FOR PREVIEWING & TESTING PURPOSES ONLY.
This notification will disappear once the page will be published.
This link is available for less than 30 minutes.
  • Faċli biex taqra
  • Daqs tat-test

Int għandek ilment kontra istituzzjoni jew korp tal-UE?

Lingwa attwali: 
  • Malti
Lingwi disponibbli: 

Ir-Rapport Annwali tal-2023

1. Introduzzjoni

Emily O’Reilly, l-Ombudsman Ewropew
Emily O’Reilly, l-Ombudsman Ewropew

Huwa ta’ pjaċir kbir għalija li nippreżenta r-Rapport Annwali tal-Ombudsman Ewropew għall-2023.

L-ambjent dejjem aktar kumpless tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE – ta’ spiss rapidu u li jinvolvi varjetà wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati – isaħħaħ il-ħtieġa għall-korpi ta’ sorveljanza indipendenti u l-importanza tagħhom bħall-Ombudsman Ewropew biex jiġi żgurat li l-amministrazzjoni Ewropea tibqa’ responsabbli u trasparenti.

Il-ħidma tal-uffiċċju tiegħi tinkludi li nfakkru lill-istituzzjonijiet tal-UE li filwaqt li xi sitwazzjonijiet jistgħu jirrikjedu azzjoni politika rapida, il-mod prestabbilit ta’ amministrazzjoni orjentata lejn iċ-ċittadin għandu jkun wieħed li jippermetti diskussjoni pubblika u skrutinju.

Fid-dawl ta’ dan, tlabt lill-Parlament Ewropew biex jappoġġa r-rakkomandazzjoni tiegħi biex bħala kwistjoni ta’ prijorità jiġi indirizzat id-dewmien sinifikanti mill-Kummissjoni Ewropea fl-indirizzar ta’ talbiet għal aċċess għal dokumenti, b’mod partikolari fir-rieżami tad-deċiżjonijiet inizjali tagħha dwar l-aċċess. Din hija biss it-tieni darba li ħriġt Rapport Speċjali lill-Parlament bħala Ombudsman Ewropew u dan huwa xhieda tal-importanza ta’ din il-kwistjoni għal sorveljanza demokratika. Ninsab grata lejn il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern li ttratta l-kwistjoni daqshekk malajr.

Il-kwistjonijiet etiċi baqgħu ċentrali matul is-sena. Segwejt mill-qrib il-proċess ta’ riforma fil-Parlament Ewropew b’segwitu għall-iskandlu ta’ korruzzjoni fi tmiem l-2022. Filwaqt li kien hemm xi titjib ċar fil-qafas tal-etika tal-Parlament, l-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa tar-riformi se jkunu kruċjali.

L-inkjesti relatati mal-migrazzjoni dehru b’mod qawwi fl-2023 hekk kif ftaħt inkjesta fuq inizjattiva proprja bl-għan li nikkjarifika r-rwol tal-Frontex f’operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ fil-Baħar Mediterran u, f’inkjesta separata, tlabt lill-Aġenzija biex twettaq aktar biex jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali tal-migranti jiġu rrispettati matul l-“intervisti ta’ ġbir ta’ informazzjoni”. Tlabt ukoll għal aktar informazzjoni dwar il-Memorandum ta’ Qbil bejn l-UE u t-Tuneżija, inkluż jekk il-Kummissjoni kinitx wettqet valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem.

Il-migrazzjoni kienet waħda mis-suġġetti ewlenin fil-konferenza tan-Network Ewropew tal-Ombudsmen fil-Parlament Ewropew f’Novembru. Il-laqgħa flimkien tal-ombudsmen nazzjonali u reġjonali kienet tinkludi wkoll diskussjonijiet fuq firxa wiesgħa dwar l-użu tal-IA fl-amministrazzjonijiet pubbliċi kif ukoll l-importanza ta’ standards ta’ etika għoljin fil-ħajja pubblika.

Kont kuntenta li norganizza r-raba’ edizzjoni tal-Premju għal Amministrazzjoni Tajba tal-Ombudsman Ewropew f’Ġunju. Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet għal darb’oħra enfasizzat il-ħafna inizjattivi u proġetti eċċellenti mwettqa mill-persunal fl-amministrazzjoni kollha tal-UE. Il-Premju ġenerali ngħata lill-Eurojust u lill-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali għall-ħidma tagħhom biex jgħinu lis-soċjetà ċivili tiddokumenta delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità.

Is-sena li ġejja hija waħda importanti għad-demokrazija fl-Ewropa u madwar id-dinja. L-għażliet li jagħmlu n-nies fil-kaxxa tal-vot mhux biss jaffettwaw il-politika pubblika iżda l-funzjonament tad-demokrazija nfisha, inklużi l-kontrokontrolli li jissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali u r-responsabbiltà tal-gvern. L-amministrazzjonijiet pubbliċi madwar id-dinja se jkollhom jinnavigaw it-tensjonijiet inerenti bejn l-indipendenza tagħhom u t-talbiet tal-gvern, bl-użu tal-interess pubbliku bħala l-Istilla tat-Tramuntana tagħhom. L-istituzzjonijiet tal-UE mhumiex differenti u huwa parti mir-rwol tal-Ombudsman Ewropew li jaġixxi bħala l-gwida tagħhom. Kif juri l-Premju għal Amministrazzjoni Tajba tas-sena l-oħra, l-UE hija xxurtjata li għandha grupp ta’ uffiċjali li jistinkaw, bi spirtu ċiviku u b’mod indipendenti. Ninsab ħerqana li nibqa’ naħdem magħhom biex nuru l-mod kif amministrazzjoni pubblika tajba tista’ tgħin biex tipproteġi d-demokrazija u d-drittijiet fundamentali.

Il-firma ta’ Emily O’Reilly

Emily O’Reilly

2. Ħarsa lejn l-2023

3. Suġġetti ewlenin

L-Ombudsman jgħin lill-persuni, lin-negozji jew lill-organizzazzjonijiet li jkunu qed jiffaċċjaw problemi bl-amministrazzjoni tal-UE. Dawn jistgħu jinkludu nuqqas ta’ trasparenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, dewmien jew rifjut fil-forniment ta’ aċċess għal dokumenti, ksur ta’ drittijiet fundamentali, u kwistjonijiet kuntrattwali. It-taqsimiet li ġejjin jipprovdu ħarsa ġenerali lejn il-każijiet ewlenin relatati ma’ oqsma partikolari.

3.1. Aċċess għal dokumenti

Iċ-ċittadini tal-UE għandhom drittijiet wiesgħa biex jaċċessaw dokumenti miżmuma mill-amministrazzjoni tal-UE. Jekk jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiksbu aċċess għal dawn id-dokumenti, jistgħu jirrikorru għand l-Ombudsman għall-għajnuna.

B’segwitu għal inkjesta fuq inizjattiva proprja, l-Ombudsman talbet lill-Kummissjoni Ewropea biex tindirizza b’mod urġenti d-dewmien sistemiku fl-indirizzar tagħha tat-talbiet għal aċċess għal dokumenti, filwaqt li nnutat li hija meħtieġa reviżjoni fundamentali biex jiġi żgurat li din taderixxi mal-iskadenzi stabbiliti fil-liġi tal-UE dwar l-aċċess pubbliku (ir-Regolament 1049/2001). L-inkjesta tal-Ombudsman żvelat li meta individwi jfittxu rieżami ta’ deċiżjoni ta’ aċċess, magħrufa bħala talba konfermatorja, il-Kummissjoni titlef l-iskadenzi stabbiliti fil-liġi f’85 % tal-każijiet. F’Settembru, l-Ombudsman bagħtet rapport speċjali lill-Parlament Ewropew, fejn talbet lill-istituzzjoni għall-appoġġ formali tiegħu biex jiġi żgurat li l-Kummissjoni taġixxi fuq ir-rakkomandazzjoni tagħha. Hija ddiskutiet ir-rapport mal-Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs) fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern f’Novembru.

L-Ombudsman fetħet ukoll inkjesta fuq inizjattiva proprja dwar il-mod kif il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jindirizzaw it-talbiet għal aċċess pubbliku għal dokumenti leġiżlattivi. Inkjesti preċedenti tal-Ombudsman issuġġerew li t-tliet istituzzjonijiet mhumiex qed jaderixxu bis-sħiħ mad-dritt tal-UE u, b’mod aktar speċifiku mal-ġurisprudenza, fir-rigward ta’ dawn it-talbiet għal aċċess.

B’segwitu għal inkjesta, l-Ombudsman talbet lill-Kunsill jagħti aċċess pubbliku sħiħ għal opinjoni tas-servizz legali tiegħu rigward liġi proposta dwar il-paga minima, filwaqt li sostniet li trasparenza akbar waqt li kienu għaddejjin in-negozjati dwar l-abbozz tal-liġi kienet tiffaċilita ħafna l-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess leġiżlattiv tal-UE. Il-Kunsill ta aċċess għad-dokument mitlub b’segwitu għar-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman. L-Ombudsman ikkritikat ukoll it-tweġiba negattiva tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB) għal diversi talbiet għal aċċess pubbliku għal dokumenti preparatorji li jikkonċernaw trasferimenti internazzjonali ta’ data. Bi tweġiba għar-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman, l-EDPB fl-aħħar mill-aħħar ta aċċess usa’ għad-dokumenti mitluba.

Il-kwistjoni ta’ x’jikkostitwixxi dokument tal-UE baqgħet tippreżenta problema fl-2023. L-Ombudsman ikkritikat in-nuqqas inizjali tal-Kummissjoni li tinkludi emails speċifiċi fl-ambitu ta’ talba għal aċċess li tikkonċerna skambji dwar abbozzi ta’ strateġiji tal-UE dwar il-ħamrija, il-foresti u l-adattament għall-klima. Matul l-inkjesta tal-Ombudsman, il-Kummissjoni qablet li tirreġistra l-emails inkwistjoni u teżamina jekk dawn setgħux jiġu rilaxxati.

F’inkjesta li tikkonċerna l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), l-Ombudsman ikkonkludiet li l-prattika tagħha li awtomatikament tqiegħed ċertu aċċess għal talbiet għal dokumenti f’ordni kronoloġika, indipendentement minn jekk l-indirizzar tagħhom ikunx jinvolvi piż amministrattiv eċċessiv, ma setgħetx titqies bħala amministrazzjoni tajba. Filwaqt li nnutat li l-EMA diġà qed tieħu passi biex telimina gradwalment din l-ordni, l-Ombudsman talbet lill-Aġenzija biex tirrapporta lura lilha dwar il-progress tagħha.

L-Ombudsman għamlet ukoll suġġerimenti lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) dwar il-mod kif jindirizza t-talbiet għal aċċess għal dokumenti. B’mod partikolari, talbet lill-BEI biex jivvaluta t-talbiet għall-aċċess fuq il-mertu tagħhom stess u mhux fid-dawl ta’ jekk kienx diġà qed jippjana li jippubblika d-dokumenti rilevanti aktar tard u biex jispjega aħjar eżattament il-mod kif l-iżvelar jista’ jimmina l-interessi protetti mir-regoli dwar it-trasparenza meta jirrifjuta l-aċċess. Is-suġġerimenti tal-Ombudsman segwew inkjesta rigward il-mod kif il-Bank indirizza talba għall-aċċess għas-sommarju ta’ proġett li qed jiffinanzja dwar il-modernizzazzjoni ta’ network tad-distribuzzjoni tal-elettriku fil-Polonja. Bi tweġiba, il-BEI qal li se jiżgura li jindirizza t-talbiet għall-aċċess f’konformità mas-suġġerimenti tal-Ombudsman.

F’inkjesta relatata mat-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali, l-Ombudsman ikkritikat ir-rifjut tal-Kummissjoni li tipprovdi aċċess għal dokumenti li jikkonċernaw l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-industrija taċ-ċeramika rrappurtati taħt l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-UE (EU ETS). L-Ombudsman ma qablitx mar-raġunament tal-Kummissjoni li d-dokumenti mitluba ma kinux jinkludu aktar informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent minn dak li kien diġà disponibbli għall-pubbliku kif ukoll mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li ma kien hemm l-ebda interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar tad-dokumenti. Infurmat lill-Kummissjoni li qed tikkunsidra li twettaq inkjesta usa’ dwar il-mod kif tinterpreta l-ambitu tal-informazzjoni ambjentali u l-informazzjoni relatata mal-emissjonijiet fl-ambjent.

3.2. Drittijiet fundamentali

B’segwitu għall-għarqa ta’ mijiet ta’ persuni ’l barra mill-kosta tal-Greċja fl-14 ta’ Ġunju, l-Ombudsman fetħet inkjesta fuq inizjattiva proprja dwar ir-rwol tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) fir-rigward tal-missjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ. L-Ombudsman talbet li tispezzjona firxa wiesgħa ta’ dokumenti li jikkonċernaw ir-responsabbiltajiet tal-Frontex f’dan il-qasam, inkluż ir-rapport formali tal-inċident inkwistjoni (Rapport dwar Inċident Serju) kif ukoll rapporti ta’ inċidenti reċenti oħra li jinvolvu telf konsiderevoli ta’ ħajjiet fil-Baħar Mediterran. It-tim ta’ inkjesta tal-Ombudsman sussegwentement iltaqa’ mar-rappreżentanti tal-Frontex f’Varsavja biex jikkjarifika xi informazzjoni pprovduta. L-Ombudsman talbet ukoll lill-Frontex biex tipprovdi aktar dokumenti għall-ispezzjoni.

F’inizjattiva oħra relatata mar-rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE fil-ħarsien tad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet ta’ ġestjoni tal-fruntieri, l-Ombudsman talbet aktar informazzjoni dwar il-Memorandum ta’ Qbil (MtQ) iffirmat f’Lulju bejn l-UE u t-Tuneżija. B’mod speċifiku, l-Ombudsman staqsiet lill-Kummissjoni Ewropea kif qed tippjana li tiżgura r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem f’azzjonijiet relatati mal-migrazzjoni li jirriżultaw mill-ftehim, li jipprovdi EUR 105 miljun f’finanzjament tal-UE lit-Tuneżija għall-ġestjoni tal-fruntieri. L-Ombudsman staqsiet lill-Kummissjoni jekk wettqitx valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem qabel ma ffirmat il-MtQ kif ukoll jekk għandhiex l-intenzjoni li twettaq rieżamijiet perjodiċi matul l-implimentazzjoni tal-ftehim. Staqsiet ukoll lill-Kummissjoni jekk kinitx iddefiniet il-kriterji għas-sospensjoni tal-finanzjament jekk id-drittijiet tal-bniedem ma jiġux rispettati. F’inkjesta separata, l-Ombudsman talbet lill-Kummissjoni kif tiżgura li l-fondi tal-UE mogħtija lill-Greċja għall-ġestjoni tal-fruntieri ma jikkontribwux għall-ksur tad-drittijiet fundamentali.

B’segwitu għal inkjesta li tikkonċerna operazzjoni konġunta tal-Frontex fi Spanja, l-Ombudsman talbet lill-Aġenzija biex twettaq aktar biex tiżgura li d-drittijiet fundamentali tal-migranti irregolari jiġu rispettati matul l-intervisti ta’ ġbir ta’ informazzjoni – intervisti li jiġbru informazzjoni għall-analiżi tar-riskju u l-identifikazzjoni ta’ suspettati ta’ kriminalità transfruntiera. Issuġġeriet li l-Frontex tirreġistra l-kunsens tal-persuni intervistati kif ukoll tiżgura li dawn jirċievu informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u l-aċċess għal mekkaniżmu indipendenti tal-ilmenti. L-Ombudsman issuġġeriet ukoll li l-Frontex tinsisti li l-pjanijiet operazzjonali għal kwalunkwe operazzjoni konġunta ta’ ġestjoni tal-fruntieri fi Stat Membru jinkludu aċċess għall-għajnuna legali għall-migranti. Il-Frontex aċċettat il-biċċa l-kbira tas-suġġerimenti tal-Ombudsman.

L-Ombudsman laqgħet id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li taħdem mal-awtoritajiet lokali biex titfassal valutazzjoni tal-impatt tad-drittijiet fundamentali tal-faċilitajiet ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni ffinanzjati mill-UE fil-Greċja (Ċentri Polivalenti ta’ Akkoljenza u Identifikazzjoni), biex din il-valutazzjoni ssir pubblika, u tiġi rrieżaminata perjodikament. L-impenn tal-Kummissjoni għal dawn l-azzjonijiet isegwi suġġerimenti li saru mill-Ombudsman f’inkjesta dwar il-mod kif il-Kummissjoni tiżgura r-rispett għad-drittijiet fundamentali f’dawn il-faċilitajiet.

B’segwitu għal inkjesta dwar il-mod kif is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jivvaluta r-riskji tad-drittijiet tal-bniedem qabel ma jipprovdi appoġġ lil pajjiżi mhux tal-UE biex jiżviluppaw kapaċitajiet ta’ sorveljanza, l-Ombudsman għamlet għadd ta’ suġġerimenti għat-titjib tal-Linji Gwida tas-SEAE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Dawn jinkludu l-għoti ta’ aktar informazzjoni dwar il-proċess ta’ identifikazzjoni tar-riskju, li tispeċifika li valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem ta’ attività għandha ssir matul kull stadju ta’ dik l-attività, u li tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data fir-rigward tas-sessjonijiet ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni ma’ organizzazzjonijiet lokali tad-drittijiet tal-bniedem. F’inkjesta oħra relatata mal-assistenza lil pajjiżi mhux tal-UE għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ sorveljanza, l-Ombudsman issuġġeriet li l-Frontex taġġorna l-proċedura li tuża biex tivvaluta l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem u ttejjeb il-mod kif din il-proċedura tiġi applikata.

3.3. Kwistjonijiet etiċi

B’segwitu għal allegazzjonijiet fi tmiem l-2022 li pajjiżi mhux tal-UE ħallsu biex jinfluwenzaw il-Parlament Ewropew, l-Ombudsman kellha sensiela ta’ skambji mal-Parlament dwar il-pjanijiet tiegħu biex jirriforma r-regoli tal-etika tiegħu. F’Diċembru, l-Ombudsman laqgħet it-titjib li l-Parlament għamel fil-qafas tal-etika tiegħu, bħal definizzjoni aktar dettaljata tal-kunflitti ta’ interess u l-obbligu għall-MEPs li jippubblikaw laqgħat organizzati ma’ lobbisti rreġistrati u ma’ rappreżentanti diplomatiċi ta’ pajjiżi mhux tal-UE, iżda qalet li kien għad hemm tħassib dwar kif ir-regoli se jiġu implimentati u infurzati. Hija ħeġġet lill-Parlament biex jiżgura li jkollu r-riżorsi u l-arranġamenti meħtieġa fis-seħħ biex jimmonitorja u jinforza b’mod xieraq ir-regoli l-ġodda.

B’segwitu għall-aħbarijiet li l-Qatar u l-organizzazzjonijiet qrib tiegħu kienu ħallsu għal vjaġġi ta’ negozju minn Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, l-Ombudsman talbet lill-Kummissjoni għal informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-ivvjaġġar imħallsa minn partijiet terzi mill-2021. Wara li eżaminat l-istatistika pprovduta, hija ħabbret l-intenzjoni tagħha li tiftaħ inkjesta biex tivvaluta l-vjaġġi inkwistjoni u tidentifika jekk il-Kummissjoni ħaditx il-passi xierqa biex timmitiga kunflitti ta’ interess potenzjali f’dawn il-każijiet. Ħeġġet ukoll lill-Kummissjoni biex tippubblika mill-inqas sommarju tal-informazzjoni li diġà kienet ikkondiviet magħha dwar din il-kwistjoni.

Fl-2023, l-Ombudsman eżaminat ir-riskji ta’ kunflitti ta’ interess f’oqsma bħall-Fond Ewropew għad-Difiża (FEŻ). Fetħet inkjesta dwar il-mod kif il-Kummissjoni tiżgura n-nuqqas ta’ kunflitti ta’ interess fost l-esperti esterni li jevalwaw il-proposti tal-proġetti tal-FEŻ peress li, għall-kuntrarju tal-prattika ġenerali għall-evalwazzjoni tal-proposti maħsuba biex jirċievu finanzjament mill-UE, il-Kummissjoni mhijiex meħtieġa tippubblika l-ismijiet tal-esperti li tikkonsulta għal dawn il-proġetti.

L-Ombudsman talbet ukoll lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) biex itejjeb ir-regoli tiegħu dwar il-kunflitt ta’ interess b’segwitu li l-viċi president tiegħu laħaq CEO ta’ bank promozzjonali nazzjonali fl-Italja. Il-Viċi President kien ipparteċipa fl-approvazzjoni tal-ftehimiet ta’ finanzjament bejn il-BEI u l-bank promozzjonali nazzjonali fil-ġimgħat qabel il-ħatra tiegħu bħala CEO tiegħu. L-Ombudsman issuġġeriet li l-BEI jsaħħaħ ir-rwol ta’ sorveljanza tal-kumitat tal-etika u l-konformità tiegħu fir-rigward tal-impjiegi l-ġodda maħsuba tal-membri tal-kumitat tal-ġestjoni. Bi tweġiba, il-BEI qal li kien informa lill-kumitat tal-etika u tal-konformità tiegħu dwar il-proposti tal-Ombudsman. Qal ukoll li l-kumitat issa jinforma lill-membri tal-kumitat ta’ ġestjoni li jkunu temmew il-mandat tagħhom li l-kuntratti l-ġodda tagħhom m’għandhomx iżommuhom milli jirrappurtaw lura dwar kwalunkwe kunflitt ta’ interess li jinqala’ matul il-“perjodu ta’ preklużjoni” wara s-servizz tagħhom.

Bħala parti mill-analiżi tagħha f’każ li jikkonċerna kunflitti ta’ interess potenzjali fl-għoti mill-Kummissjoni ta’ kuntratt għal studju dwar il-politika tal-UE dwar fużjonijiet ta’ negozji lil konsulenza relatata mal-liġi tal-kompetizzjoni, l-Ombudsman ivvalutat b’mod pożittiv il-bidliet li l-Kummissjoni kienet għamlet reċentement fil-gwida interna tagħha dwar l-akkwist pubbliku. Iddikjarat li l-gwida l-ġdida tista’ ssaħħaħ il-mod kif l-istituzzjoni tindirizza kunflitti ta’ interess professjonali potenzjali fl-offerti, iżda li jeħtieġ li tiġi applikata b’mod diliġenti. Il-Kummissjoni temmet il-kuntratt inkwistjoni matul l-inkjesta tal-Ombudsman.

3.4. Obbligu ta’ rendikont fit-teħid tad-deċiżjonijiet

L-Ombudsman għamlet serje ta’ suġġerimenti lill-Kummissjoni Ewropea biex tgħinha tiżgura aktar trasparenza u obbligu ta’ rendikont fir-rigward tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) ta’ aktar minn EUR 700 biljun maħsuba biex tgħin lill-ekonomija tal-UE tirkupra mill-pandemija tal-COVID-19 u l-effetti soċjoekonomiċi tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Is-suġġerimenti tagħha jinkludu li titlob lill-Kummissjoni biex tkompli tippubblika l-valutazzjonijiet preliminari tat-talbiet ta’ pagament tal-Istati Membri, ittejjeb l-indirizzar tagħha tal-aċċess relatat mal-RRF għad-dokumenti mitluba, u tiżgura li l-Istati Membri li għadhom ma stabbilewx portali pubbliċi li fihom data dwar riċevituri ta’ finanzjament maġġuri jagħmlu dan. Issuġġeriet ukoll li l-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jippubblikaw il-benefiċjarji kollha tal-RRF fuq dawn il-portals pubbliċi.

Peress li l-UE qablet dwar sensiela ta’ liġijiet f’dawn l-aħħar ftit snin immirati lejn il-protezzjoni tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, it-trasparenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet f’dan il-qasam kienet il-fokus ta’ ħafna inkjesti reċenti tal-Ombudsman. Din is-sena, l-Ombudsman ippubblikat ħarsa ġenerali lejn ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika tagħha dwar it-trasparenza u l-parteċipazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE relatati mal-ambjent. Ir-rispondenti identifikaw il-kwistjonijiet li jagħmluha diffiċli għalihom li jsegwu jew jikkontribwixxu għal proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, inkluż il-pubblikazzjoni tard ta’ informazzjoni, nuqqas ta’ trasparenza dwar il-lobbjar, u diffikultajiet fl-aċċess għal informazzjoni dwar diskussjonijiet dwar abbozz ta’ leġiżlazzjoni. Fir-rigward tal-involviment tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politika, ir-rispondenti ssuġġerew li l-Kummissjoni għandha tikkondividi l-pożizzjonijiet preliminari dwar politiki u leġiżlazzjoni, u talbu biex ikun hemm aktar trasparenza dwar min jipparteċipa f’konsultazzjonijiet pubbliċi.

B’segwitu għar-riżultati, l-Ombudsman nediet inkjesta fuq inizjattiva proprja dwar il-mod kif il-Kummissjoni timmaniġġja r-riskji relatati ma’ sustanzi kimiċi perikolużi. L-inkjesta għandha l-għan li teżamina d-dewmien fl-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet biex jiġu mitigati r-riskji ta’ sustanzi kimiċi speċifiċi, id-dewmien fit-tqegħid ta’ sustanzi kimiċi fuq il-lista ta’ sustanzi fejn l-użu huwa soġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel, u d-dewmien fid-deċiżjoni dwar awtorizzazzjonijiet individwali u kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet. Bħala parti mill-inkjesta, l-Ombudsman qed tħares lejn għażla ta’ kampjuni ta’ fajls biex tiddetermina l-kawżi tad-dewmien kif ukoll it-trasparenza f’dak li jirrigwarda l-proċess.

Fir-rigward tat-teħid ta’ deċiżjonijiet relatati mas-saħħa pubblika, l-Ombudsman ħeġġet lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) biex tikkondividi l-pjanijiet preliminari mill-aktar fis possibbli għall-pubblikazzjoni ta’ data tal-provi kliniċi relatata mal-proċeduri ta’ evalwazzjoni tal-mediċini li ġew ikkompletati meta l-politika proattiva tagħha dwar it-trasparenza kienet sospiża bejn l-2018 u l-2023. L-Ombudsman identifikat ukoll bosta kwistjonijiet ta’ trasparenza fl-interazzjonijiet tal-Kummissjoni mal-industrija tat-tabakk. Fis-sejbiet tal-inkjesti, ikkritikat in-nuqqas tal-Kummissjoni milli tippubblika b’mod proattiv id-dettalji tal-laqgħat kollha tagħha mal-lobbisti tat-tabakk kif ukoll in-nuqqas tagħha li żżomm il-minuti ta’ dawn il-laqgħat kollha. Fl-istess ħin, l-Ombudsman laqgħet l-impenn tal-Kummissjoni li tivvaluta aktar l-esponiment tad-dipartimenti tagħha għal-lobbjar mill-industrija tat-tabakk. Se tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li għandha tikkomunika lill-persunal anzjan biex tiżgura li din il-valutazzjoni tkun bir-reqqa u talbet lill-Kummissjoni biex tirrapporta lilha dwar l-eżitu tagħha.

B’segwitu għat-tħassib dwar l-obbligu ta’ rendikont imqajjem minn organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-Ombudsman fetħet inkjesta dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tillimita l-pubblikazzjoni tad-dettalji ta’ kuntatt fid-direttorju online tal-persunal tal-UE “Whoiswho” għall-maniġers. Preċedentement, id-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjali tal-politika kienu disponibbli wkoll fuq Whoiswho.

3.5. Kwistjonijiet relatati mal-persunal

L-Ombudsman wettqet inkjesta dwar il-mod kif l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) wettaq testijiet ta’ “preselezzjoni” bħala parti minn proċedura għar-reklutaġġ ta’ persunal ġdid fis-servizz ċivili tal-UE. L-inkjesta segwiet bosta lmenti dwar it-testijiet, b’mod speċifiku fir-rigward tar-rekwiżit li dawn jitwettqu esklussivament mill-bogħod. Il-kandidati semmew il-kwistjonijiet tekniċi matul it-testijiet u l-problemi meta rċevew l-assistenza mill-EPSO u l-kuntrattur tiegħu. L-Ombudsman għamlet għadd ta’ suġġerimenti għal titjib lill-EPSO, bħal talba biex iwettaq valutazzjoni komprensiva tal-mod kif l-ittestjar mill-bogħod jista’ jkollu impatt fuq l-ugwaljanza tal-opportunitajiet, biex jiżgura li r-rekwiżiti tekniċi ma joħolqux żvantaġġ lil ċerti kandidati, u biex jiżgura li l-kandidati jkollhom aċċess għal struzzjonijiet dwar kif isibu soluzzjoni matul eżami u kif jagħmlu lment.

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA) tejbet proċedura tal-għażla għall-esperti esterni b’segwitu għal inkjesta mill-Ombudsman dwar kif kienet indirizzat applikazzjoni partikolari waħda. Matul l-inkjesta, l-EUAA biddlet l-aspetti proċedurali u organizzattivi tal-proċess tal-għażla li kienu jidhru problematiċi. L-Ombudsman laqgħet il-bidliet.

3.6. Għotjiet u kuntratti

NGO rrikorriet għand l-Ombudsman wara li l-Kummissjoni Ewropea fittxet li tirkupra l-ispejjeż b’segwitu għal verifika ta’ proġett iffinanzjat mill-UE dwar ir-riabilitazzjoni tal-vittmi tat-tortura. Il-Kummissjoni ħarġet avviż ta’ debitu lill-NGO peress li kienet il-koordinatur tal-proġett. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-ispejjeż ikkunsidrati ineliġibbli kienu attribwibbli lil wieħed mis-sħab tal-proġett. B’segwitu għall-intervent tal-Ombudsman, il-Kummissjoni kkanċellat l-ordni ta’ rkupru li tammonta għal kważi EUR 28 000 u qalet li se toħroġ ordni ta’ rkupru ġdida lis-sieħeb tal-proġett responsabbli. L-Ombudsman laqgħet id-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Wara li l-Parlament Ewropew irrifjuta li jagħti aċċess għall-bini tiegħu lit-tarbija ta’ ħaddiema b’kuntratt estern li xtaqet tredda’, missier it-tarbija rrikorra għand l-Ombudsman. L-ilmentatur innota li l-Parlament jagħti aċċess lit-tfal tal-membri tal-persunal tiegħu stess. L-Ombudsman sabet li r-regola kienet tidher sproporzjonata u tmur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali. Il-Parlament qabel li jippermetti lill-ħaddiema ġġib lit-tarbija tagħha fil-bini tiegħu u qal li se jibdel ir-regoli tiegħu.

4. Premju għal Amministrazzjoni Tajba

L-Ombudsman Ewropew ma’ rappreżentanti mill-proġett rebbieħ tal-Premju għal Amministrazzjoni Tajba: Cristina Ribeiro mill-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u Matevz Pezdirc mill-Eurojust
L-Ombudsman Ewropew ma’ rappreżentanti mill-proġett rebbieħ tal-Premju għal Amministrazzjoni Tajba: Cristina Ribeiro mill-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u Matevz Pezdirc mill-Eurojust

Il-Premju tal-Ombudsman għal Amministrazzjoni Tajba 2023 onora l-ħidma li saret mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u mill-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali biex jgħinu sabiex jiġu ddokumentati r-reati internazzjonali l-aktar serji u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Iż-żewġ istituzzjonijiet għaqqdu l-isforzi tagħhom flimkien biex joħolqu linji gwida li jgħinu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġbru u jippreservaw l-informazzjoni b’mod li tkun tista’ tintuża bħala evidenza fil-qorti.

Ir-rebbieħa ġenerali tal-premjijiet tħabbru f’ċerimonja fil-Librerija Solvay fi Brussell fit-28 ta’ Ġunju, li nfetħet mill-Ombudsman Ewropew Emily O’Reilly u l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola. Tħabbru wkoll ħames rebbieħa ta’ kategorija speċifiċi, rebbieħ tal-vot pubbliku, u rebbieħ tal-premju speċjali.

Meta tkellmet dwar il-ħidma tar-rebbieħa, l-Ombudsman qalet, “li l-awturi ta’ delitti tal-gwerra u ksur tad-drittijiet tal-bniedem jinżammu responsabbli jwassal għal ġustizzja għall-vittmi u jista’ jkollu effett ta’ deterrent f’kunflitti futuri. L-istorja wriet kemm tista’ tkun diffiċli l-prosekuzzjoni ta’ tali reati, u huwa għalhekk vitali li jinstabu modi effettivi għall-ġbir u l-preservazzjoni tal-evidenza.”

Kien hemm 57 proġett nominati għall-edizzjoni tal-2023 tal-premju biennali, li għandu l-għan li jirrikonoxxi l-ħidma li saret mill-uffiċjali pubbliċi tal-UE li kellha impatt pożittiv fuq il-ħajja tan-nies fl-Ewropa u lil hinn minnha.

Matul id-diskors tagħha, il-President Metsola rringrazzjat lill-Ombudsman u t-tim tagħha għall-ħidma tagħhom u enfasizzat l-impenn personali u istituzzjonali ta’ O’Reilly għal standards għoljin u l-importanza tagħhom fl-appoġġ tad-demokrazija.
Matul id-diskors tagħha, il-President Metsola rringrazzjat lill-Ombudsman u t-tim tagħha għall-ħidma tagħhom u enfasizzat l-impenn personali u istituzzjonali ta’ O’Reilly għal standards għoljin u l-importanza tagħhom fl-appoġġ tad-demokrazija.

Bord konsultattiv indipendenti vvaluta n-nomini u l-Ombudsman għażel ir-rebbieħa. Din kienet ir-raba’ iterazzjoni tal-premju, li ġiet introdotta għall-ewwel darba mill-Ombudsman fl-2017.

5. Ilmenti u inkjesti: kif ngħinu lill-pubbliku

L-Ombudsman Ewropew jgħin lin-nies, lin-negozji u lill-organizzazzjonijiet li jkunu qed jiffaċċjaw problemi mal-amministrazzjoni tal-UE billi jindirizza l-ilmenti li jressqu, kif ukoll ifittex li jippromwovi prattiki amministrattivi tajbin permezz ta’ identifikazzjoni b’mod proattiv ta’ problemi sistemiċi usa’ fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE.

L-Ombudsman qiegħda tfittex b’mod kostanti li ttejjeb il-proċeduri interni biex jiġi żgurat li l-Uffiċċju jindirizza l-inkjesti bl-aktar mod effiċjenti possibbli u li l-ilmentaturi jkollhom esperjenza ottimali. Fl-2023, l-Ombudsman issimplifikat u rrazzjonalizzat il-proċeduri għall-indirizzar ta’ lmenti u lmenti barra mill-mandat li jikkonċernaw l-amministrazzjoni tal-UE li naqset milli twieġeb għal emails jew ittri. Il-proċeduri l-ġodda jippermettu lill-Uffiċċju tal-Ombudsman biex dawn l-ilmenti jiġu indirizzati b’mod aktar effiċjenti, u dan itejjeb ukoll l-esperjenza tal-ilmentaturi.

It-titjib fis-sistema online tal-ilmenti tal-Ombudsman għamilha aktar faċli għall-utent. L-ilmentaturi issa jistgħu jissottomettu u jsegwu l-progress tal-ilmenti tagħhom b’mod aktar faċli.

It-tim varjat tal-Uffiċċju li jindirizza l-każijiet u s-sit web multilingwi jirriflettu l-impenn tal-Ombudsman li jgħin lil dawk li jfittxu l-assistenza bl-24 lingwa uffiċjali kollha tal-UE.

Filwaqt li l-Ombudsman mhux dejjem ikun f’pożizzjoni li jwettaq inkjesta fir-rigward tal-ilmenti kollha li jirċievi, l-Uffiċċju xorta waħda jipprova jgħin lil dawk kollha li jfittxu assistenza, pereżempju billi jipprovdi pariri dwar possibbiltajiet oħra għal rimedju.

5.1. Tip u sors tal-ilmenti

5.1.1. Ħarsa ġenerali lejn l-ilmenti u l-inkjesti strateġiċi

L-Ombudsman jista' jiftaħ inkjesti biss dwar ilmenti li jaqgħu fil-mandat tiegħu u li jkunu ssodisfaw il-“kriterji ta' ammissibbiltà” meħtieġa, bħal f’każ fejn l-ilmentatur ikun preċedentement ipprova jsolvi l-kwistjoni direttament mal-istituzzjoni involuta.

It-temi tal-ħidma tal-Uffiċċju jirriżultaw mill-mandat tal-Ombudsman u mill-ilmenti riċevuti, li jikkostitwixxu l-biċċa l-kbira tal-każijiet. Madankollu, minbarra l-ħidma ewlenija fuq l-ilmenti, l-Ombudsman iwettaq ukoll inkjesti u inizjattivi strateġiċi usa’ li jirrigwardaw kwistjonijiet sistemiċi fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE.

Pariri u ilmenti fl-2023
Pariri u ilmenti fl-2023
Investigazzjonijiet konklużi mill-Ombudsman Ewropew fl-2023
Investigazzjonijiet konklużi mill-Ombudsman Ewropew fl-2023
Suġġetti ta’ investigazzjonijiet strateġiċi fl-2023
Suġġetti ta’ investigazzjonijiet strateġiċi fl-2023
Suġġetti ta’ inizjattivi strateġiċi fl-2023 (talbiet għal kjarifika, investigazzjonijiet mhux formali)
Suġġetti ta’ inizjattivi strateġiċi fl-2023 (talbiet għal kjarifika, investigazzjonijiet mhux formali)
L-oriġini nazzjonali tal-ilmenti rreġistrati u l-investigazzjonijiet miftuħa mill-Ombudsman Ewropew fl-2023
L-oriġini nazzjonali tal-ilmenti rreġistrati u l-investigazzjonijiet miftuħa mill-Ombudsman Ewropew fl-2023

5.1.2. Ilmenti barra mill-mandat tal-Ombudsman (OMCs)

Fl-2023, l-Ombudsman Ewropew ipproċessat madwar 1 500 ilment li ma kinux jaqgħu taħt il-mandat tagħha, l-aktar għaliex ma kinux jirrigwardaw il-ħidma tal-amministrazzjoni tal-UE. Aktar minn 40 % ta’ dawn l-ilmenti ġew minn Spanja, il-Polonja u l-Ġermanja. Spanja waħedha kienet tammonta għal 20 %, biż-żewġ pajjiżi l-oħra jammontaw għal 10 % kull wieħed.

Fil-biċċa l-kbira, in-nies avviċinaw lill-Ombudsman bi kwistjonijiet li jikkonċernaw it-trattament ugwali jew id-diskriminazzjoni, il-każijiet tal-qorti, il-protezzjoni tal-konsumatur, il-banek, u t-trasparenza amministrattiva. L-ilmenti barra mill-mandat kienu primarjament relatati ma’ problemi li ltaqgħu magħhom fir-rigward ta’ awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali jew lokali, gvernijiet u korpi ta’ servizz pubbliku, u qrati nazzjonali jew internazzjonali (bħall-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem). Iċ-ċittadini indirizzaw ukoll għadd kbir ta’ lmenti f'entitajiet privati, inklużi banek, negozji u pjattaformi online, u istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa.

L-Ombudsman irċeviet ukoll ħafna lmenti barra mill-mandat relatati mal-kriżijiet umanitarji fl-Ukrajna u f’Gaza.

Filwaqt li l-għadd totali ta’ lmenti relatati mal-pandemija tal-COVID-19 naqas, il-miżuri stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali biex jimmonitorjaw u jrażżnu t-tixrid tal-virus baqgħu sors notevoli ta’ lmenti barra mill-mandat fl-2023.

Ilmenti oħra barra mill-mandat kienu jikkonċernaw l-istituzzjonijiet tal-UE, iżda kienu relatati ma’ ħidma politika jew leġiżlattiva.

L-Ombudsman wieġbet lil dawk kollha li kienu qed ifittxu l-għajnuna bil-lingwa tal-ilment jew tal-preferenza tagħhom. Dawn it-tweġibiet ikkjarifikaw il-mandat tal-Ombudsman u, sa fejn possibbli, taw parir lill-ilmentaturi biex jirrikorru għand korpi oħra li jistgħu jgħinuhom. Għalkemm dawn kienu prinċipalment magħmula minn istituzzjonijiet tal-Ombudsman nazzjonali u reġjonali, l-Ombudsman iggwidat ukoll lill-ilmentaturi lejn l-istituzzjonijiet tal-UE (l-aktar il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew), u networks, bħal SOLVIT u ċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur.

Fejn l-ilmentaturi ma kinux kuntenti bil-leġiżlazzjoni speċifika tal-UE, l-Ombudsman ġeneralment tathom parir li jirrikorru għand il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Irreferiet lil dawk li qajmu kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE lill-Ombudsmen nazzjonali jew reġjonali, jew lin-networks tal-UE bħal Europe Direct.

L-użu ta’ mudelli simplifikati għall-indirizzar tal-ilmenti barra mill-mandat, introdotti għall-ewwel darba fl-2022, ippermetta lill-persunal tal-Ombudsman iwieġeb għal dawn l-ilmenti ħafna aktar malajr fl-2023 milli fis-snin preċedenti.

Numru ta’ lmenti 2019-2023
Numru ta’ lmenti 2019-2023

5.2. Kontra min?

L-investigazzjonijiet li tmexxew mill-Ombudsman Ewropew fl-2023 kienu jikkonċernaw l-istituzzjonijiet li ġejjin
L-investigazzjonijiet li tmexxew mill-Ombudsman Ewropew fl-2023 kienu jikkonċernaw l-istituzzjonijiet li ġejjin

5.3. Dwar xiex?

Suġġett tal-investigazzjonijiet magħluqa mill-Ombudsman Ewropew fl-2023
Suġġett tal-investigazzjonijiet magħluqa mill-Ombudsman Ewropew fl-2023

5.4. Riżultati miksuba

Azzjoni meħuda mill-Ombudsman Ewropew dwar ilmenti ġodda indirizzati fl-2023
Azzjoni meħuda mill-Ombudsman Ewropew dwar ilmenti ġodda indirizzati fl-2023
Evoluzzjoni fin-numru ta’ investigazzjonijiet bbażati fuq ilment u fuq inizjattiva proprja mill-Ombudsman Ewropew
Evoluzzjoni fin-numru ta’ investigazzjonijiet bbażati fuq ilment u fuq inizjattiva proprja mill-Ombudsman Ewropew
Riżultati tal-investigazzjonijiet magħluqa mill-Ombudsman Ewropew fl-2023
Riżultati tal-investigazzjonijiet magħluqa mill-Ombudsman Ewropew fl-2023
Tul ta’ investigazzjonijiet magħluqa mill-Ombudsman Ewropew
Tul ta’ investigazzjonijiet magħluqa mill-Ombudsman Ewropew

5.5. Impatt u kisbiet

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Ombudsman Ewropew huwa li jinkiseb titjib tanġibbli għall-ilmentaturi u l-pubbliku fl-amministrazzjoni tal-UE. L-Ombudsman jwettaq dan billi jagħmel proposti fil-forma ta’ soluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u suġġerimenti. L-Ombudsman jista’ wkoll tippromwovi titjib permezz ta’ inizjattivi strateġiċi, li mhumiex inkjesti formali. Jista’ wkoll iħeġġeġ istituzzjoni biex issolvi kwistjoni anki qabel ma ssir proposta jew rakkomandazzjoni għal soluzzjoni formali.

5.5.1. Rata ta’ aċċettazzjoni

Ir-rata ta’ aċċettazzjoni hija l-perċentwal ta’ tweġibiet pożittivi għall-għadd totali ta’ proposti (soluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u suġġerimenti) magħmula mill-Ombudsman. Peress li l-Ombudsman jagħti lill-istituzzjonijiet sa sitt xhur biex isegwu s-suġġerimenti li saru fid-deċiżjonijiet tiegħu ta’ għeluq tal-inkjesti, ir-rata ta’ aċċettazzjoni għall-2023 tkopri l-każijiet li ngħalqu fl-2022.

Fl-2022, l-istituzzjonijiet tal-UE kkooperaw b’mod sodisfaċenti mal-Ombudsman f’81 % tal-każijiet. Mit-83 proposta li l-Ombudsman għamlet biex tikkoreġi jew ittejjeb il-prattiki amministrattivi tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-UE rreaġixxew b’mod pożittiv għal 67 minnhom.

Rata ta’ aċċettazzjoni Ir-rata ta’ aċċettazzjoni hija l-perċentwal ta’ tweġibiet pożittivi għall-għadd totali ta’ proposti (soluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u suġġerimenti) magħmula mill-Ombudsman.
Rata ta’ aċċettazzjoni

5.5.2. Impatt usa’

Ir-rata ta’ aċċettazzjoni tiġbor it-tweġibiet mill-istituzzjonijiet għall-proposti f’mument partikolari u ma taqbadx bis-sħiħ l-impatt fuq terminu twil tal-ħidma tal-Ombudsman.

Anke jekk l-istituzzjonijiet iwieġbu b’mod favorevoli għas-suġġerimenti jew ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman, spiss ikunu jeħtieġu ż-żmien biex jistabbilixxu bidliet fil-prattiki amministrattivi tagħhom. Pereżempju, l-Ombudsman sabet amministrazzjoni ħażina fl-2022 f’inkjesti li jikkonċernaw kif l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) indirizzat talba għal aċċess pubbliku relatata ma’ proposta biex iċ-ċomb jiġi ristrett fil-munizzjon. It-tweġiba tal-EFSA għar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman kienet pożittiva u l-aġenzija qalet li se tbiddel ir-regoli u l-prattiki tagħha. B’riżultat ta’ dan, l-EFSA għamlet titjib fl-2023 fil-mod kif timmaniġġja l-aċċess għad-dokumenti. Pereżempju, hija ppubblikat dokument ta’ gwida biex tgħin lil dawk li jixtiequ jissottomettu talbiet għal aċċess, emendat regoli interni biex tgħin tnaqqas iż-żmien li tieħu biex tipproċessa t-talbiet, u bdiet pilotaġġ ta’ għodda tal-IT ġdida biex tindirizza t-talbiet b’mod aktar effiċjenti u tissodisfa l-iskadenzi.

F’inkjesta oħra mill-2022, l-Ombudsman sabet li l-mod li bih is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) kien informa espert estern li kien qed itemm il-kuntratt tiegħu kien jikkostitwixxi amministrazzjoni ħażina. Is-sena ta’ wara, is-SEAE informa lill-Ombudsman li se jorganizza sessjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni biex itejjeb ir-relazzjonijiet ta’ ħidma tiegħu ma’ esperti esterni impjegati permezz ta’ kuntrattur.

6. Komunikazzjoni u kooperazzjoni

6.1. Komunikazzjoni

Il-komunikazzjoni għandha rwol importanti fil-promozzjoni tar-rwol u l-ħidma tal-Ombudsman għall-akbar udjenza possibbli, fil-kondiviżjoni ta’ aġġornamenti importanti mal-partijiet ikkonċernati u mal-amministrazzjoni tal-UE, u fis-sensibilizzazzjoni dwar suġġetti bħat-trasparenza, l-etika, u l-obbligu ta’ rendikont.

Matul l-2023, id-dokumenti ewlenin tal-inkjesti saru aċċessibbli aktar faċilment permezz ta’ taqsima dinamika addizzjonali fuq il-paġna ewlenija tas-sit web li turi l-aġġornamenti reċenti. Sar ukoll ħafna titjib fin-navigazzjoni tas-sit web biex it-tiftix ta’ kontenut isir aktar sempliċi.

Biex jissaħħaħ l-għarfien tal-pubbliku dwar l-impatt fuq terminu twil tal-ħidma tal-Ombudsman, l-uffiċċju ppubblika storja fuq il-web li tista’ tiġi skrolljata, li tispjega l-ħidma mwettqa mill-Ombudsman f’bosta oqsma, u l-impatt tagħha fuq l-amministrazzjoni tal-UE. Din l-istorja fuq il-web kienet appoġġata minn kampanja tal-media soċjali.

Immaġni tal-qoxra tal-istorja fuq il-web li tista’ tiġi skrolljata
Immaġni tal-qoxra tal-istorja fuq il-web li tista’ tiġi skrolljata

Barra minn hekk, serje ta’ vidjos li jippreżentaw il-ħidma tal-Uffiċċju u li jispjegaw l-oqsma ewlenin tal-inkjesti ġew ippubblikati fuq is-sit web, inkluża l-paġna ewlenija, u ġew promossi fuq il-media soċjali.

L-Ombudsman ippreżentat il-ħidma tal-Uffiċċju matul il-konferenza stampa annwali li saret f’April. Fil-konferenza stampa, l-Ombudsman ippreżentat ukoll ħarsa ġenerali lejn it-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika tagħha dwar it-trasparenza u l-parteċipazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali tal-UE.

Konferenza stampa annwali fi Brussell
Konferenza stampa annwali fi Brussell

Biex tinxtered il-kelma dwar ir-rebbieħa tal-Premju għal Amministrazzjoni Tajba u biex tiġi mħeġġa l-kondiviżjoni ta’ ideat u prattiki tajbin, kampanja tal-media soċjali dwar iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet ġiet segwita minn storja fuq il-web li tista’ tiġi skrolljata b’rappreżentazzjoni tal-proġetti rebbieħa u l-punti ewlenin mill-avveniment.

L-Ombudsman ħadet sehem fl-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ (EYE2023) fi Strasburgu f’Ġunju. Fi skambju ma’ dawk li attendew, wieġbet mistoqsijiet dwar il-ħidma tal-Uffiċċju kif ukoll ir-rwol importanti li għandha amministrazzjoni tajba fid-difiża tad-demokrazija tal-UE.

L-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ tal-2023 fi Strasburgu: l-Ombudsman u l-membri tal-persunal tagħha matul is-sessjoni ta’ Mistoqsijiet u Tweġibiet
L-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ tal-2023 fi Strasburgu: l-Ombudsman u l-membri tal-persunal tagħha matul is-sessjoni ta’ Mistoqsijiet u Tweġibiet

B’segwitu għal allegazzjonijiet fi tmiem l-2022 li gvernijiet mhux tal-UE kienu fittxew li jixtru influwenza fil-Parlament Ewropew, l-Ombudsman stiednet kelliema ta’ livell għoli mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza ewlenin kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament biex jiddiskutu l-lakuni fl-arkitettura tal-qafas ta’ integrità u l-konformità miegħu. Id-dibattitu tal-panel, li sar f’Ġunju, iffoka wkoll fuq il-proposta biex jinħoloq korp tal-etika ġdid u r-rwol potenzjali tiegħu fit-titjib ulterjuri tal-integrità tal-amministrazzjoni tal-UE.

F’termini ta’ kopertura tal-istampa tal-ħidma tal-Ombudsman fl-2023, kien hemm żieda ta’ 35 % fl-għadd totali ta’ artikli tal-istampa meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, b’ 56 % tal-kopertura kollha ġejja mill-pajjiżi tal-UE.

Fl-2023, l-għadd ta’ segwaċi tal-media soċjali tal-Ombudsman kompla jiżdied, bi tkabbir partikolarment għoli li deher fuq LinkedIn u Instagram. Iż-żieda fl-attività tal-profil, kif ukoll għadd dejjem jikber ta’ utenti li qed ifittxu kontenut relatat mal-UE fuq dawn iż-żewġ pjattaformi, huma fatturi importanti li influwenzaw il-prestazzjoni pożittiva. Il-kont ta’ Instagram tal-Ombudsman ra tkabbir ta’ 91 % fis-segwaċi totali (6 578 segwaċi ġodda meta mqabbla mat-3 472 segwaċi miksuba fl-2022). Fuq LinkedIn, l-għadd ta’ segwaċi żdied b’65 % (+ 5 825 meta mqabbel mal-2 990 segwaċi ġdid fl-2022). Fuq X, fejn l-Ombudsman għandha l-akbar udjenza fost il-mezzi tal-media soċjali, l-għadd ta’ segwaċi laħaq is-36 188 f’Diċembru 2023, li jirrappreżenta żieda ta’ 5 % (+ 1 757). Kien hemm ukoll titjib b'saħħtu fir-rata ta’ involviment, kif ukoll żieda sinifikanti fl-aċċenn.

L-Ombudsman u l-membri tal-persunal komplew ukoll bl-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tagħhom billi taw intervisti lill-istampa, attendew għal konferenzi akkademiċi u tkellmu mal-gruppi ta’ viżitaturi.

6.2. Relazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet tal-UE

6.2.1. Il-Parlament Ewropew

Emily O’Reilly mal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola
Emily O’Reilly mal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola

Il-Parlament Ewropew jeleġġi l-Ombudsman Ewropew fil-bidu ta’ kull leġiżlatura, u dan jagħmel ir-relazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet partikolarment importanti.

Fl-2023, l-Ombudsman iltaqgħet mal-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, għat-trasferiment tar-rapport annwali tal-Uffiċċju. Iddiskutiet ukoll ir-riformi ta’ integrità u trasparenza li l-President nediet b’segwitu għal allegazzjonijiet fi tmiem l-2022 li pajjiżi mhux tal-UE kienu ħallsu biex jinfluwenzaw il-Parlament. Dawn il-laqgħat, kif ukoll il-laqgħat regolari li l-Ombudsman u t-tim tagħha kellhom mal-MEPs mill-ispettru politiku kollu, kienu kruċjali biex jiġu żgurati l-fiduċja u l-kooperazzjoni kontinwi. L-Ombudsman u l-membri tal-persunal ippreżentaw ukoll il-ħidma tal-Uffiċċju f’bosta seduti ta’ smigħ tal-kumitati u skambji ta’ fehmiet, bħal fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE), il-Kumitat dwar l-Indħil Barrani u d-Diżinformazzjoni (ING2), il-Kumitat għall-Affarijiet Legali (JURI), u s-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem (DROI).

F’Settembru, l-Ombudsman bagħtet rapport speċjali lill-Parlament dwar id-dewmien sistemiku tal-Kummissjoni Ewropea fl-indirizzar ta’ talbiet għal aċċess għal dokumenti. Il-Parlament sussegwentement beda proċedura fil-Kumitat LIBE biex jappoġġja r-rapport tal-Ombudsman. Votazzjoni fil-plenarja dwar ir-riżoluzzjoni hija mistennija fil-bidu tal-2024.

6.2.2. Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet

Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet (PETI) huwa l-kumitat parlamentari inkarigat mir-relazzjonijiet mal-Ombudsman Ewropew minħabba li t-tnejn jaħdmu biex jiżguraw li t-tħassib taċ-ċittadini jitqies fil-livell tal-UE. Fl-2023, dawn komplew jikkollaboraw f’oqsma bħad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità kif ukoll fil-qafas tan-Network Ewropew tal-Ombudsmen (ENO), li tiegħu l-PETI huwa membru.

L-Ombudsman u l-President ta’ PETI Dolors Montserrat iltaqgħu regolarment fl-2023 u s-Sra. Montserrat kienet ukoll parteċipant fil-panel fil-konferenza annwali tan-Network Ewropew tal-Ombudsmen (ENO) matul sessjoni li ffukat fuq l-elezzjonijiet tal-UE u l-elezzjoni tal-Ombudsman Ewropew.

6.2.3. Il-Kummissjoni Ewropea

L-Ombudsman Ewropew u d-diretturi tal-Istitut tal-Ombudsman Internazzjonali Reinier van Zutphen (l-Ombudsman Olandiż), Andreas Pottakis (l-Ombudsman Grieg), u Peter Svetina (l-Ombudsman Sloven) jiltaqgħu mal-Viċi President tal-Kummissjoni Margaritis Schinas f’Novembru fi Brussell
L-Ombudsman Ewropew u d-diretturi tal-Istitut tal-Ombudsman Internazzjonali Reinier van Zutphen (l-Ombudsman Olandiż), Andreas Pottakis (l-Ombudsman Grieg), u Peter Svetina (l-Ombudsman Sloven) jiltaqgħu mal-Viċi President tal-Kummissjoni Margaritis Schinas f’Novembru fi Brussell

Bħala l-akbar istituzzjoni tal-UE, b'impatt sinifikanti fuq il-ħajja ta' miljuni ta' persuni, mhijiex sorpriża li perċentwal kbir tal-ilmenti lill-Ombudsman jikkonċernaw il-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea. Ir-relazzjoni ta’ ħidma mal-Kummissjoni baqgħet kostruttiva ħafna fl-2023 bl-Ombudsman torganizza laqgħat ma’ bosta Kummissarji. Fil-livell tal-persunal, inżammu kuntatti mill-qrib bejn l-Uffiċċju tal-Ombudsman u l-Kummissjoni biex jiġi żgurat li t-tħassib tal-ilmentaturi jkun jista’ jiġi indirizzat bl-aktar mod effettiv possibbli.

6.2.4. Istituzzjonijiet, aġenziji u organizzazzjonijiet oħrajn

Ir-relazzjonijiet ma’ partijiet differenti tal-amministrazzjoni tal-UE huma parti integrali mill-istrateġija tal-Ombudsman “Lejn l-2024”. Huwa biss permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib li jista’ jinkiseb impatt fit-tul u pożittiv fuq l-amministrazzjoni tal-UE. Fi Frar, l-Ombudsman kellha laqgħa mal-President tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), il-Kap Prosekutur Ewropew, u d-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) bi tħejjija għall-konferenza “Nibnu qafas ta’ integrità tal-UE aktar b’saħħtu” li kienet qed torganizza. Matul is-sena, l-Ombudsman iltaqgħet wkoll mal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u mad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex).

6.2.5. Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità

L-Unjoni Ewropea hija firmatarja għal Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UN CRPD), strument internazzjonali vinkolanti dwar id-drittijiet tal-bniedem, li “tippromwovi, tipproteġi u tiżgura t-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha mill-persuni kollha b’diżabilità, u li tippromwovi r-rispett għad-dinjità inerenti tagħhom”.

Il-konformità mal-UN CRPD fl-UE tiġi mmonitorjata mill-Qafas tal-UE għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, li kien ippresedut mill-Ombudsman Ewropew fl-2023. Bħala membru ta’ dan il-qafas, l-Ombudsman jagħti attenzjoni mill-qrib lill-implimentazzjoni tal-amministrazzjoni tal-UE tal-UN CRPD.

L-Ombudsman indirizzat għadd ta’ inkjesti fl-2023 relatati mad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. Fi Frar, l-Ombudsman għalqet l-inkjesta tagħha dwar il-mod kif il-Kummissjoni Ewropea tapplika r-regola skont ir-Regolamenti tal-Persunal tal-UE li jikkonċernaw l-għoti ta’ benefiċċju doppju għat-tfal biex jassistu fil-kura tat-tfal b’diżabilità. L-inkjesta sabet li l-użu ta’ limiti dwar il-grad ta’ diżabilità, li awtomatikament jeskludi ċerti każijiet mill-kunsiderazzjoni, imur kontra l-obbligi tal-amministrazzjoni tal-UE skont l-UN CRPD. L-Ombudsman talbet lill-Kummissjoni tirrevedi l-approċċ tagħha. Minn dak iż-żmien, il-Kummissjoni bdiet proċess għall-amministrazzjoni kollha tal-UE biex tirrevedi r-regoli applikabbli biex tiżgura valutazzjoni sostantiva individwali tal-applikazzjonijiet kollha għal dan it-tip ta’ allowance.

L-Uffiċċju tal-Ombudsman ippreżenta il-ħidma tiegħu relatata mad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità f’bosta avvenimenti matul is-sena, inkluż fil-ħames Parlament Ewropew għall-Persuni b’Diżabilità.

6.3. In-Network Ewropew tal-Ombudsmen

Wieħed mill-panels matul il-konferenza tan-Network Ewropew tal-Ombudsmen
Wieħed mill-panels matul il-konferenza tan-Network Ewropew tal-Ombudsmen

In-Network Ewropew tal-Ombudsmen (ENO) huwa network informali kkoordinat mill-Ombudsman Ewropew, li jikkonsisti f’aktar minn 95 uffiċċju madwar l-Ewropa, kif ukoll il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

It-tema tal-Konferenza Annwali tal-ENO tal-2023, li saret fil-Parlament Ewropew fi Brussell, kienet il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. L-ewwel sessjoni tagħha ffukat fuq il-migrazzjoni bil-parteċipanti li jirriflettu fuq kif u għalfejn il-migranti jiġu fl-Ewropa u r-rwol kruċjali li għandhom l-ombudsmen biex jesponu l-ħsara, jipproteġu d-drittijiet tan-nies, u jżommu lill-amministrazzjonijiet responsabbli. It-tieni sessjoni ħarset lejn l-użu tal-IA fl-amministrazzjonijiet pubbliċi bid-diskussjonijiet iffukati fuq il-benefiċċji u l-iżvantaġġi potenzjali tat-teknoloġija.

Permezz tal-proċedura ta’ mistoqsijiet, il-membri tal-ENO jistgħu jistaqsu mistoqsijiet dwar id-dritt tal-Unjoni li jirriżultaw matul l-inkjesti tagħhom, billi l-Ombudsman Ewropew jikseb tweġibiet esperti għalihom mill-istituzzjonijiet tal-UE. Is-suġġetti ta’ mistoqsijiet fl-2023 kienu jinkludu l-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa, ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-persuni bejn l-Istati Membri tal-UE, u r-regoli tal-assigurazzjoni tal-UE.

Peress li l-pajjiżi kandidati tal-UE jistgħu jsiru membri tan-Network, fl-2023 anki l-Istituzzjoni tal-Ombudsman għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Bożnija-Ħerzegovina ngħaqdet mal-ENO.

Filwaqt li kompliet biż-żjarat regolari tagħha fl-uffiċċji tal-ombudsmen nazzjonali, l-Ombudsman Ewropew ivvjaġġat lejn Varsavja f’Settembru fejn iltaqgħet mad-Deputat Kummissarju Pollakk għad-Drittijiet tal-Bniedem. Matul iż-żjara tagħha fil-belt kapitali Pollakka, żaret il-kwartieri ġenerali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex). L-Ombudsman għamlet ukoll diskors ewlieni fl-Università ta’ Varsavja dwar “l-Ombudsman Ewropew f’era ġeopolitika: il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-obbligu ta’ rendikont.”

L-ilmentaturi taw parir biex jiġu kkuntattjati istituzzjonijiet u korpi oħrajn mill-Ombudsman Ewropew fl-2023 u l-ilmenti ttrasferiti
L-ilmentaturi taw parir biex jiġu kkuntattjati istituzzjonijiet u korpi oħrajn mill-Ombudsman Ewropew fl-2023 u l-ilmenti ttrasferiti

7. Riżorsi

7.1. Baġit

Il-baġit tal-Ombudsman huwa taqsima indipendenti tal-baġit tal-UE. Huwa maqsum fi tliet titoli. It-Titolu 1 ikopri s-salarji, il-gratifiki u nfiq ieħor relatat mal-persunal. It-Titolu 2 ikopri l-bini, l-għamara, it-tagħmir u nefqa operazzjonali mixxellanja. It-Titolu 3 ikopri n-nefqa li tirriżulta mill-funzjonijiet ġenerali li jitwettqu mill-istituzzjoni. Fl-2023, l-approprjazzjonijiet ibbaġitjati ammontaw għal EUR 13 212 447.

Sabiex jiżgura l-ġestjoni effettiva tar-riżorsi, l-awditur intern tal-Ombudsman jivverifika b’mod regolari s-sistemi ta’ kontroll intern u l-operazzjonijiet finanzjarji li jwettaq l-Uffiċċju. Bħal fil-każ ta’ istituzzjonijiet oħra, l-Ombudsman huwa soġġett ukoll għar-rieżami tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li ma identifika l-ebda kwistjoni speċifika fil-kuntest tal-ħidma ta’ awditjar estern tagħha.

7.2. Użu tar-riżorsi

Kull sena, l-Ombudsman jadotta Pjan ta’ Ġestjoni Annwali, li jidentifika azzjonijiet speċifiċi li l-uffiċċju jistenna li jieħu biex jissodisfa l-objettivi u l-prijoritajiet tal-istrateġija ta’ ħames snin tal-Ombudsman “Lejn l-2024”. Il-Pjan ta’ Ġestjoni Annwali tal-2023 huwa t-tieni wieħed ibbażat fuq din l-istrateġija.

L-Ombudsman għandu persunal multilingwi u bi kwalifiki għoljin. Dan jiżgura li l-Uffiċċju jkun jista’ jindirizza lmenti fl-24 lingwa uffiċjali tal-UE u jqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-ħidma tal-Ombudsman fl-UE kollha. Il-politika ta’ ħidma ibrida tal-Uffiċċju, li hija orjentata lejn ir-riżultati u bbażata fuq il-fiduċja, tappoġġa l-ambizzjoni tal-Ombudsman li tippromwovi ambjent tax-xogħol modern, diġitali u flessibbli.

Fl-2023, kien hemm 75 kariga fit-tabella tal-persunal tal-Ombudsman, li barra minn hekk, kien hemm medja ta’ disa’ aġenti kuntrattwali li jaħdmu mal-Uffiċċju. Tmintax-il apprendist kisbu wkoll esperjenza ta’ xogħol fl-Uffiċċju tal-Ombudsman matul is-sena.

L-Ombudsman wettqet stħarriġ tal-persunal fl-2023, li wera livelli ġenerali għoljin ta’ sodisfazzjon u involviment tal-impjegati.

Informazzjoni dettaljata dwar l-istruttura tal-Uffiċċju tal-Ombudsman u l-kompiti tad-diversi taqsimiet hija disponibbli fuq is-sit web tal-Ombudsman.

8. Kif tikkuntattja lill-Ombudsman Ewropew

Bit-telefon

+33 (0)3 88 17 23 13

B’email

eo@ombudsman.europa.eu

Indirizz postali

Médiateur européen
1 avenue du Président Robert Schuman
CS 30403
F-67001 Strasbourg Cedex

Online
L-Uffiċċji Tagħna
L-Uffiċċji Tagħna
Strasburgu
Indirizz għall-viżitaturi

Bâtiment Václav Havel (HAV)
Allée Spach
F-67000 Strasbourg

Brussell
Indirizz għall-viżitaturi

Bâtiment Froissart (FRS)
Rue Froissart 87
B-1000 Bruxelles


© L-Unjoni Ewropea, 2024

Ir-ritratti u l-immaġnijiet kollha © Unjoni Ewropea.
Ir-riproduzzjoni għal finijiet edukattivi u mhux kummerċjali hija awtorizzata, dment li s-sors jiġi rikonoxxut.
Issettjat fi FrutigerNext.

HTML ISBN 978-92-9483-380-8 ISSN 1830-6926 doi: 10.2869/522339 QK-AA-24-001-MT-Q