Int għandek ilment kontra istituzzjoni jew korp tal-UE?

Tiftix ta’ inkjesti

Kriterji għall-iffiltrar tad-dokumenti
Każ
Firxa tad-data
Keywords
Jew ipprova keywords antiki (Qabel l-2016)

Qed juri 1 - 20 minn 81 riżultati

Rakkomandazzjoni dwar kif il-Kummissjoni Ewropea ttrattat talba għal aċċess pubbliku għal messaġġ testwali mibgħut minn Kap ta' Stat tal-UE lill-President tal-Kummissjoni dwar in-negozjati kummerċjali bejn l-UE u l-Mercosur (każ 2482/2025/NH)

Il-Ġimgħa | 05 Ġunju 2026

Il-każ kien jikkonċerna talba għal aċċess pubbliku għal messaġġ testwali mibgħut f’Jannar 2024 mill-President tar-Repubblika Franċiża lill-President tal-Kummissjoni Ewropea dwar in-negozjati kummerċjali bejn l-UE u l-Mercosur.

F’Lulju 2025, il-Kummissjoni wieġbet, billi ddikjarat li, għalkemm tali skambju kien tabilħaqq seħħ, hija ma setgħetx issib il-messaġġ mitlub. Il-Kummissjoni nnotat li l-messaġġ kien wasal permezz tal-applikazzjoni ta’ messaġġi istantanji “Signal”, li kellha l-karatteristika ta’ “messaġġi li ma jidhrux” attivata. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kellha l-ebda dokument li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-talba.

L-Ombudsman fetħet inkjesta dwar kif il-Kummissjoni ttrattat it-talba. It-tim ta’ inkjesta tagħha spezzjona l-fajl tal-Kummissjoni dwar it-talba għal aċċess pubbliku u kellu laqgħa mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni.

Abbażi tal-ispezzjoni u l-laqgħa, l-Ombudsman ma setax jeskludi li l-messaġġ tħassar awtomatikament mit-telefown tal-President wara li waslet it-talba. L-inkjesta żvelat ukoll li t-talba tal-ilmentatur baqgħet ma ġietx indirizzata mill-Kabinett tal-President tal-Kummissjoni għal 15-il xahar, filwaqt li ma kien hemm l-ebda segwitu jew tfakkira mis-Segretarjat Ġenerali biex jimmonitorja l-ipproċessar tagħha. L-Ombudsman ikkonkludiet li t-trattament mill-Kummissjoni ta’ din it-talba kien jikkostitwixxi amministrazzjoni ħażina.

Biex tindirizza dan, l-Ombudsman irrakkomandat li l-Kummissjoni tirrieżamina u ttejjeb it-trattament tat-talbiet għal aċċess pubbliku li jinvolvu l-Kabinett tal-President jew ta’ kwalunkwe Kummissarju u timmonitorja b’mod attiv il-progress ta’ tali talbiet biex jiġi evitat dewmien żejjed.

Barra minn hekk, l-Ombudsman għamlet żewġ suġġerimenti għal titjib. L-ewwel nett, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadatta r-regoli interni tagħha biex tiżgura li kwalunkwe dokument soġġett għal talba għal aċċess pubbliku jiġi ppreservat hekk kif tasal tali talba għal dak id-dokument u sakemm jitlesta kwalunkwe proċess ta’ kontestazzjoni ta’ rifjut għall-għoti ta’ aċċess, irrispettivament minn jekk id-dokument jissodisfax il-kriterji ta’ reġistrazzjoni tad-dokumenti tal-Kummissjoni. It-tieni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreserva kif xieraq, għal perjodu raġonevoli, il-messaġġi testwali u istantanji kollha skambjati bejn il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern, jew il-ministri, u l-Membri tal-Kummissjoni, inklużi dawk soġġetti għal tħassir awtomatiku wara ċertu intervall ta’ żmien, minħabba s-sinifikat probabbli ta’ tali messaġġi.

 

Deċiżjoni dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni Ewropea li tagħti aċċess pubbliku sħiħ għad-dokumenti li jikkonċernaw il-proposta għal Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (każ 318/2024/TM)

It-Tlieta | 05 Novembru 2024

L-ilmentatur, li jirrappreżenta organizzazzjoni mhux governattiva, talab aċċess pubbliku għad-dokumenti mibgħuta u riċevuti mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-Att propost dwar l-Intelliġenza Artifiċjali. Il-Kummissjoni żvelat ċerti dokumenti, iżda rrifjutat l-aċċess (sħiħ) għal erba’ dokumenti, filwaqt li invokat l-eċċezzjonijiet għall-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali u l-protezzjoni tal-privatezza u l-integrità tal-individwu.

It-tim ta’ inkjesta tal-Ombudsman spezzjona d-dokumenti inkwistjoni u ltaqa’ ma’ rappreżentanti rilevanti mill-Kummissjoni. Matul il-laqgħa, il-Kummissjoni informat lit-tim ta’ investigazzjoni tal-Ombudsman li hija kienet iddeċidiet li tagħti aċċess iktar wiesa’ għad-dokumenti kontenzjużi, fid-dawl tal-mogħdija taż-żmien.

L-Ombudsman laqgħet id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti aċċess usa’ u għalqet l-inkjesta kif solvuta.

Deċiżjoni dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni Ewropea li tipprovdi aċċess pubbliku għal dokumenti li jikkonċernaw il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti (każ 2249/2023/TM)

Il-Ġimgħa | 25 Ottubru 2024

Il-każ kien jikkonċerna r-rifjut tal-Kummissjoni Ewropea li tagħti aċċess pubbliku għal dokumenti li jikkonċernaw il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti (TTC bejn l-UE u l-Istati Uniti). L-ilmentatur, ġurnalist, fittex aċċess pubbliku għal dokumenti lejn u mid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni (DĠ COMP) li jsemmi t-TTC bejn l-UE u l-Istati Uniti, kif ukoll laqgħat u minuti tar-rappreżentanti tad-DĠ COMP, inkluż il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni.

Matul l-inkjesta, it-tim ta' inkjesta tal-Ombudsman spezzjona 50 dokument identifikati mill-Kummissjoni bħala li jaqgħu fl-ambitu tat-talba. Abbażi tal-ispezzjoni, l-Ombudsman għamel proposta għal soluzzjoni, fejn talab lill-Kummissjoni terġa' tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha bil-ħsieb li tagħti aċċess pubbliku wiesa' għad-dokumenti inkwistjoni. Sussegwentement, il-Kummissjoni tat aċċess sħiħ għal disa’ dokumenti u aċċess wiesa’ għal 41 dokument, soġġett għal redazzjonijiet għall-protezzjoni tad-data personali biss. Fir-rigward ta’ dokument wieħed, il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha li l-iżvelar tiegħu jista’ jimmina l-interess pubbliku fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali.

Filwaqt li l-Ombudsman laqgħet il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha u tat aċċess wiesa', hija nnotat li l-ilmentatur irċieva d-dokumenti mitluba wara li stenna sena. Għalhekk, hija fakkret lill-Kummissjoni dwar is-sejbiet preċedenti tagħha, b’mod partikolari fl-inkjesta fuq inizjattiva proprja tagħha dwar id-dewmien sistemiku mill-Kummissjoni fit-trattament tat-talbiet għal aċċess pubbliku, li fiha għamlet rakkomandazzjoni u suġġerimenti lill-Kummissjoni dwar l-indirizzar ta’ dan id-dewmien sistemiku.