Int għandek ilment kontra istituzzjoni jew korp tal-UE?

Tiftix ta’ inkjesti

Kriterji għall-iffiltrar tad-dokumenti
Każ
Firxa tad-data
Keywords
Jew ipprova keywords antiki (Qabel l-2016)

Qed juri 1 - 20 minn 238 riżultati

Deċiżjoni fil-każ 212/2016/JN dwar ir-rieżami annwali mill-Kummissjoni Ewropea tal-aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni tal-Istati Membri

It-Tnejn | 03 Diċembru 2018

Il-każ kien jikkonċerna l-adegwatezza tar-rieżami annwali tal-Kummissjoni Ewropea tal-aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni — korpi nazzjonali li jagħtu appoġġ finanzjarju lill-kumpaniji li jagħmlu negozju fi swieq riskjużi — b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent.

L-Ombudsman staqsiet dwar il-kwistjoni u sabet li l-metodoloġija u l-proċeduri tal-Kummissjoni jistgħu jittejbu. B’mod partikolari, l-Ombudsman irrakkomandat li l-Kummissjoni jenħtieġ li tidħol fi djalogu mal-Istati Membri u ma’ partijiet ikkonċernati oħra bil-ħsieb li ttejjeb il-mudell użat mill-Istati Membri biex jikkompilaw ir-rapporti dwar l-aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni li huma meħtieġa jissottomettu lill-Kummissjoni kull sena. L-Ombudsman irrakkomandat ukoll li l-Kummissjoni, min-naħa tagħha, għandha ttejjeb il-kontenut tal-analiżi u l-evalwazzjoni tar-rieżamijiet annwali tal-aġenziji ta' kreditu għall-esportazzjoni li hija tippreżenta lill-Parlament Ewropew.

Il-Kummissjoni infurmat lill-Ombudsman li kienet se tikkonsulta lill-Kunsill, lill-Parlament u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u tinvolvi ruħha mas-soċjetà ċivili, sabiex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tipproponi lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni mudell rivedut ta’ lista ta’ kontroll li għandu jintuża mill-Istati Membri għar-rapporti annwali tagħhom. Il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll li tfassal gwida rilevanti għar-rappurtar tal-Istati Membri.

Peress li l-miżuri mħabbra mill-Kummissjoni jindirizzaw b’mod adegwat ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman, l-Ombudsman għalqet l-inkjesta tagħha iżda talbet lill-Kummissjoni tirrapporta lura fi żmien sena.

Rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew fil-każ 212/2016/JN dwar ir-rieżami annwali mill-Kummissjoni Ewropea tal-aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni tal-Istati Membri

L-Erbgħa | 23 Mejju 2018

Il-każ kien jikkonċerna l-adegwatezza tar-rieżami annwali tal-Kummissjoni Ewropea tal-aġenziji ta' kreditu għall-esportazzjoni - korpi nazzjonali li jagħtu appoġġ finanzjarju lil kumpaniji li jagħmlu negozju fi swieq "riskjużi" - b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent.

L-Ombudsman staqsiet dwar il-kwistjoni u sabet li l-metodoloġija u l-proċeduri tal-Kummissjoni jistgħu jittejbu. B’mod partikolari, hija ssuġġeriet li l-Kummissjoni għandha tidħol fi djalogu mal-Istati Membri u partijiet ikkonċernati oħra bil-ħsieb li jittejjeb il-mudell użat mill-Istati Membri fil-kompilazzjoni tar-rapporti dwar l-aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni li huma meħtieġa jissottomettu lill-Kummissjoni kull sena. L-Ombudsman ippropona wkoll li l-Kummissjoni, min-naħa tagħha, għandha ttejjeb il-kontenut tal-analiżi u l-evalwazzjoni tar-rieżamijiet annwali tal-aġenziji ta' kreditu għall-esportazzjoni li hija tippreżenta lill-Parlament Ewropew.

Il-Kummissjoni rrifjutat il-proposti tal-Ombudsman prinċipalment minħabba li tqis li l-implimentazzjoni tagħhom tkun teħtieġ emenda għal-leġiżlazzjoni eżistenti. L-Ombudsman ma qablitx mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni u issa għamlet rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni bl-istess termini bħal dawk tal-proposti preċedenti tagħha.  L-Ombudsman jemmen li r-rieżami annwali tal-Kummissjoni, li tibgħat lill-Parlament, għandu jammonta għal aktar minn kompilazzjoni tal-kontenut tar-rapporti annwali riċevuti mill-Istati Membri u li għandu jkun fih evalwazzjoni infurmata u dettaljata tal-prestazzjoni tal-aġenziji ta' kreditu għall-esportazzjoni, b'mod partikolari, fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent.

Deċiżjoni fl-inkjesta fuq inizjattiva proprja OI/7/2016/MDC dwar id-deċiżjoni tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Armenja li ma tikkonkludix Kuntratt ta’ Għotja

It-Tnejn | 19 Frar 2018

Din l-inkjesta fuq inizjattiva proprja hija bbażata fuq ilment li sar minn assoċjazzjoni ta’ NGOs Armeni msejħa l-Lega għall-Protezzjoni taċ-Ċittadini (CPL). Dan jikkonċerna d-deċiżjoni tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Armenja li ma tikkonkludix Kuntratt ta’ Għotja ma’ CPL wara li d-Delegazzjoni skopriet żball fl-evalwazzjoni inizjali tagħha tal-applikazzjoni għal CPL. CPL argumentat li d-deċiżjoni tad-Delegazzjoni ma kinitx ibbażata fuq raġunijiet sodi.

Matul l-inkjesta tal-Ombudsman, il-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet li l-azzjoni meħuda inizjalment mid-Delegazzjoni, ladarba ndunat li kien seħħ żball fil-proċess ta’ evalwazzjoni, ma kinitx xierqa. Madankollu, il-Kummissjoni wriet ukoll li l-iżball misjub kien jeħtieġ li l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni ta’ CPL tiġi mħassra u, għalhekk, li d-Delegazzjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tikkonkludi l-Kuntratt ta’ Għotja ma’ CPL.

L-Ombudsman għalhekk għalqet l-inkjesta b'sejba li ma kien hemm l-ebda amministrazzjoni ħażina.

Deċiżjoni fil-każ OI/14/2015/ZA dwar proċedura tal-għażla għal kariga fid-Delegazzjoni tal-UE għall-Albanija

It-Tnejn | 10 Lulju 2017

Il-każ kien jikkonċerna proċedura tal-għażla għal kariga fid-Delegazzjoni tal-UE għall-Albanija. L-ilmentatur ma kienx kuntent li ma ntgħażlitx għall-kariga, peress li kienet temmen li kienet tissodisfa l-kriterji kollha meħtieġa. Hija talbet informazzjoni dwar l-applikazzjoni tagħha u r-raġunijiet għaliex ma kinitx fil-lista mqassra. Id-Delegazzjoni naqset milli twieġeb għat-talba tagħha fil-ħin.

L-Ombudsman staqsiet dwar il-kwistjoni. Matul l-inkjesta, id-Delegazzjoni wieġbet għall-ilment, u b'hekk solviet dan l-aspett tal-ilment. Fir-rigward tad-deċiżjoni li l-ilmentatur ma jiġix preselezzjonat, l-Ombudsman sabet li l-ispjegazzjoni tad-Delegazzjoni tad-deċiżjoni tagħha kienet raġonevoli u għalqet l-inkjesta b’sejba li ma kien hemm l-ebda amministrazzjoni ħażina. L-Ombudsman issuġġeriet li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandu jagħti gwida lid-Delegazzjonijiet dwar il-ħtieġa li l-kandidati jinżammu infurmati meta jkun hemm dewmien fil-kompetizzjonijiet tal-għażla. L-Ombudsman issuġġeriet ukoll li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandu jinkludi, fil-“Gwida tad-Delegazzjonijiet tal-UE għall-Aġenti Lokali”, rekwiżiti aktar dettaljati dwar it-tip ta’ informazzjoni li għandha tiġi inkluża fl-ispreadsheet tal-lista/tal-excel imfassla mill-kumitati tal-għażla.

Deċiżjoni fil-każ 593/2016/MDC, dwar it-terminazzjoni ta' kuntratt ta' servizz mill-Kummissjoni Ewropea u n-nuqqas tagħha li twieġeb għal ittra

Il-Ġimgħa | 07 Lulju 2017

Il-każ kien jikkonċerna t-terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ servizz mill-Kummissjoni Ewropea. L-ilmentatur sostna li l-Kummissjoni ma kinitx wieġbet għall-ittri tiegħu, li kienet itterminat il-kuntratt ta’ servizz mingħajr raġuni valida u li kien bil-mod li tħallas il-fatturi mibgħuta lilha. Huwa talab ukoll kumpens għal ħlasijiet tard u danni.

L-Ombudsman investigat dawn l-allegazzjonijiet. Fir-rigward tal-ewwel waħda, hija kkonkludiet li, peress li l-Kummissjoni eventwalment wieġbet għall-ittri tal-ilmentatur, il-kwistjoni kienet ġiet solvuta. Fir-rigward tat-tieni allegazzjoni, li tikkonċerna l-allegata terminazzjoni tal-kuntratt mingħajr raġuni valida, l-Ombudsman ikkonkluda li ma kien hemm l-ebda amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-Kummissjoni, peress li l-kuntratt ta lill-Kummissjoni d-dritt li titterminah fi kwalunkwe ħin u li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kienet tabilħaqq ipprovdiet raġuni tajba għax-xoljiment. Fir-rigward tat-tielet allegazzjoni, l-Ombudsman ikkonkluda li nstabet soluzzjoni għall-problema tal-ħlas tardiv tal-fatturi, peress li l-Kummissjoni finalment ħallset lill-ilmentatur is-somom dovuti għax-xogħol imwettaq u qablet li tħallas l-imgħax ta’ inadempjenza. Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-talba għal kumpens, l-Ombudsman ikkonkluda li ma kien hemm l-ebda ħtieġa għal aktar investigazzjoni dwar il-kwistjoni, peress li l-Kummissjoni ħallset lill-ilmentatur kumpens għad-dannu mġarrab u l-kuntratt ma ppreveda l-ebda kumpens għal kwalunkwe tip ieħor ta’ dannu.

Deċiżjoni fil-każ 969/2016/JN dwar ir-rifjut mill-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea fl-Ukrajna tal-applikazzjoni tal-ilmentatur fi proċedura tal-għażla

Il-Ġimgħa | 13 Jannar 2017

Il-każ kien jikkonċerna ċ-ċaħda mill-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea fl-Ukrajna (EUAM) tal-applikazzjoni tal-ilmentatur fi proċedura tal-għażla. L-Ombudsman staqsiet dwar il-kwistjoni u sabet li ma kien hemm l-ebda amministrazzjoni ħażina fir-rigward taċ-ċaħda tal-applikazzjoni. L-Ombudsman sabet ukoll li mekkaniżmu ta’ rieżami amministrattiv ta’ livell wieħed huwa biżżejjed. Fl-aħħar nett, l-Ombudsman kellu l-pjaċir jiġi infurmat li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna issa ddeċieda li jemenda l-messaġġ li jibgħat lill-kandidati rrifjutati sabiex jinkludi informazzjoni dwar ir-rimedji disponibbli.

Deċiżjoni fil-każ OI/7/2015/ANA dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni Ewropea li tagħti aċċess għall-kummenti tagħha dwar l-abbozz ta' leġiżlazzjoni Serba

Il-Ġimgħa | 02 Settembru 2016

Il-każ kien jikkonċerna r-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti aċċess pubbliku għall-opinjoni tagħha dwar l-abbozz tal-liġi Serba dwar l-Għajnuna Legali Bla Ħlas.

L-Ombudsman staqsa dwar il-kwistjoni u wettaq spezzjoni tad-dokument ikkonċernat. L-Ombudsman ivvaluta l-informazzjoni fil-fajl u sab li r-rifjut tal-Kummissjoni kien iġġustifikat skont ir-regoli applikabbli rilevanti dwar l-aċċess għad-dokumenti (ir-Regolament 1049/2001).

Għalhekk, l-Ombudsman għalqet il-każ b'sejba li ma kien hemm l-ebda amministrazzjoni ħażina. Minkejja dan, is-sejbiet tal-Ombudsman huma bbażati fuq l-interpretazzjoni tal-liġi kif kienet tapplika fid-data li fiha l-Kummissjoni tat id-deċiżjoni tagħha dwar l-applikazzjoni konfermatorja tal-ilmentatur. Xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni, li taġixxi fl-interess pubbliku, milli tistinka għal trasparenza akbar fil-mod li bih tmexxi n-negozjati ta’ qabel l-adeżjoni u hekk kif in-negozjati javvanzaw jew eventwalment jiġu konklużi. Id-dħul fis-seħħ tal-abbozz tal-Att dwar l-Għajnuna Legali Mingħajr Ħlas, l-għeluq proviżorju tal-Kapitolu 23 tan-negozjati tal-adeżjoni u l-adeżjoni eventwali tas-Serbja mal-UE huma dejjem meta l-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta mill-ġdid is-sitwazzjoni sabiex tistabbilixxi jekk ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut tagħha li tagħti aċċess għad-dokument mitlub għadhomx japplikaw. L-Ombudsman għandu fiduċja li l-Kummissjoni se twettaq din ir-riflessjoni.

Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew dwar l-ilment 1708/2014/JVH kontra l-Kummissjoni Ewropea dwar deċiżjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni tal-ilmentatur biex jaħdem fuq proġett iffinanzjat mill-UE

Il-Ħamis | 19 Mejju 2016

F'Lulju 2014, il-Kummissjoni rrifjutat l-applikazzjoni tal-ilmentatur biex jaħdem bħala espert fuq proġett fl-Indoneżja minħabba li kienet diġà impenjat ruħha li taħdem fuq proġett iffinanzjat mill-UE fil-Liberja li kien qed iseħħ fl-istess ħin. L-ilmentatur reġgħet applikat meta l-proġett fil-Liberja ġie ttardjat minħabba l-kriżi tal-Ebola, filwaqt li indikat li fil-fatt kienet disponibbli biex taħdem fuq il-proġett fl-Indoneżja.

L-Ombudsman sabet li l-Kummissjoni hija intitolata titlob li l-esperti jkunu disponibbli biex jaħdmu esklussivament fuq proġetti għal perjodi speċifikati. Hija nnotat li l-ilmentatur kien iddikjara li kienet se tkun disponibbli biex taħdem, fuq bażi esklużiva, fuq żewġ proġetti li jikkoinċidu. L-ilmentatur ma spjegax din il-kontradizzjoni meta għamlet l-applikazzjoni inizjali tagħha. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta, l-Ombudsman tqis li l-Kummissjoni kienet korretta meta rrifjutat l-ewwel applikazzjoni tal-ilmentatur. Fir-rigward tat-tieni applikazzjoni, l-ilmentatur, fil-fatt, iddikjara li l-kriżi tal-Ebola li għaddejja fil-Liberja fissret li fil-fatt kienet libera li taħdem fuq il-proġett fl-Indoneżja. Il-Kummissjoni mbagħad eżaminat mill-ġdid is-sitwazzjoni tagħha. Fil-fehma tal-Ombudsman, hija għamlet ġudizzju ġust u raġonevoli meta kkonkludiet li l-ilmentatur ma setax jiggarantixxi d-disponibbiltà tagħha. Għalhekk, l-Ombudsman jikkonkludi li l-Kummissjoni lanqas ma wettqet żball meta ċaħdet it-tieni applikazzjoni tagħha biex taħdem fuq il-proġett Indoneżjan. Madankollu, tħalli mistoqsijiet dwar kif il-Kummissjoni tittratta d-drittijiet tal-esperti maqbuda fi kriżijiet bħat-tifqigħa tal-Ebola.

L-Ombudsman għalqet l-inkjesta b'sejba li ma kien hemm l-ebda amministrazzjoni ħażina. Hija ssuġġeriet lill-Kummissjoni li, fejn proġett irid jiġi sospiż, għandha tkun lesta li teħles lil kwalunkwe espert affettwat minn impenn ta’ esklużività.

Deċiżjoni fil-każ 1398/2013/ANA dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni Ewropea li tagħti aċċess għal dokumenti relatati mal-Att tal-Istati Uniti dwar il-Konformità Fiskali tal-Kontijiet Barranin ("FATCA")

Il-Ħamis | 31 Marzu 2016

Dan l-ilment qam wara talba għal aċċess pubbliku għal dokumenti miżmuma mill-Kummissjoni Ewropea relatati man-negozjati bejn ċerti Stati Membri tal-UE u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar il-konsegwenzi tal-Att tal-Istati Uniti dwar il-Konformità Fiskali tal-Kontijiet Barranin (“FATCA”). L-ilment sar mill-MPE, is-Sinjura Sophie In't Veld.

Il-kwistjonijiet ewlenin li rriżultaw matul l-inkjesta tal-Ombudsman kienu (a) l-isforzi tal-Kummissjoni biex issib soluzzjoni ġusta rigward il-valutazzjoni ta' għadd kbir ta' dokumenti, u (b) ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti aċċess pubbliku sħiħ għal diversi dokumenti li jikkonċernaw il-FATCA.

L-Ombudsman staqsiet dwar dawn il-kwistjonijiet u rrakkomandat lill-Kummissjoni li (a) tagħmel tentattiv ġdid biex tasal għal soluzzjoni ġusta, u fin-nuqqas ta' dan, ikollha tivvaluta d-dokumenti koperti mit-talba tal-Membru tal-PE mingħajr dewmien żejjed, u (b) tikkunsidra li tagħti aċċess pubbliku usa' għal ċerti dokumenti li jikkonċernaw il-FATCA.

L-Ombudsman issa hija sodisfatta li l-Kummissjoni aċċettat u implimentat ir-rakkomandazzjonijiet tagħha u għalhekk għalqet il-każ.

Deċiżjoni fil-każ OI/9/2015/NF dwar it-terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ għotja mill-Kummissjoni Ewropea

L-Erbgħa | 23 Marzu 2016

L-ilmentatur kellu kuntratt ta’ għotja mal-Kummissjoni Ewropea għall-finanzjament ta’ proġett fl-Eġittu. Skont dak il-kuntratt, l-ilmentatur kellu jipprovdi garanzija finanzjarja minn bank jew istituzzjoni finanzjarja stabbilita fl-UE sabiex jiżgura l-prefinanzjament tal-proġett mill-Kummissjoni. Wara li l-kuntratt daħal fis-seħħ, irriżulta li l-ilmentatur ma setax jipprovdi l-garanzija finanzjarja meħtieġa. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni xoljiet il-kuntratt.

L-Ombudsman sabet li l-Kummissjoni kienet ikkonformat mal-obbligu kuntrattwali tagħha li tikkonsulta lill-ilmentatur qabel ma tipproċedi għat-terminazzjoni tal-kuntratt. Fid-dawl tal-informazzjoni li l-ilmentatur ipprovda lill-Kummissjoni dwar il-kapaċitajiet finanzjarji tiegħu, l-Ombudsman sabet ukoll li l-Kummissjoni setgħet tifhem b’mod raġonevoli li l-ilmentatur ma kienx ikun jista’ jimplimenta l-proġett mingħajr ebda prefinanzjament u li, għalhekk, kwalunkwe konsultazzjoni ulterjuri ma kinitx meħtieġa.

L-Ombudsman ikkonkluda li l-Kummissjoni kienet aġixxiet legalment u raġonevolment fit-terminazzjoni tal-kuntratt mal-ilmentatur. Madankollu, l-Ombudsman issuġġerixxa li f'kuntratti futuri l-Kummissjoni tikkunsidra li tinkludi, fit-termini standard tal-kuntratti, dispożizzjoni li tagħti d-dritt lill-benefiċjarju tal-għotja li jirrinunzja għall-prefinanzjament tal-Kummissjoni. Dan ineħħi l-obbligu li tiġi pprovduta garanzija finanzjarja, jekk il-benefiċjarju jkun f’pożizzjoni li jagħti prova li għandu l-mezzi finanzjarji meħtieġa biex iwettaq il-proġett. L-Ombudsman talbet ukoll lill-Kummissjoni biex tiżgura li dejjem tiddikjara, f’ittra ta’ terminazzjoni, il-bażi legali eżatta għal dik id-deċiżjoni kif ukoll l-għażliet għall-appell tad-deċiżjoni.