivitajiet kulturali. Tali attivitajiet, u l-informazzjoni marbuta magħhom, baqgħu taħt ir-responsabilità tal-Istat Membru bħala tali (li jkollu l-Presidenza). Dawn ovvjament ma jistgħux jitqiesu bħala attivitajiet tal-Kunsill.

Bl-istess mod, il-websajts ġestiti minn dak l-Istat Membru u/jew mill-ministeri nazzjonali tiegħu kienu ġew stabbiliti, iffinanzjati u ġestiti taħt ir-responsabilità tal-Istat Membru bħala tali (li jkollu l-Presidenza). La huma ffinanzjati u lanqas ġestiti mill-Kunsill. Fil-fatt, kif diġà kien innota l-Kunsill, dan intwera b'mod ċar mid-dikjarazzjonijiet ta' ċaħda li jinstabu f'dawn il-websajts.

L-Ombudsman kien iddikjara, fil-proposta tiegħu għal soluzzjoni amikevoli, li hu ma kienx konxju ta' xi regola jew prinċipju li seta' jipprevjeni lill-Kunsill milli jiddiskuti jew jaqbel dwar aspetti formali ta' dawn il-websajts. Din ma setgħetx tkun osservazzjoni legali minħabba li treġġa' lura prinċipju fundamentali tad-dritt tal-UE. Skont l-Artikolu 7(1) tat-Trattat KE, "[k]ull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-poteri mogħtija lilha minn dan it-Trattat." Ma kien hemm l-ebda regola li tippermetti lill-Kunsill li jaġixxi rigward is-sistema tal-lingwa applikata minn Stat Membru partikolari. Tabilħaqq, anki l-Ombudsman ma kien identifika l-ebda regola. Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill ċertament ma kienx fihom tali regoli.

Fil-qosor, il-fatt li dawn il-websajts kienu jissejħu "Websajts tal-Presidenza" ma kien bl-ebda mod ipoġġihom taħt is-sorveljanza tal-Kunsill. Il-websajts ma kinux miżmuma mill-Presidenza, imma, skont it-termini tal-Artikolu 203 tat-Trattat KE, kienu miżmuma mill-Istat Membru li jkollu l-Presidenza. Ma kien hemm l-ebda bażi ġuridika li tippermetti lill-Kunsill li jirrikjedi lill-Istati Membri li japplikaw xi sistema lingwistika partikolari.

Il-Kunsill ikkonkluda billi qal li għaldaqstant ma setax jikkunsidra l-proposta tal-Ombudsman għal soluzzjoni amikevoli, jew li jieħu pożizzjoni dwar is-sustanza tal-kwistjoni li kienet lil hinn mill-mandat tiegħu.

L-osservazzjonijiet tal-kwerelant

Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-kwerelant sostna l-ilment tiegħu.

L-evalwazzjoni tal-Ombudsman

Abbażi tal-opinjoni tal-Kunsill u l-osservazzjonijiet tal-kwerelant dwarha, l-Ombudsman ikkonkluda li ma setgħet tinkiseb l-ebda soluzzjoni amikevoli.

L-abbozz tar-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman

L-abbozz tar-rakkomandazzjoni

Fil-21 ta' Marzu 2006, l-Ombudsman indirizza l-abbozz tar-rakkomandazzjoni li ġejja lill-Kunsill, f'konformità mal-Artikolu 3(6) tal-Istatut tiegħu:

"Il-Kunsill għandu jikkunsidra t-talba tal-kwerelant li l-preżentazzjonijiet fuq l-Internet tal-Presidenzi għandhom ikunu disponibbli wkoll bil-Ġermaniż."

Dan l-abbozz tar-rakkomandazzjoni kien ibbażat fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

1 L-Ombudsman iqis li s-sottomissjonijiet tal-partijiet fil-każ preżenti jagħmluha neċessarja li jkunu indirizzati tliet kwistjonijiet differenti, jiġifieri (1) iċ-ċirkustanzi fejn tista' tinstab amministrazzjoni ħażina, (2) jekk il-Kunsill jistax jinżamm responsabbli, taħt kwalunkwe ċirkustanza, għall-websajts miżmuma mill-Presidenza tiegħu, u (3) jekk l-għażla tal-lingwi li tikkonċerna dawn il-websajts hijiex kompatibbli mal-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba.

2 Fir-rigward tal-ewwel kwistjoni, l-Ombudsman jinnota li l-Kunsill jargumenta li amministrazzjoni ħażina tista' tinstab biss jekk huwa jkun applika b'mod żbaljat xi regola eżistenti. Madankollu, din l-interpretazzjoni hija ristretta wisq u ma tagħmilx ġustizzja lill-kunċett ta' "amministrazzjoni ħażina" stabbilit fl-Artikolu 195 tat-Trattat tal-KE. L-Ombudsman iqis li amministrazzjoni ħażina sseħħ meta korp pubbliku jonqos milli jaġixxi f'konformità ma' regola jew prinċipju vinkolanti fuqu [4]. Din id-definizzjoni kienet approvata mill-Parlament Ewropew[5]. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jassumi l-Kunsill, amministrazzjoni ħażina tista' tinstab mhux biss f'każijiet fejn inkisret xi regola.

3 Fir-rigward tat-tieni kwistjoni, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 203 tat-Trattat tal-KE jistipula li "[l]-inkarigu ta' President għandu jinżamm f'rotazzjoni minn kull Stat Membru fil-Kunsill għal terminu ta' sitt xhur fl-ordni deċiż mill-Kunsill li jaġixxi unanimament". Kif osserva korrettament il-Kunsill fl-opinjoni tiegħu dwar il-proposta tal-Ombudsman għal soluzzjoni amikevoli, dan ma jfissirx li l-Istat Membru bħala tali jsir parti mill-Kunsill. Meta Stat Membru jkollu l-Presidenza dan ifisser li dan l-Istat Membru għandu, għal perjodu limitat ta' żmien, l-inkarigu tal-presidenza tal-Kunsill. Madankollu, f'dan is-sens il-Presidenza hija, b'mod ċar, parti mill-Kunsill. L-Ombudsman jinnota li l-Kunsill stess indika fl-ittra tiegħu tal-4 ta' Marzu 2005 lill-kwerelant, li ma kien hemm l-ebda kontroversja rigward li l-Presidenza kienet funzjonalment parti mill-Kunsill.

4 L-Ombudsman iqis illi, minħabba li funzjonalment kienet parti mill-Kunsill, il-Presidenza kellha tkun soġġetta għall-istess obbligi bħall-Kunsill, sakemm m'hemmx raġunijiet speċifiċi għaliex dawn l-obbligi m'għandhomx ikunu applikati għall-Presidenza.

5 Huwa ovvju li din il-konklużjoni tapplika biss diment li l-Istat Membru kkonċernat qiegħed jaġixxi fil-kapaċità tiegħu bħala President tal-Kunsill. Kif osserva korrettament il-Kunsill fl-opinjoni tiegħu dwar il-proposta tal-Ombudsman għal soluzzjoni amikevoli, il-fatt li Stat Membru li jkollu l-Presidenza jorganizza attivitajiet kulturali matul iż-żmien tal-Presidenza tiegħu, ma jippermettix li dawn l-attivitajiet jitqiesu bħala attivitajiet tal-Kunsill. Tabilħaqq tali attivitajiet jibqgħu taħt ir-responsabilità tal-Istat Membru bħala tali.

6 Madankollu, l-Ombudsman iqis li konklużjoni differenti hija ġġustifikata, safejn huma kkonċernati l-websajts miżmuma mill-Presidenza.

7 Il-Kunsill jargumenta li l-kwistjoni rigward liema lingwi għandhom jintużaw għall-websajts tal-Presidenza hija kwistjoni li għandha tkun determinata mid-dritt u l-prattika tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza. Skont il-Kunsill, il-Presidenza waħedha hija responsabbli għall-informazzjoni ppubblikata f'dawn il-websajts.

8 L-Istati Membri ovvjament huma liberi li jistabbilixxu kwalunkwe websajt li jridu, soġġett biss għal-limitazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu taħt il-liġi nazzjonali. Madankollu, għandu jkun innotat li l-websajts ikkonċernati mill-każ preżenti huma, b'mod ċar, indikati u maħsuba biex iservu bħala websajts tal-Presidenza. Dawn il-websajts jipprovdu informazzjoni dwar ix-xogħol tal-Presidenza fil-kapaċità assenjata lilha mil-liġi Komunitarja. Għaldaqstant, fil-fehma tal-Ombudsman, dawn il-websajts ma jistgħux jitqiesu bħala websajts 'nazzjonali' lil hinn mill-portata tal-liġi Komunitarja. Dan huwa partikolarment minnu meta wieħed jara l-importanza li l-Kunsill stess jattribwixxi għax-xogħol tal-Presidenza. Fil-websajt tiegħu stess (www.consilium.europa.eu), il-Kunsill jagħmel il-dikjarazzjoni li ġejja taħt it-titlu "il-websajts tal-Presidenza": "Il-Presidenza tal-Kunsill twettaq rwol vitali fl-organizzazzjoni tax-xogħol tal-istituzzjoni, b'mod partikolari bħala l-forza fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet leġiżlattivi u politiċi. Il-Presidenza trid torganizza u tippresjedi l-laqgħat kollha u ssib il-kompromessi li jkunu kapaċi jirriżolvu d-diffikultajiet."

9 Il-fatt li dawn il-websajts jinżammu mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat, u li fihom referenzi ċari f'dan is-sens, ma jaffettwax il-konklużjoni ta' hawn fuq. Minħabba li l-Artikolu 203 tat-Trattat tal-KE jistipula li l-Istati Membri individwali għandu jkollhom il-Presidenza f'rotazzjoni, hija ovvjament ħaġa naturali li l-websajts tal-Presidenza jinżammu mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza. L-Ombudsman lanqas iqisha rilevanti li l-ispejjeż ta' dawn il-websajts jidher li jinġarru mill-Istat Membru kkonċernat. Dan il-fatt ma jagħtix prova li l-attività rilevanti ma tistax titqies bħala attività tal-Presidenza li taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala parti mill-Kunsill. Barra minn hekk, m'hemm xejn li jissuġġerixxi li dawn l-ispejjeż neċessarjament iridu jitħallsu mill-Istati Membri individwali. Minkejja li l-Presidenza funzjonalment hija parti mill-Kunsill, ma jidhirx li huwa eskluż li wieħed jargumenta li l-ispejjeż tal-websajts rilevanti jistgħu jkunu addebitati lill-baġit Komunitarju.

10 L-argument ewlieni tal-Kunsill jidher li hu illi fil-fehma tiegħu m'għandu l-ebda setgħa li jordna lil Stat Membru li jkollu l-Presidenza biex jorganizza l-websajts tagħha b'mod partikolari u li, għaldaqstant, ma jġorr l-ebda responsabilità rigward dawn il-websajts. Fl-opinjoni tiegħu dwar il-proposta tal-Ombudsman għal soluzzjoni amikevoli, il-Kunsill saħansitra argumenta li opinjoni opposta treġġa' lura prinċipju fundamentali tad-dritt tal-UE, jiġifieri, dak stabbilit fl-Artikolu 7(1) tat-Trattat tal-KE li jgħid li "[k]ull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-poteri mogħtija lilha minn dan it-Trattat.

11L-Ombudsman jibqa' mhux konvint b'dan l-argument. Fejn Stat Membru jipprovdi websajt fil-kapaċità tiegħu bl-inkarigu tal-Presidenza, huwa jaġixxi bħala parti mill-Kunsill. Għaldaqstant, minħabba li l-kwistjoni mqajma fl-ilment preżenti tikkonċerna r-relazzjoni bejn il-Kunsill u l-Presidenza tiegħu, jiġifieri parti mill-istess Kunsill, l-Ombudsman ma jarax kif il-pożizzjoni adottata minnu tista' tidħol f'kunflitt mal-prinċipju li jissemma' fl-Artikolu 7(1) tat-Trattat tal-KE. L-Ombudsman jaqbel li huwa primarjament l-Istat Membru li jkollu l-Presidenza li jiddeċiedi dwar il-kontenut li jixtieq jipprovdi f'din il-websajt. Madankollu, l-Ombudsman mhuwiex konxju ta' xi regola jew prinċipju li jista' jipprevjeni lill-Kunsill milli jiddiskuti u jasal fi qbil dwar aspetti formali ta' dawn il-preżentazzjonijiet fuq l-Internet bil-ħsieb li jagħmel l-informazzjoni hekk ipprovduta disponibbli bl-aktar mod wiesa' possibbli, pereżempju, billi jiddiskuti sabiex jiddetermina liema lingwi għandhom jintużaw għal dawn il-websajts. Minħabba li l-Artikolu 203 tat-Trattat tal-KE jipprovdi għal Presidenza abbażi ta' rotazzjoni (fost l-Istati Membri kollha), tali aspetti formali ma jkunux jikkonċernaw Stat Membru partikolari biss iżda jkunu rilevanti għalihom ilkoll.

12 Fid-dawl ta' hawn fuq, l-Ombudsman ikompli jemmen li l-Kunsill jista' fil-prinċipju jinżamm responsabbli fir-rigward tal-websajts miżmuma mill-Presidenza tiegħu.

13 Fir-rigward tat-tielet waħda mill-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq, għandu jkun innotat li l-Ombudsman diġà kellu okkażjoni jittratta l-kwistjoni tal-għażla tal-lingwi fir-rigward tal-informazzjoni ppubblikata mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji.

14 Fid-deċiżjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2000 fil-każ 939/99/ME[6], l-Ombudsman enfasizza li huwa essenzjali li d-dokumenti diretti lejn persuni 'l barra mill-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom ikunu disponibbli bl-akbar numru ta' lingwi possibbli. Wieħed mill-mezzi l-aktar importanti li bih tiġi pprovduta l-informazzjoni lill-pubbliku fiż-żminijiet moderni huwa l-Internet. Għaldaqstant, fil-fehma tal-Ombudsman, huwa partikolarment importanti li jkun żgurat li l-websajts pubbliċi stabbiliti mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji jkunu aċċessibbli għaċ-ċittadini bl-akbar numru ta' lingwi possibli.

15 Fl-opinjoni tiegħu, il-Kunsill argumenta li l-websajts tal-Presidenza m'għandhomx l-għan li jieħdu post il-websajt u r-reġistru tad-dokumenti tal-Kunsill li huma disponibbli bil-lingwi Komunitarji kollha, iżda jfittxu li jikkumplimentawhom. Għaldaqstant jidher li l-Kunsill xtaq jissuġġerixxi li ma kienx hemm il-ħtieġa li tkun ikkunsidrata l-kwistjoni sostantiva mqajma mill-kwerelant.

16 Wara li żar uħud mill-websajts rilevanti, l-Ombudsman iqis li l-argument tal-kwerelant, li jgħid li dawn il-websajts mhux biss jikkumplimentaw il-websajt tal-Kunsill, iżda jmorru ferm lil hinn mill-kontenut tal-websajt tal-Kunsill, ma jidhirx li huwa mingħajr mertu. Il-Kunsill stess innota fl-opinjoni tiegħu li dawn il-websajts jipprovdu informazzjoni prattika dwar attivitajiet uniċi għal kull perjodu ta' sitt xhur tal-Presidenza bħal, pereżempju, laqgħat informali, avvenimenti kulturali u attivitajiet u inizjattivi oħrajn tal-Presidenza. Tali informazzjoni mhux neċessarjament tkun disponibbli fuq il-websajt tal-Kunsill stess. Madankollu, anki jekk il-websajts tal-Presidenza pprovdew biss informazzjoni addizzjonali, din l-informazzjoni għandha tkun ta' interess għall-pubbliku u għaldaqstant għandha tkun disponibbli bl-aktar mod wiesa' u tajjeb possibbli.

Fid-dawl tas-sinifikat tal-irwol tal-Presidenza, jidher li huwa aktar importanti li jkun żgurat li l-informazzjoni ppubblikata fil-websajts tagħha tkun aċċessibbli għall-akbar ammont ta' ċittadini possibbli. Huwa xieraq li jkun enfasizzat għal darb'oħra li l-każ preżenti ma jikkonċernax il-kontenut ta' dawn il-websajts, jiġifieri, il-kwistjoni rigward x'informazzjoni tipprovdi l-Presidenza, iżda jikkonċerna l-preżentazzjoni ta' din l-informazzjoni, jiġifieri, il-kwistjoni dwar jekk l-informazzjoni għandhiex tkun disponibbli b'ċerti lingwi.

17 Fid-deċiżjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2002 fil-każ 1146/2001/IP[7], l-Ombudsman esprima l-opinjoni li, safejn ikun possibbli, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE għandhom jipprovdu l-informazzjoni liċ-ċittadini bil-lingwi tagħhom stess. Madankollu l-Ombudsman żid jgħid li ma kienx konxju "ta' xi regola jew prinċipju li jipprojbixxuhom milli jippubblikaw l-informazzjoni fil-websajts tagħhom b'inqas min-numru sħiħ tal-lingwi uffiċjali". Partikolarment minħabba l-fatt li n-numru ta' lingwi uffiċjali fl-UE issa żdied għal 20, jista' tabilħaqq ikun hemm raġunijiet leġittimi li jillimitaw in-numru ta' lingwi li bihom ikunu offruti lill-pubbliku l-websajts ipprovduti mill-Presidenza.

18 Madankollu, l-Ombudsman iqis li jekk in-numru ta' lingwi għall-preżentazzjoni tal-websajts tal-Presidenza se jkun limitat, l-għażla tal-lingwi li għandhom jintużaw għandha tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u raġonevoli. Għandu jkun innotat li, fis-sentenza tagħha tal-Każ C-361/01 P Kik vs OHIM (li kkonċernat il-lingwi li għandhom jintużaw fi proċedimenti quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li filwaqt li r-regolament rilevanti ttratta l-lingwi uffiċjali tal-Komunità b'mod differenti, l-għażla tal-Kunsill "li jillimita l-lingwi għal dawk li huma l-aktar magħrufa fil-Komunità Ewropea hija xierqa u pproporzjonata."[8] Il-kwerelant issottometta dak li jidher li huma argumenti b'saħħithom biex jistabbilixxi l-fehma tiegħu li, wara t-tkabbir tal-2004, il-Ġermaniż sar it-tieni lingwa l-aktar użata fl-UE. Għaldaqstant, fil-fehma tal-kwerelant, il-websajts tal-Presidenza għandhom ikunu disponibbli bil-Ġermaniż ukoll. Tabilħaqq, fid-dawl ta' dawn l-argumenti, l-Ombudsman iqis li l-għażla tal-lingwi għall-websajts tal-Presidenza għandha tkun ikkunsidrata mill-ġdid.

19 Madankollu, l-Ombudsman jinnota li l-Kunsill s'issa astjena milli jieħu pożizzjoni dwar is-sustanza tal-argumenti tal-kwerelant.

20 Fid-dawl ta' dan t'hawn fuq, l-Ombudsman jasal għall-konklużjoni li n-nuqqas tal-Kunsill, li jikkunsidra s-sustanza tat-talba tal-kwerelant li l-websajts tal-Presidenza għandhom ikunu offruti wkoll bil-Ġermaniż, jikkostitwixxi amministrazzjoni ħażina.

 

L-opinjoni ddettaljata tal-Kunsill

Wara li rċieva l-abbozz tar-rakkomandazzjoni, u f'konformità mal-Artikolu 3(6) tal-Istatut tal-Ombudsman Ewropew, il-Kunsill bagħat opinjoni dettaljata fis-7 ta' Ġunju 2006.

Fl-opinjoni dettaljata tiegħu, il-Kunsill għamel il-kummenti li ġejjin:

Kienet ħasra li l-Ombudsman diġà jidher li ħa pożizzjoni finali dwar din il-kwistjoni bil-ħruġ ta' stqarrija għall-istampa. Meta għamel hekk, il-kummenti dettaljati li l-Kunsill kien ġie mistieden jissottometti, u li jikkostitwixxu garanzija proċedurali stabbilita fl-Artikolu 195(1) tat-Trattat KE, fil-parti l-kbira tilfu r-rilevanza tagħhom.

Fir-rigward tas-sustanza, il-Kunsill kien diġà spjega għaliex ma kienx iġorr responsabilità għall-websajts miżmuma taħt l-awtorità ta' Stat Membru. Filwaqt li l-Kunsill appoġġa l-multilingwiżmu bħala kontribut importanti għal komunikazzjoni aħjar maċ-ċittadini, jinsab lest li jinforma lill-Istati Membri rilevanti rigward il-fehmiet tal-Ombudsman rigward il-kwistjoni. Madankollu, il-Kunsill ma kienx f'pożizzjoni li jsegwi l-abbozz tar-rakkomandazzjoni b'xi mod sinifikanti ieħor.

Fl-aħħar nett, fin-nuqqas ta' kwalunkwe amministrazzjoni ħażina minn istituzzjoni jew korp Komunitarju, din il-kwistjoni kienet taqa' 'l barra mill-firxa tal-kompetenza tal-Ombudsman.

L-osservazzjonijiet tal-kwerelant

Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-kwerelant sostna l-ilment tiegħu. Huwa ssottmetta li l-għażla tal-lingwi għall-websajts tal-Presidenza ma kinitx ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u raġonevoli. Il-kwerelant argumenta li l-potenzjal tal-komunikazzjoni (jiġifieri, in-numru ta' ċittadini li jistgħu jintlaħqu bl-użu ta' lingwa partikolari) kien jikkostitwixxi tali kriterju oġġettiv u raġonevoli. Għaldaqstant il-kwerelant issottometta li l-Ġermaniż għandu jintuża mill-Presidenza għall-preżentazzjoni tal-websajts tagħha fil-każijiet kollha fejn l-Ingliż ma kienx użat bħala l-lingwa unika.

Fil-fehma tal-kwerelant, l-approċċ tal-Kunsill fil-każ preżenti ma kienx aċċettabbli.

L-evalwazzjoni tal-Ombudsman rigward l-opinjoni dettaljata tal-Kunsill

L-Ombudsman iqis li l-opinjoni dettaljata tal-Kunsill ma tippreżentax argumenti ġodda li jistgħu jaffettwaw l-evalwazzjoni li huwa wettaq fl-abbozz tar-rakkomandazzjoni tiegħu.

L-uniku argument ġdid li ressaq il-Kunsill fl-opinjoni dettaljata tiegħu kkonċerna dak li l-Kunsill jidher li kkunsidra bħala ksur tad-drittijiet proċedurali tiegħu mill-Ombudsman. Il-Kunsill jidher li huwa tal-fehma li, qabel ma l-Ombudsman ikun jista' jieħu pożizzjoni finali dwar jekk hemmx amministrazzjoni ħażina, hu jrid jistenna l-opinjoni dettaljata bi tweġiba għal abbozz tar-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman. F'dan l-ambitu, il-Kunsill jirreferi għall-Artikolu 195(1) tat-Trattat tal-KE. Madankollu, l-Artikolu 195(1) jistipula li, fejn l-Ombudsman "jistabbilixxi" każ ta' amministrazzjoni ħażina, huwa għandu jirreferi l-kwistjoni lill-istituzzjoni kkonċernata, "li għandu jkollha perjodu ta' tliet xhur biex tinformah bil-fehmiet tagħha". Bl-istess mod, l-Artikolu 3(6) tal-Istatut tal-Ombudsman jistipula li fejn l-Ombudsman "isib" amministrazzjoni ħażina, huwa għandu jirreferi l-kwistjoni lill-istituzzjoni kkonċernata "fejn ikun adattat u jagħmel abbozz ta' rakkomandazzjonijiet". Għaldaqstant huwa ċar ħafna li abbozz ta' rakkomandazzjoni jista' jsir biss wara li l-Ombudsman ikun ifforma l-fehma illi hemm amministrazzjoni ħażina.

L-Ombudsman isibha utli li jinnota li qabel indirizza l-abbozz tar-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, huwa ta lill-Kunsill żewġ okkażjonijiet biex jesprimi l-fehmiet tiegħhu rigward din il-kwistjoni, l-ewwel meta bagħatlu l-ilment għall-opinjoni tiegħu u mbagħad meta talab lill-Kunsill biex jikkummenta dwar il-proposta tiegħu għal soluzzjoni amikevoli. Għaldaqstant is-suġġeriment tal-Kunsill li d-dritt tiegħu li jinstema' nkiser fil-każ preżenti huwa manifestament infondat.

Mhuwiex eskluż li, wara li jkun wasal għal konklużjoni ta' amministrazzjoni ħażina fl-abbozz tar-rakkomandazzjoni, l-Ombudsman jista' jirrevedi din il-fehma jekk l-istituzzjoni tressaq, fl-opinjoni dettaljata tagħha, raġunijiet konvinċenti li jagħmlu tali rikonsiderazzjoni meħtieġa. Għaldaqstant, il-Kunsill huwa korrett li l-Ombudsman ma jiffurmax fehma "finali" qabel ikun irċieva u eżamina l-opinjoni dettaljata, jew tkun għaddiet l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-opinjoni dettaljata. Għaldaqstant, l-Ombudsman jeżamina bir-reqqa l-kummenti sottomessi f'tali opinjoni dettaljata qabel jiddeċiedi kif se jipproċedi f'każ partikolari. Madankollu, u kif issemma' hawn fuq, fil-każ preżenti, il-Kunsill naqas milli jipprovdi argumenti ġodda fl-opinjoni dettaljata tiegħu rigward is-sustanza.

 

Ir-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman

Fid-dawl ta' hawn fuq, l-Ombudsman jasal għall-konklużjonijiet li ġejjin:

(i) il-Kunsill huwa responsabbli mil-lingwi użati fil-websajts tal-Presidenza tiegħu;

(ii) l-informazzjoni fil-websajt tal-Presidenza tal-Kunsill għandha idealment tkun disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Komunità;

(iii) jekk in-numru tal-lingwi użati fil-websajt tal-Presidenza tal-Kunsill se jkun limitat, l-għażla tal-lingwi li għandhom jintużaw trid tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u raġonevoli; u

(iv) għaldaqstant, ir-rifjut tal-Kunsill li jittratta s-sustanza tal-każ, jiġifieri t-talba tal-kwerelant li l-preżentazzjonijiet fuq l-Internet tal-Presidenzi għandhom ikunu disponibbli bil-Ġermaniż ukoll, mhuwiex iġġustifikat u jikkostitwixxi amministrazzjoni ħażina.

Għaldaqstant l-Ombudsman isostni mill-ġdid l-abbozz tar-rakkomandazzjoni tiegħu bħala rakkomandazzjoni lill-Kunsill kif ġej:

Il-Kunsill għandu jikkunsidra t-talba tal-kwerelant li l-preżentazzjonijiet fuq l-Internet tal-Presidenzi għandhom ikunu disponibbli bil-Ġermaniż ukoll.

Il-Parlament Ewropew jista' jikkunsidra li jadotta riżoluzzjoni f'dan is-sens.

Strasburgu, it-30 ta' Novembru 2006

 

 

P. Nikiforos DIAMANDOUROS


[1] Deċiżjoni 94/262 tad-9 ta' Marzu 1994 tal-Parlament Ewropew rigward ir-Regolamenti u l-Kundizzjonijiet Ġenerali li Jirregolaw it-Twettiq tal-Obbligi tal-Ombudsman, ĠU 1994 L 113, p. 15.

[2] Disponibbli fuq il-websajt tal-Ombudsman (http://www.ombudsman.europa.eu).

[3] ĠU 2001 L 145, p. 43.

[4] Ara r-Rapport Annwali tal-1997, p. 22.

[5] Ara r-Rapport Annwali tal-1998, p. 17.

[6] Disponibbli fuq il-websajt tal-Ombudsman (http://www.ombudsman.europa.eu).

[7] Disponibbli fuq il-websajt tal-Ombudsman (http://www.ombudsman.europa.eu).

[8] Każ C-361/01 P Kik vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern [2003] ECR I-8283, paragrafu 94.