• Ressaq ilment
  • Talba għall-informazzjoni
60th Rome Treaty anniversaryL-Ewropa tiegħek - Il-portal għas-servizzi pubbliċi online Ewropej u nazzjonali

Prinċipji tas-servizz pubbliku għas-servizz pubbliku tal-UE

Lingwi disponibbli :  bg.es.cs.da.de.et.el.en.fr.ga.hr.it.lv.lt.hu.mt.nl.pl.pt.ro.sk.sl.fi.sv

Introduzzjoni

Il-ħames prinċipji tas-servizz pubbliku

1. Impenn lejn l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha
2. Integrità
3. Oġġettività
4. Rispett lejn ħaddieħor
5. Trasparenza

Bħala Ombudsman Ewropew, il-fehma tiegħi hija li kemm iċ-ċittadini kif ukoll il-ħaddiema tas-servizz pubbliku jemmnu li dawn il-ħames prinċipji għandhom jiggwidaw lis-servizz pubbliku tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-prinċipji huma żviluppati aktar fil-paġna 5 hawn isfel.

Jekk il-ħaddiema tas-servizz pubbliku jżommu l-prinċipji f’moħħhom ikunu jistgħu jifhmu u japplikaw ir-regoli kif suppost, u jiġu ggwidati sabiex jagħmlu deċiżjonijiet tajbin f’sitwazzjonijiet fejn għandhom jeżerċitaw il-ġudizzju tagħhom.

Il-prinċipji m’humiex ġodda. Għall-kuntrarju, dawn jirrappreżentaw l-aspettattivi eżistenti taċ-ċittadini u tal-ħaddiema tas-servizz pubbliku. Barra minn hekk, huma diġà huma mdaħħla, kemm b’mod espliċitu kif ukoll b’mod impliċitu, fir-Regolamenti tal-Persunal u f’dokumenti oħra bħar-Regolament Finanzjarju, u l-Kodiċi Ewropew ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba.

Il-valur addizzjonali tad-dokument preżenti hu li dan jelenka l-prinċipji b’mod sempliċi u konċiż, wara perijodu estensiv ta’ riflessjoni u konsultazzjoni. L-ewwel abbozz kien ippreparat matul l-2010, wara konsultazzjoni mal-ombudsmen nazzjonali tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen. Dan kien segwit minn konsultazzjoni pubblika, li saret minn Frar sa Ġunju tal-2011. Id-dokumenti relevanti huma disponibbli fuq il-websajt tiegħi (www.ombudsman.europa.eu), inkluż ir-rapport dwar ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika. Jien nixtieq nestendi l-gratitudni sinċiera tiegħi għall-istituzzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u l-individwi kollha li rrispondew għall-konsultazzjonijiet. Il-kontribut tagħhom għamel differenza kbira fil-mod kif tpoġġa l-kliem fil-verżjoni finali tal-prinċipji.

Il-prinċipji jikkostitwixxu sintesi ta’ livell għoli tal-istandards etiċi għall-ħaddiema tas-servizz pubbliku tal-UE. B’hekk, huma jikkostitwixxu wkoll komponent vitali tal-kultura ta’ servizz li taderixxi għaliha l-amministrazzjoni pubblika tal-UE. Mod wieħed ta’ kif dawn il-prinċipji jistgħu jitħaddmu f’sitwazzjonijiet konkreti hu permezz ta’ regoli dettaljati. Regoli bħal dawn jeżistu, pereżempju, fir-rigward ta’ suġġetti bħall-prevenzjoni ta’ u kif jiġu rregolati l-kunflitti ta’ interess. Kif innutaw ftit mill-parteċipanti fil-konsultazzjoni pubblika, jista’ jkun hemm bżonn ta’ aktar regoli u ta’ regoli aħjar. Il-prinċipji tas-servizz pubbliku m’humiex intiżi bħala sostitut għal dawn ir-regoli. Fl-istess ħin, hemm tliet raġunijiet għaliex regoli bħal dawn, għalkemm jistgħu jkunu abbozzati b’attenzjoni, ma jneħħux il-bżonn li niffokaw ukoll fuq prinċipji etiċi ta’ livell għoli.

Fl-ewwel lok, l-abbozzar ta’ regoli dettaljati, kemm jekk leġiżlattivi jew amministrattivi, aktarx li jkun aħjar jekk il-prinċipji ta’ livell għoli jinżammu bħala punt ta’ referenza.

Fit-tieni lok, ir-regoli ma jinterpretawx u ma japplikawx lilhom infushom. Sabiex isir magħruf x’ifissru f’sitwazzjonijiet konkreti spiss ikun hemm bżonn li jiġi eżerċitat ġudizzju.

Fit-tielet lok, mhux possibbli li wieħed ifassal regoli li jkopru kollox. Pereżempju, ara t-tielet u r-raba’ paragrafi tal-prinċipju 1:

Il-ħaddiema tas-servizz pubbliku għandhom jagħmlu ħilithom biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom bl-aħjar mod possibbli u għandhom dejjem jaħdmu biex jilħqu l-ogħla standards professjonali.

Huma għandhom ikunu konxji mill-pożizzjoni tagħhom ta’ fiduċja pubblika u għandhom jagħtu eżempju tajjeb lill-oħrajn.

Huwa diffiċli li wieħed jimmaġina regoli dettaljati li jkopru kull azzjoni jew azzjoni potenzjali li jistgħu jkunu relevanti għaliha dawn il-paragrafi, speċjalment minħabba li huma jipprovdu li l-ħaddiema tas-servizz pubbliku għandhom mhux biss jirreaġixxu b’mod xieraq għal sitwazzjonijiet partikolari, iżda wkoll li dawn għandhom ikunu proattivi.

Biex nieħdu eżempju ieħor, il-prinċipju 3 jistabbilixxi, fost affarijiet oħra, li l-ħaddiema tas-servizz pubbliku m’għandhomx jagħmlu diskriminazzjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, in-non-diskriminazzjoni għandha żewġ aspetti: (i) Sitwazzjonijiet komparabbli m’għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti u (ii) sitwazzjonijiet differenti m’għandhomx jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm, fiż-żewġ każijiet, tali trattament ma jkunx ġustifikat b’mod oġġettiv. L-evitar tad-diskriminazzjoni ma jfissirx, għalhekk, li kulħadd jiġi ttrattat bl-istess mod irrispettivament mid-differenzi fis-sitwazzjoni tagħhom. Għall-kuntrarju, l-eżerċizzju tal-ġudizzju hu meħtieġ biex jintlemħu differenzi relevanti minn dawk irrelevanti.

Qabel ma nikkonkludi din l-introduzzjoni, huwa importanti li niċċara l-kamp tal-applikazzjoni tal-prinċipji. It-terminu ‘ħaddiem tas-servizz pubbliku’ hu taqsira konvenjenti għal dawk li r-Regolamenti tal-Persunal[1] jirreferu għalihom bħala “uffiċjali u aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea”. Ir-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxu wkoll kategorija ta’ konsulenti speċjali[2] li huma wkoll ħaddiema tas-servizz pubbliku f’dan il-kuntest.

Jien ippruvajt nesprimi l-prinċipji b’mod li jkunu relevanti għall-ħaddiema kollha tas-servizz pubbliku, mhux biss dawk b’responsabbiltajiet ta’ ġestjoni jew ta’ tmexxija oħra. F’dan il-kuntest, wieħed irid isemmi wkoll li l-Membri tal-Istituzzjonijiet, bħall-Membri tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Awdituri u l-Parlament Ewropew, u l-Imħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja m’humiex “uffiċjali jew aġenti oħra” fit-tifsira tar-Regolamenti tal-Persunal. Lanqas ma japplikaw għalihom ir-Regolamenti tal-Persunal. Huma m’humiex, għalhekk “ħaddiema tas-servizz pubbliku” għall-iskopijiet tal-prinċipji tas-servizz pubbliku. Madanakollu, dawn il-persuni jistgħu jsibu li dawn il-prinċipji huma relevanti għalihom, bħala sors ta’ ispirazzjoni b’rabta mar-responsabbiltajiet speċjali tagħhom.

Jien evitajt li ninkludi fil-prinċipji xi elementi li, fl-opinjoni tiegħi, jikkonċernaw primarjament ir-responsabbiltajiet tal-istituzzjonijiet, aktar milli dawk tal-ħaddiema tas-servizz pubbliku individwalment. Fejn hu relevanti, madanakollu, jiena ser nirreferi għall-prinċipji fl-investigazzjonijiet futuri tiegħi dwar amministrazzjoni ħażina possibbli fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-UE.

Jien nemmen b’mod sħiħ li meta l-prinċipji tas-servizz pubbliku jkunu espliċiti dawn jistgħu jiġġeneraw u jiffukaw djalogu kostruttiv u kontinwu fost il-ħaddiema tas-servizz pubbliku, u bejn il-ħaddiema tas-servizz pubbliku u l-pubbliku. Id-diversità kulturali, ċċelebrata bil-motto “magħquda fid-diversità”, hi ħila qawwija tal-Unjoni Ewropea. Dan ifisser ukoll li dan id-djalogu hu essenzjali, bħala mezz kif jikkonsolida u jkabbar fehma waħda tal-valuri etiċi tas-servizz pubbliku fost il-ħaddiema tas-servizz pubbliku u ċ-ċittadini li ġejjin minn ambjenti b’kultura differenti.


Prinċipji tas-servizz pubbliku li għandhom jiggwidaw lill-ħaddiema tas-servizz pubbliku tal-UE

1. Impenn lejn l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha

Il-ħaddiema tas-servizz pubbliku għandhom ikunu konxji li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jeżistu sabiex iservu l-interessi tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha sabiex jilħqu l-għanijiet tat-Trattati.

Huma għandhom jagħmlu rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet biss sabiex iservu dawn l-interessi.

Il-ħaddiema tas-servizz pubbliku għandhom jagħmlu ħilithom sabiex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom bl-aħjar mod possibbli u għandhom dejjem jaħdmu biex jilħqu l-ogħla standards professjonali.

Huma għandhom ikunu konxji mill-pożizzjoni tagħhom ta’ fiduċja pubblika u għandhom jagħtu eżempju tajjeb lill-oħrajn.

2. Integrità

Il-ħaddiema tas-servizz pubbliku għandhom ikunu ggwidati minn sens ta’ deċenza u dejjem għandhom jaġixxu b’mod li jiflaħ għal skrutinju bir-reqqa mill-pubbliku. Dan l-obbligu ma jkunx rispettat b’mod sħiħ sempliċiment għax wieħed jimxi mal-liġi.

Il-ħaddiema tas-servizz pubbliku m’għandhomx ipoġġu lilhom infushom taħt xi obbligu finanzjarju jew xi obbligu ieħor li jista’ jinfluwenzahom fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom, inkluż billi jirċievu rigali. Huma għandhom minnufih jistqarru kwalunkwe interess privat marbut mal-funzjonijiet tagħhom.

Il-ħaddiema tas-servizz pubbliku għandhom jieħdu passi biex jevitaw il-kunflitti ta’ interess u l-apparenza ta’ kunflitti bħal dawn. Huma għandhom jieħdu azzjoni malajr sabiex isolvu kull kunflitt li jinħoloq. Dan l-obbligu jkompli meta huma ma jibqgħux fil-kariga tagħhom.

3. Oġġettività

Il-ħaddiema tas-servizz pubbliku għandhom ikunu imparzjali, b’moħħhom miftuħ, immexxija mill-evidenza, u disposti li jisimgħu opinjonijiet differenti. Huma għandhom ikunu lesti li jirrikonoxxu u jikkoreġu l-iżbalji.

Fi proċeduri li jinvolvu evalwazzjonijiet komparattivi, il-ħaddiema tas-servizz pubbliku għandhom jibbażaw ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet biss fuq il-mertu u kwalunkwe fattur ieħor preskritt espressament bil-liġi.

Il-ħaddiema tas-servizz pubbliku m’għandhomx jiddiskriminaw jew jippermettu li l-fatt li togħġobhom jew ma togħġobhomx persuna partikolari jinfluwenza l-imġieba professjonali tagħhom.

4. Rispett lejn l-oħrajn

Il-ħaddiema tas-servizz pubbliku għandhom jaġixxu billi juru rispett lejn xulxin u lejn iċ-ċittadini. Huma għandhom ikunu edukati, ta’ għajnuna, puntwali u kooperattivi.

Huma għandhom jagħmlu sforzi ġenwini biex jifhmu dak li qiegħed jgħidilhom ħaddieħor u jesprimu ruħhom b’mod ċar, billi jużaw lingwaġġ sempliċi.

5. Trasparenza

Il-ħaddiema tas-servizz pubbliku għandhom ikunu lesti li jispjegaw l-attivitajiet tagħhom u li jagħtu raġunijiet għall-azzjonijiet tagħhom.

Huma għandhom iżommu reġistri xierqa u jilqgħu l-iskrutinju pubbliku tal-imġieba tagħhom, inkluż il-konformità tagħhom ma’ dawn il-prinċipji tas-servizz pubbliku.



[1] Formalment, ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Impjegati Oħra tal-Unjoni Ewropea.

[2] "Persuna li, minħabba l-kwalifiki speċjali tagħha u minkejja impieg bi qligħ f'xi kapaċità oħra, hija mqabbda biex tassisti waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew regolarment jew għal perjodu speċifikat u li titħallas mill-approprijazzjonijiet totali għall-iskop taħt it-taqsima ta' l-estimi relatati ma' l-istituzzjoni li taħdem magħha" (l-Artikolu 5 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Impjegati Oħra).