• Ressaq ilment
  • Talba għall-informazzjoni
60th Rome Treaty anniversaryL-Ewropa tiegħek - Il-portal għas-servizzi pubbliċi online Ewropej u nazzjonali

In-Netwerk Ewropew ta’ l-Ombudsmen - Stqarrija

Lingwi disponibbli :  bg.es.cs.da.de.et.el.en.fr.ga.hr.it.lv.lt.hu.mt.nl.pl.pt.ro.sk.sl.fi.sv

Stqarrija adottata fis-Sitt Seminar tal-Ombudsmen Nazzjonali ta’ Stati Membri tal-UE u Pajjiżi Kandidati, Strasburgu 14-16 ta’ Ottubru 2007

In-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen ħejja din l-istqarrija biex id-dimensjoni tal-Unjoni Ewropea (UE) tax-xogħol tal-ombudsmen issir iktar magħrufa u biex jikkjarifika s-servizz li jipprovdu lill-persuni li jilmentaw dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE.

L-ombudsmen nazzjonali u reġjonali jagħtu kontribut vitali biex jassiguraw li ċittadini u residenti tal-UE jkunu jistgħu jsiru jafu bid-drittijiet tagħhom u jgawduhom. Flimkien mal-Ombudsman Ewropew, huma jifformaw in-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen.

In-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen iġib flimkien, fuq bażi volontarja, l-ombudsmen nazzjonali u reġjonali u korpi simili tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, l-ombudsmen nazzjonali tal-pajjiżi kandidati u tal-Islanda u n-Norveġja, kif ukoll l-Ombudsman Ewropew u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Fil-Ġermanja, kumitati għall-petizzjonijiet fuq livell nazzjonali u reġjonali jaqdu rwol simili għal dak tal-ombudsmen. Jagħmlu parti min-Netwerk.

Il-liġi u l-politika tal-UE għandhom impatt li qiegħed dejjem jiżdied fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini u tar-residenti tal-Unjoni Ewropea. Ġeneralment, huma implimentati mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri. L-ombudsmen nazzjonali u reġjonali jikkunsidraw ilmenti kontra awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, inklużi lmenti li għandhom x’jaqsmu ma’ attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE. L-Ombudsman Ewropew jissorvelja l-istituzzjonijiet tal-UE, bħall-Kummissjoni Ewropea.

L-ombudsman nazzjonali jew reġjonali xieraq huwa responsabbli biex jikkunsidra lmenti kontra awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru, inklużi lmenti dwar xi kwistjoni li taqa’ taħt il-kamp tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE. L-Ombudsman Ewropew jinvestiga lmenti kontra l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea.

Għalkemm il-poteri u r-responsabbilitajiet ta’ ombudsmen differenti fin-Netwerk ivarjaw ħafna, huma lkoll impenjati sabiex jipprovdu servizz imparzjali, effettiv u ġust lill-pubbliku. Fil-limiti tal-inkarigu tagħhom, huma jappoġġjaw il-prinċipji li fuqhom hija mwaqqfa l-Unjoni Ewropea.

“L-Unjoni hija mwaqqfa fuq il-prinċipji tal-libertà, demokrazija, rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri” (Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea).

Waħda mill-iktar attivitajiet importanti tan-Netwerk hija l-qsim tal-informazzjoni dwar il-liġi tal-UE u l-aqwa prattika, biex jingħata l-aqwa servizz lill-pubbliku. Ombudsmen nazzjonali u reġjonali fin-Netwerk jistgħu jitolbu lill-Ombudsman Ewropew sabiex jagħtihom tweġibiet bil-miktub għal mistoqsijiet dwar il-liġi tal-UE u l-interpretazzjoni tagħha, inklużi mistoqsijiet li jqumu meta jkunu qed jaħdmu fuq każijiet speċifiċi.

Ir-rwol u l-għan tal-ombudsmen

L-ombudsmen fin-Netwerk huma persuni indipendenti u imparzjali, stabbiliti bil-kostituzzjoni jew bil-liġi, li jaħdmu fuq ilmenti kontra awtoritajiet pubbliċi.

Huma jippruvaw jiksbu riżultati xierqa għal kull ilment. Wara li jinvestiga lment u jqis li jkun wieħed ġustifikat, ombudsman jista’ jikkritika x’ġara u jiddikjara kif, fl-opinjoni tiegħu, il-każ kellu jiġi indirizzat b’mod xieraq. F’ħafna pajjiżi, l-ombudsman jista’ wkoll jissuġġerrixi rimedji, li jistgħu jinkludu, pereżempju, reviżjoni ta’ deċiżjoni, għoti ta’ apoloġija, jew għoti ta’ kumpens finanzjarju. Xi ombudsmen jistgħu jippruvaw jiksbu soluzzjoni amikevoli għal ilment.

F’xi każijiet, il-persuna li tilmenta jista’ jkollha għażla bejn li tmur għand l-ombudsman jew quddiem qorti. Normalment, madankollu, ombudsman ma jistax jikkunsidra lment jekk il-kwistjoni tkun qed tiġi kkunsidrata minn qorti jew tkun diġà ġiet deċiża minn qorti. B’differenza mill-qorti, ombudsman ma jiħux deċiżjonijiet legalment vinkolanti, iżda l-awtoritajiet pubbliċi ġeneralment isegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-ombudsman. Jekk ma jagħmlux hekk, l-ombudsman jista’, pereżempju billi jinnotifika lill-Parlament, jiġbed attenzjoni politika u pubblika għall-każ.

Barra milli jirrispondu għall-ilmenti, l-ombudsmen jaħdmu wkoll b’mod proattiv biex jgħollu l-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika u s-servizzi pubbliċi. Huma jħeġġu amministrazzjoni tajba u rispett għad-drittijiet, jissuġġerixxu s-soluzzjonijiet meħtieġa għall-problemi sistemiċi, jagħtu informazzjoni dwar l-aħjar prattiki u jippromwovu kultura ta’ servizz tajjeb.

L-Ombudsmen jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet pubbliċi biex iqisu l-ilmenti bħala opportunità biex jikkomunikaw b’mod effettiv mal-persuni li jilmentaw u biex jagħmlu tajjeb għal kwalunkwe nuqqasijiet fis-servizz tagħhom. Għaldaqstant, ħafna mill-ombudsmen ma jinvestigawx ilment qabel ma l-korp li kontrih tressaq l-ilment l-ewwel jingħata opportunità raġjonevoli biex jittratta l-kwistjoni huwa nnifsu.

L-oqsma preċiżi li dwarhom jista’ jaġixxi ombudsman ivarjaw fi ħdan in-Netwerk, iżda normalment jinkludu: ksur tad-drittijiet, inkluż dawk tal-bniedem u dawk fundamentali; aġir ieħor kontra l-liġi, inkluż nuqqas ta’ rispett tal-prinċipji ġenerali tal-liġi; u nuqqas ta’ aġir skont il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba. Eżempji ta’ amministrazzjoni ħażina li ombudsman jista’ jirranġa jinkludu dewmien mhux ġustifikat, nuqqas li tiġi segwita politika jew li jiġu segwiti proċeduri stabbiliti, nuqqas ta’ imparzjalità, inġustizzja, l-għoti ta’ informazzjoni jew parir żbaljat, inkonsistenza, u nuqqas ta’ kortesija.

Servizz lill-pubbliku

L-ombudsmen fin-Netwerk huma impenjati li jittrattaw lill-membri kollha tal-pubbliku b’kortesija u rispett. Huma għandhom l-għan li jkunu aċċessibli u disposti li joffru servizz tajjeb, li jkunu ġusti, imparzjali, konsistenti u effettivi.

Fil-limiti definiti mil-liġi u mill-bżonn li jiġu rrispettati il-privatezza u raġunijiet leġittimi għall-kunfidenzjalità, l-ombudsmen fin-Netwerk jimmiraw għat-trasparenza fl-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet tagħhom. Huma jippubblikaw il-kriterji li huma japplikaw meta jikkunsidraw ilmenti, jagħtu raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħhom u jirrapportaw pubblikament l-attivitajiet tagħhom.

L-ombudsmen fin-Netwerk jippruvaw iżommu bilanċ tajjeb bejn ir-reqqa u l-ħeffa tal-istħarriġ tagħhom, iqisu l-interessi ta’ min ikun ressaq l-ilment u l-bżonn li jagħmlu użu effettiv tar-riżorsi.

Aċċessibilità

L-ombudsmen fin-Netwerk jippruvaw jiffaċilitaw aċċess ħieles u ugwali għal kull min huwa intitolat li jagħmel użu mis-servizzi tagħhom.

B’mod ġenerali, l-ilmenti jistgħu jiġu indirizzati lill-ombudsman direttament.

Is-servizzi ta’ ombudsman huma normalment bla ħlas għall-persuna li tilmenta.

Fejn eċċezzjonijiet għall-prinċipji msemmija hawn fuq huma imposti bil-liġi, l- ombudsman jipprova jimminimizza, kemm jista’ jkun possibli, l-impatt ħażin tagħhom fuq il-persuna li tkun ilmentat.

Il-kunsiderazzjoni tal-ilmenti

L-ombudsmen fin-Netwerk għandhom l-għan li jaħdmu mill-ewwel u b’mod effettiv fuq l-ilmenti. Huma jqisu d-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi tal-UE, inklużi l-prinċipji ġenerali tal-liġi, bħar-rispett għad-drittijiet fundamentali. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tista’ tipprovdi punt ta’ referenza utli f’dan ir-rigward.

Kull ilment li jasal huwa analizzat bir-reqqa bil-għan li jiġi assigurat riżultat xieraq.

Jekk ilment ikun inammissibbli, l-ombudsman jinforma lill-persuna li tilmenta malajr, u jispjega b’mod ċar ir-raġuni jew ir-raġunijiet. Jekk ikun possibbli, l-ombudsman jagħti parir lill-persuna li tilmenta dwar korp ieħor li jista’ jkunlu ta’ għajnuna.

Xi ombudsmen jużaw proċedura simplifikata, jekk analiżi preliminarja tindika li l-problema tal-ilmentatur tista’ tissolva malajr, pereżempju permezz ta’ telefonata.

Jekk ikun hemm investigazzjoni sħiħa tal-ilment, l-ombudsman jipprovdi informazzjoni lill-persuna li tilmenta dwar l-investigazzjoni, jew jassigura li l-ilmentatur ikun jista’ jikseb faċilment din l-informazzjoni. Informazzjoni relevanti tista’, pereżempju, tikkonċerna:

  • il-proċedura użata;
  • l-għan tal-investigazzjoni, inkluż liema kwistjoni jew kwistjonijiet ikunu qed jiġu investigati; u
  • il-progress tal-investigazzjoni.

Fi tmiem l-investigazzjoni, l-ombudsman joħroġ rapport jew deċiżjoni bil-miktub li normalment tistabbilixxi:

  • is-sejbiet tal-ombudsman;
  • jekk l-ombudsman jikkonsidrax l-ilment bħala wieħed ġustifikat għalkollox jew parzjalment u r-raġunijiet għal din l-opinjoni; u
  • ir-rakkomandazzjonijiet tal-ombudsman, jekk ikun hemm, lill-awtorità pubblika kkonċernata.

Pubblikazzjoni tal-informazzjoni

L-ombudsmen fin-Netwerk jippubblikaw informazzjoni li tinftiehem faċilment, f’forom aċċessibbli b’mod wiesgħa. Informazzjoni bħal din tista’ tinkludi, pereżempju:

  • min huwa intitolat li jilmenta;
  • kontra liema awtoritajiet pubbliċi jista’ jitressaq ilment;
  • it-tipi ta’ attivitajiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ilment, inklużi attivitajiet li jaqgħu taħt il-liġi tal-UE;
  • il-kundizzjonijiet ta’ ammissibilità tal-ilmenti;
  • kif għandu jsir l-ilment;
  • x’lingwa jew lingwi jistgħu jintużaw għall-ilment;
  • (jekk meħtieġ) il-kundizzjonijiet li fihom l-ombudsman juża proċedura simplifikata;
  • kif jista’ jinkiseb parir individwali dwar il-possibbilità li jsir ilment (eż hotline tat-telefon); u
  • ir-riżultati u r-rimedji possibbli jekk l-ilment jinstab li huwa ġustifikat.

L-Ombudsman Ewropew impenja ruħu biex jiffaċilita aċċess wiesgħa għall-informazzjoni ppubblikata mill-membri nazzjonali u reġjonali tan-Netwerk.

Il-website tal-Ombudsman Ewropew http://www.ombudsman.europa.eu tinkludi informazzjoni dwar in-Netwerk u tikkollega direttament mal-homepages tal-membri tiegħu. Il-website tinkludi wkoll gwida interattiva li tista’ tintuża biex tidentifika liema ombudsman jew korp ieħor huwa fl-aħjar pożizzjoni biex jikkunsidra lment jew biex iwieġeb talba għal informazzjoni. L-informazzjoni hija disponibbli għal min jitlobha mill-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew (tel. +33 3 88 17 23 13).

Servizz dejjem jitjieb għall-pubbliku

L-ombudsmen fin-Netwerk huma impenjati li jtejbu kontinwament is-servizz li jipprovdu lill-pubbliku. Għal dan l-għan, din l-Istqarrija se tiġi riveduta jekk u meta dan ikun meħtieġ, bil-għan li jiġi assigurat li tirrifletti l-aħjar prassi, li hija ħaġa li dejjem tevolvi.