# Ombudsman: Il-falliment tal-offerti pubbliċi tal-BEI jdgħajjef l-isforzi tal-UE biex issaħħaħ l-istat tad-dritt - Awtur: Ombudsman Ewropew - Data: 2014-10-27T00:00+01:00[Europe/Paris] - [URL](https://www.ombudsman.europa.eu/mt/press-release/mt/58173) - [PDF](https://www.ombudsman.europa.eu/pdf/mt/58173) --- L-Ombudsman Ewropew, **Emily O'Reilly,** ikkritikat lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) talli approva l-esklużjoni ta' kumpanija Taljana minn sejħa pubblika għall-offerti għall-kostruzzjoni ta' pont fil-Bożnija-Ħerzegovina. Il-BEI, li qed jiffinanzja l-proġett, ibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq żball legali u injora s-sejbiet tal-mekkaniżmu tal-ilmenti tiegħu stess li l-esklużjoni tal-kumpanija kienet illegali. Emily O'Reilly qalet: "Il-kisba ta' proċeduri ta' akkwist tajbin hija kruċjali biex jiġi żgurat l-istat tad-dritt u tiġi miġġielda l-korruzzjoni fis-settur pubbliku. Il-BEI, bħala fornitur ewlieni tal-finanzjament tal-UE, jeħtieġ li jżomm reputazzjoni għall-eċċellenza. Kif il-Kummissjoni għamlitha ċara f'rapport reċenti, il-korruzzjoni u l-istat tad-dritt dgħajjef huma problemi kbar fil-Bożnija-Ħerzegovina. F'dan il-kuntest, l-approċċ tal-BEI f'dan il-każ huwa totalment inaċċettabbli." **Kumpannija Taljana illegalment eskluża mill-offerta** Fl-2012, il-kumpanija Taljana pparteċipat fis-sejħa għall-offerti għall-kostruzzjoni tal-pont fuq ix-xmara Sava li qed tiġi ffinanzjata mill-BEI. Hija parti minn proġett akbar ta' awtostrada, li jgħaqqad il-Kroazja mal-Bożnija-Ħerzegovina. Minkejja li ssottomettiet l-aktar offerta baxxa, il-kumpanija ġiet eskluża mill-promotur lokali tal-proġett fuq il-bażi li l-offerta tagħha ma kinitx taqbel mal-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta. Il-kumpanija kkontestat din id-deċiżjoni. Il-mekkaniżmu tal-ilmenti tal-BEI qabel mal-argumenti ppreżentati mill-kumpanija u rrakkomanda li l-BEI jirtira l-appoġġ tiegħu għall-proġett. Il-maniġment tal-BEI, madankollu, irrifjuta s-sejbiet tal-mekkaniżmu tal-ilmenti tiegħu stess u żamm id-deċiżjoni li jiffinanzja l-proġett minkejja l-esklużjoni żbaljata tal-kumpanija Taljana mis-sejħa għall-offerti. Matul l-investigazzjoni tagħha, l-Ombudsman sabet li d-deċiżjoni ta' ġestjoni tal-BEI kienet ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dokumenti tas-sejħa għall-offerti. Hija kkritikat lill-Bank għal din l-amministrazzjoni ħażina u esprimiet it-tħassib tagħha li dan il-każ jirriskja li jqajjem dubji dwar l-impenn tal-UE li ssaħħaħ l-istat tad-dritt fil-Bożnija-Ħerzegovina. Hija se teżamina l-possibbiltà li tiftaħ inkjesta fuq inizjattiva proprja dwar il-kwistjonijiet sistemiċi li fuqhom huwa bbażat it-trattament tal-każ mill-BEI. Id-deċiżjoni sħiħa hija disponibbli fuq: [http://www.ombudsman.europa.eu/en/cases/decision.faces/en/58171/html.bookmark](/mt/cases/decision.faces/mt/58171/html.bookmark)