• Ressaq ilment
  • Talba għall-informazzjoni
60th Rome Treaty anniversaryL-Ewropa tiegħek - Il-portal għas-servizzi pubbliċi online Ewropej u nazzjonali

Statut

Lingwi disponibbli :  bg.es.cs.da.de.et.el.en.fr.ga.hr.it.lv.lt.hu.mt.nl.pl.pt.ro.sk.sl.fi.sv

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-qadi tad-dmirijiet ta' l-Ombudsman(1)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattati li jwaqqfu l-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikulari l-Artikolu 195(4) tat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea u l-Artikolu 107d(4) tat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni,

wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Kunsill,

billi għandhom jiġu stipulati r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-qadi tad-dmirijiet ta' l-Ombudsman, skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati li jwaqqfu l-Komunitajiet Ewropej;

billi għandhom jiġu stabbiliti kemm il-kundizzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom jista' jiġi ppreżentat ilment lill-Ombudsman kif ukoll ir-relazzjoni bejn il-qadi tad-dmirijiet ta' l-Ombudsman u l-proċeduri legali jew amministrattivi;

Billi l-Ombudsman, li jista' wkoll jaġixxi fuq inizjattiva proprja tiegħu, għandu jkollu aċċess għall-elementi meħtieġa għat-twettiq ta' l-obbligi tiegħu; billi għalhekk l-istituzzjonijiet u l-entitajiet Komunitarji huma obbligati li jipprovdu lill-Ombudsman, fuq talba tiegħu, kwalunkwe tagħrif li jitlob mingħandhom, u mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta' l-Ombudsman li ma jiżvelax din l-informazzzjoni; billi l-aċċess għal tagħrif jew dokumenti kklassifikati, l-aktar għal dokumenti sensittivi skond it-tifsira ta' l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001(2) , għandu jkun suġġett għall-konformità mar-regoli dwar is-sigurtà ta' l-istituzzjoni jew l-entità Komunitarji kkonċernati; billi l-istituzzjonijiet jew l-entitajiet li jipprovdu tagħrif jew dokumenti kklassifikati kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3(2) għandhom jinfurmaw lill-Ombudsman b'din il-klassifikazzjoni; billi, biex ikun hemm l-implimentazzjoni tar-regoli previsti fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3(2), irid ikun hemm qbil minn qabel bejn l-Ombudsman u l-istituzzjoni jew l-entità kkonċernati dwar il-kundizzjonijiet għat-trattament ta' tagħrif jew dokumenti kklassifikati u tagħrif ieħor kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali; billi jekk l-Ombudsman isib li l-assistenza rikjesta mhix qed tiġi sodisfatta, hu għandu jinforma lill-Parlament Ewropew, li għandu jagħmel ir-rappreżentazzjonijiet xierqa;

billi hu meħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri li għandhom jitħarsu f'każ li l-inkjesti ta' l-Ombudsman jikxfu każijiet ta' amministrazzjoni ħażina; billi jeħtieġ ukoll li jiġi stipulat li l-Ombudsman għandu jippreżenta rapport dettaljat lill-Parlament Ewropew fl-aħħar ta' kull sessjoni annwali;

billi l-Ombudsman u persunal tiegħu huma fid-dmir li jittrattaw b'kunfidenzjalità kull informazzjoni li jkunu kisbu fil-qadi ta' dmirijiethom; billi, iżda, l-Ombudsman huwa fid-dmir li jgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti b'fatti li fl-opinjoni tiegħu jistgħu jkollhom x'jaqsmu mal-liġi kriminali u li jkun sar jaf bihom waqt xi inkjesta;

billi għandhom jiġu stabbiliti proċeduri li joffru l-possibiltà ta' koperazzjoni bejn l-Ombudsman u awtoritajiet li jwettqu l-istess irwol f'ċerti Stati Membri, bi qbil mal-liġijiet nazzjonali applikabbli;

billi hu l-Parlament Ewropew li għandu s-setgħa li jaħtar lill-Ombudsman fil-bidu tal-leġiżlatura u għall-bqija tagħha, li jagħżlu minn fost persuni li huma ċittadini ta' l-Unjoni u li jagħtu l-garanziji xierqa ta' indipendenza u ta' kompetenza;

billi għandhom jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom għandhom jintemmu d-dmirijiet ta' l-Ombudsman;

billi l-Ombudsman għandu jaqdi dmirijietu b'indipendenza assoluta u għandu jagħmel dikjarazzjoni solenni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej li se jagħmel dan meta jidħol fil-kariga tiegħu; billi għandhom jiġu stipulati kemm l-attivitajiet li huma inkompatibbli mal-kariga ta' l-Ombusman, kif ukoll ir-rimunerazzjoni, il-privileġġi u l-immunitajiet ta' l-Ombudsman;

billi għandhom jiġu stipulati dispożizzjonijiet dwar l-uffiċjali u l-impjegati tas-segretarjat li jassisti lill-Ombudsman u dwar il-baġit għas-segretarjat; billi s-sede ta' l-Ombudsman għandha tkun is-sede tal-Parlament Ewropew;

billi huwa l-Ombudsman li għandu s-setgħa li jadotta dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni; billi, ukoll, għandhom jiġu stipulati ċerti dispożizzjonijiet tranżitorji għall-ħatra ta' l-ewwel Ombudsman wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' l-UE,

IDDEĊIEDA:

Artikolu 1

1. Ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-qadi tad-dmirijiet ta' l-Ombudsman huma stabbiliti b'din id-Deċiżjoni skond l-Artikolu 195(4) tat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea u l-Artikolu 107d(4) tat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika.

2. L-Ombudsman għandu jaqdi dmirijietu skond is-setgħat mogħtija mit-Trattati lill-istituzzjonijiet u l-entitjajiet Komunitarji.

3. L-Ombudsman ma jistax jintervjeni fi proċeduri li jkunu għaddejin quddiem il-qrati u lanqas ma jista' jitfa' dubju fuq il-korrettezza ta' deċiżjoni ta' qorti.

Artikolu 2

1. Fil-qafas tat-Trattati msemmija qabel, u skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fihom, l-Ombudsman għandu jgħin sabiex jinkixfu każi ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet ta' l-istituzzjonijiet u ta' l-entitajiet Komunitarji, ħlief fil-każ tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim' Istanza fl-eżerċizzju tal-funzjoni ġudizzjarja tagħhom, u għandu jagħti rakkomandazzjonijiet bil-għan li dawn il-każi jitwaqqfu. Ma jista' jsir ebda lment lill-Ombusman dwar l-aġir ta' xi awtorità jew persuna oħra.

2. Ċittadini ta' l-Unjoni jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma residenti fi Stat Membru ta' l-Unjoni jew li għandhom l-uffiċju reġistrat tagħhom fi Stat Membru ta' l-Unjoni jistgħu jippreżentaw lill-Ombudsman, b'mod dirett jew permezz ta' Membru tal-Parlament Ewropew, ilment dwar każ ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet ta' l-istituzzjonijiet jew ta' l-entitajiet Komunitarji, ħlief fil-każ tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim' Istanza fl-eżerċizzju tal-funzjoni ġudizzjarja tagħhom. Malli jirċievi lment, l-Ombudsman għandu jgħarraf lill-istituzzjoni jew lill-entità kkonċernata.

3. L-ilment għandu juri b'mod ċar min ikun qed jagħmel l-ilment u l-kuntenut tiegħu; il-persuna li tkun ippreżentat l-ilment tista' titlob li l-ilment jibqa' kunfidenzjali.

4. Ilment għandu jiġi ppreżentat fi żmien sentejn mid-data meta l-persuna li tippreżenta l-ilment tkun saret taf bil-fatti li fuqhom hu bbażat. Qabel dan, għandhom jittieħdu l-passi amministrattivi xierqa fir-rigward ta' l-istituzzjoni jew l-entità kkonċernata.

5. L-Ombudsman jista' jagħti parir lill-persuna li tkun ippreżentat l-ilment biex l-ilment tindirizzah lil awtorità oħra.

6. L-ilmenti ppreżentati lill-Ombudsman ma jaffettwawx limiti ta' żmien sabiex jiġu ppreżentati appelli fi proċeduri amministrattivi jew legali.

7. Meta l-Ombudsman, minħabba li jkunu għaddejin jew li jkunu ġew konklużi proċeduri legali li jirrigrawdaw il-fatti ppreżentati, ikollu jiddikjara li lment hu inammissibbli jew li ma jkunx jista' jkompli jikkunsidrah, ir-riżultati ta' kwalunkwe inkjesta li jkun għamel sa dak iż-żmien għandhom jiġu arkivjati.

8. Ma jista' jiġi ppreżentat l-ebda ilment lill-Ombudsman li jirrigwarda relazzjonijiet ta' xogħol bejn l-istituzzjonijiet u korpi Komunitarji u uffiċjali jew impjegati oħra tagħhom ħlief fil-każ li l-persuna kkonċernata tkun eżawriet il-possibiltajiet kollha għall-preżentazzjoni ta' talbiet u lmenti amministrattivi interni b'mod partikulari l-proċeduri imsemmija fl-Artikolu 90 (1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u biss wara li jkun skada ż-żmien għar-risposta mill-awtorità kkonċernata.

9. L-Ombudsman għandu, mill-aktar fis, jgħarraf lill-persuna li tkun ippreżentat l-ilment bl-azzjoni li jkun ħa f'dak ir-rigward.

Artikolu 3

1. L-Ombudsman għandu, fuq inizjattiva tiegħu jew wara li jkun ġie ppreżentat ilment, jagħmel l-investigazzjonijiet kollha li, fil-fehma tiegħu, ikun hemm bżonn li jsiru sabiex jiġi ċċarat kwalunkwe suspett ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet ta' l-istituzzjonijiet u korpi Komunitarji. Għandu jgħarraf lill-istituzzjoni jew lill-entità kkonċernata dwar l-azzjoni meħuda, u l-istituzzjoni jew l-entità tista' tippreżenta kwalunkwe kumment li jista' jkun utli għalih.

2. L-istituzzjonijiet u l-entitajiet Komunitarji huma obbligati li jipprovdu lill-Ombudsman bi kwalunkwe tagħrif mitlub minnu u jagħtuh l-aċċess għall-fajls konċernati. L-aċċess għal tagħrif jew dokumenti kklassifikati, l-aktar għal dokumenti sensittivi skond it-tifsira ta' l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/20011, għandu jkun suġġett għall-konformità mar-regoli dwar is-sigurtà ta' l-istituzzjoni jew l-entità Komunitarji kkonċernati;

L-istituzzjonijiet jew l-entitajiet li jipprovdu tagħrif jew dokumenti kklassifikati kif imsemmi fis-subparagrafu ta' qabel dan għandhom jinfurmaw lill-Ombudsman b'din il-klassifikazzjoni.

Biex ikun hemm l-implimentazzjoni tar-regoli previsti fl-ewwel subparagrafu, għandu jkun hemm qbil minn qabel bejn l-Ombudsman u l-istituzzjoni jew l-entità kkonċernati dwar il-kundizzjonijiet għat-trattament ta' tagħrif jew dokumenti kklassifikati u tagħrif ieħor kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali.

L-istituzzjonijiet jew l-entitajiet ikkonċernati għandhom jagħtu aċċess għal dokumenti li oriġinaw fi Stat Membru u ġew klassifikati bħala sigrieti permezz ta' liġi jew regolament biss fejn dak l-Istat Membru ikun ta l-kunsens tiegħu minn qabel.

Huma għandhom jagħtu aċċess għal dokumenti oħra li joriġinaw fl-Istati Membri wara li jkunu nfurmaw lill-Istat Membru kkonċernat.

Fiż-żewġ każijiet, f'konformità l-Artikolu 4, l-Ombudsman ma jistax jiżvela l-kontenut ta' dawn id-dokumenti.

Uffiċjali u impjegati oħra ta' l-istituzzjonijiet u l-entitajiet Komunitarji għandhom jixhdu fuq talba ta' l-Ombudsman; huma għandhom jibqgħu marbuta bir-regoli rilevanti tar-Regolamenti ta' l-Istaff, b'mod partikolari d-dmir tagħhom ta' segretezza professjonali.

3. L-awtoritajiet ta' l-Istati Membri għandhom id-dmir li jagħtu lill-Ombudsman, fuq talba tiegħu, permezz tar-Rappreżentanzi Permanenti ta' l-Istati Membri għall-Komunitajiet Ewropej, kwalunkwe informazzjoni li tista' titfa' dawl fuq każi ta' amministrazzjoni ħażina ta' l-istituzzjonijiet jew l-entitajiet Komunitarji, ħlief fejn din l-informazzjoni tkun koperta minn liġijiet jew regolamenti dwar is-segretezza jew minn dispożizzjonijiet li jipprojbixxu t-tixrid tagħha. Iżda, f'każ ta' dispożizzjonijiet li jipprojbixxu t-tixrid ta' l-informazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat jista' jagħti lill-Ombudsman aċċess għal din l-informazzjoni bil-kundizzjoni li ma jikxifhiex.

4. Jekk l-Ombudsman ma jingħatax l-għajnuna mitluba, għandu jgħarraf b'dan lill-Parlament Ewropew, li għandu jieħu l-passi xierqa.

5. Sa fejn hu possibbli, l-Ombudsman għandu jfittex, flimkien ma' l-istituzzjoni jew il-korp kkonċernati, soluzzjoni sabiex jitwaqqaf l-każ ta' amministrazzjoni ħażina u jkun sodisfatt min ippreżenta l-ilment.

6. Jekk l-Ombusdman isib li kien hemm każ ta' amministrazzjoni ħażina, għandu jgħarraf lill-istituzzjoni jew lill-korp kkonċernati, u fejn hemm bżonn għandu jħejji abbozzi ta' rakkomandazzjonijet. L-istituzzjoni jew l-entità li tingħata dan it-tagħrif għandha tibgħat opinjoni dettaljata lill-Ombudsman fi żmien tliet xhur.

7. Imbagħad l-Ombudsman għandu jibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-istituzzjoni jew lill-korp kkonċernati. Jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet fir-rapport tiegħu. L-Ombudsman għandu jgħarraf lill-persuna li tkun ippreżentat l-ilment bir-riżultati ta' l-inkjesta, u bl-opinjoni mogħtija mill-istituzzjoni jew mill-entità kkonċernata u bi kwalunkwe rakkomandazzjoni li għamel hu stess.

8. Fi tmiem kull sessjoni annwali l-Ombudsman għandu jippreżenta rapport dwar ir-riżultati ta' l-inkjesti tiegħu lill-Parlament Ewropew.

Artikolu 4

1. L-Ombudsman u l-istaff tiegħu, li għalihom japplikaw l-Artikolu 287 tat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunitajiet Ewropej u l-Artikolu 194 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, għandhom ikunu marbuta li ma jiżvelawx tagħrif jew dokumenti li jiksbu waqt il-qadi ta' dmirijiethom. Huma għandhom, b'mod partikolari, jkunu obligati li ma jgħaddu l-ebda tagħrif jew dokumenti kklassifikati pprovduti lill-Ombudsman, b'mod partikulari dokumenti sensittivi skond it-tifsira ta' l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, jew dokumenti li jaqgħu fl-ambitu tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità rigward il-ħarsien tad-data personali, kif ukoll kull tagħrif li jista' jippreġudika lill-persuna li rreġistrat l-ilment jew kwalunkwe persuna oħra involuta, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2.

2. Jekk, waqt xi inkjesti, jiskopri fatti li jaħseb li jistgħu ikollhom x'jaqsmu mal-liġi kriminali, l-Ombudsman għandu minnufih javża lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti permezz tar-Rappreżentazzjonijiet Permanenti ta' l-Istati Membri għall-Komunitajiet Ewropej u, sa fejn il-każ ikun jaqa' taħt is-setgħat tagħhom, lill-istituzzjoni, entità jew servizz kompetenti tal-Komunità inkarigati li jiġġieledu l-frodi; jekk ikun il-każ, l-Ombudsman għandu javża ukoll lill-istituzzjoni jew entità Komunitarji li jkollhom awtorità fuq l-uffiċjal jew impjegat ikkonċernat, li jistgħu japplikaw it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej. L-Ombudsman jista' wkoll jgħarraf lill-istituzzjoni jew korp Komunitarju kkonċernati bil-fatti li jirrigwardaw l-imġiba ta' membru ta' l-istaff tagħhom minn aspett dixxiplinarju.

Artikolu 4a

L-Ombudsman u l-istaff tiegħu għandhom jieħdu ħsieb tat-talbiet għall-aċċess mill-pubbliku għad-dokumenti, ħlief dawk imsemmija fl-Artikolu 4(1), skond il-kundizzjonijiet u l-limiti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

Artikolu 5

1. Sa fejn dan jista' jgħin biex jagħmel l-inkjesti iktar effiċjenti u biex ikunu salvagwardati aħjar id-drittijiet u l-interessi ta' persuni li rreġistraw ilmenti lilu, l-Ombudsman jista' jikkopera ma' awtoritajiet ta' l-istess xorta f'ċerti Stati Membri kemm-il darba jkun konformi mal-liġi nazzjonali applikabbli. L-Ombudsman ma jistax għalhekk jitlob li jara dokumenti li ma kienx ikollu aċċess għalihom skond l-Artikolu 3.

2. Fl-ambitu tal-funzjonijiet tiegħu kif stipulati fl-Artikolu 195 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u l-Artikolu 107d tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika u filwaqt li jevita kwalunkwe titnija ta' l-attivitajiet ta’ l-istituzzjonijiet u l-entitajiet l-oħra, l-Ombudsman jista', taħt l-istess kundizzjonijiet, jikkopera ma' l-istituzzjonijiet u l-entitajiet ta’ l-Istati Membri responsabbli għall-promozzjoni u għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali.

Artikolu 6

1. L-Ombudsman għandu jinħatar mill-Parlament Ewropew wara kull elezzjoni tal-Parlament, għall-bqija tal-leġiżlatura. Il-ħatra tiegħu tista' tiġġedded.

2. L-Ombudsman għandu jintgħażel minn fost persuni li huma ċittadini ta' l-Unjoni, li jgawdu d-drittijiet ċivili u politiċi kollha, li jagħtu kull garanzija ta' indipendenza, u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta' l-ogħla funzjoni ġudizzjarja f'pajjiżhom jew li jkunu magħrufa bħala persuni li għandhom il-kompetenza u l-esperjenza sabiex jaqdu d-dmirijiet ta' Ombudsman.

Artikolu 7

1. L-Ombudsman għandu jieqaf milli jeżerċita l-funzjoni tiegħu fi tmiem iż-żmien tal-ħatra jew mar-riżenja jew it-tkeċċija tiegħu.

2. Ħlief f'każ ta' tkeċċija, l-Ombudsman għandu jkompli fil-kariga sakemm jinħatar is-suċċessur tiegħu.

3. F'każ ta' tmiem antiċipat tal-funzjonijiet ta' l-Ombudman, għandu jiġi maħtur suċċessur għall-bqija tal-leġiżlatura fi żmien tliet xhur minn meta l-kariga ssir vakanti.

Artikolu 8

Ombudsman li ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-qadi tad-dmirijiet tiegħu jew li jkun ħati ta' mġieba ħażina serja jista' jitkeċċa mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fuq talba tal-Parlament Ewropew.

Artikolu 9

1. L-Ombudsman għandu jaqdi d-dmirijiet tiegħu b'indipendenza assoluta, fl-interess ġenerali tal-Komunitajiet u taċ-ċittadini ta' l-Unjoni. Fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu, la għandu jfittex u lanqas ma għandu jaċċetta istruzzjonijiet minn kwalunkwe gvern jew entità oħra. M'għandu jagħmel l-ebda att li jkun inkompatibbli man-natura tad-dmirijiet tiegħu.

2. Meta jidħol fil-kariga tiegħu, l-Ombudsman għandu jagħmel dikjarazzjoni solenni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fejn iwiegħed li se jaqdi d-dmirijiet tiegħu b'indipendenza u b'imparzjalità assoluta u li tul, u wara li jagħlaq, iż-żmien tal-kariga tiegħu hu se jirrispetta d-dmirijiet marbutin mal-kariga tiegħu, b'mod partikulari d-dmir li jaġixxi b'integrità u b'diskrezzjoni meta jiġi biex jaċċetta ċerti karigi jew benefiċċji wara li tkun intemmet il-kariga tiegħu.

Artikolu 10

1. Tul iż-żmien tal-kariga tiegħu, l-Ombudsman ma jista' jeżerċita l-ebda funzjoni politika jew amministrattiva, jew kwalunkwe kariga oħra, kemm bi ħlas kif ukoll jekk bla ħlas.

2. Għal dak li għandu x'jaqsam ma' rimunerazzjoni, allowances u pensjoni, l-Ombudsman għandu jitqies li hu fl-istess pożizzjoni ta' mħallef tal-Qotri tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

3. L-Artikoli 12 sa 15 u l-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandhom japplikaw għall-Ombudsman u għall-uffiċjali u l-impjegati tas-segretarjat tiegħu.

Artikolu 11

1. L-Ombudsman għandu jiġi assistit minn segretarjat. Il-prinċipal tas-segretarjat jinħatar mill-Ombudsman.

2. Ir-regoli u r-regolamenti li japplikaw għall-uffiċjali u l-impjegati l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej għandhom japplikaw ukoll għall-uffiċjali u l-impjegati tas-segretarjat ta' l-Ombudsman. In-numru tagħhom għandu jiġi ffissat kull sena bħala parti mill-proċess baġitarju.

3. L-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u ta' l-Istati Membri li jingħataw kariga fis-segretarjat ta' l-Ombudsman għandhom jiġu sekondati fl-interess tas-servizz b'garanzija li jerġgħu jingħataw il-kariga tagħhom b'mod awtomatiku fl-istituzzjoni fejn kienu jaħdmu qabel.

4. Għall-kwistjonijiet li jirrigwardaw l-istaff tiegħu, l-Ombudsman għandu jitqies li hu fl-istess pożizzjoni ta' l-istituzzjonijiet fis-sens ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament ta' l-Istaff ta' l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 12  : Imħassar

Artikolu 13

Is-sede ta' l-Ombudsman għandha tkun is-sede tal-Parlament Ewropew.

Artikolu 14

L-Ombudsman għandu jadotta dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 15

L-ewwel Ombudsman li jinħatar wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat UE għandu jinħatar għall-bqija tal-leġiżlatura.

Artikolu 16  : Imħassar

Artikolu 17

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej . Għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha.

(1)Adottata mill-Parlament fid-9 ta' Marzu 1994 (ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15) u emendata bid-deċiżjonijiet tal-Parlament ta' l-14 ta' Marzu 2002 (ĠU L 92, 9.4.2002, p. 13) u tat-18 ta' Ġunju 2008 (ĠU L 189, 17.7.2008, p. 25).
(2)Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).