# L-Ombudsman huwa mħasseb dwar il-bidla fil-politika fl-Aġenzija tal-Mediċini fir-rigward tat-trasparenza tad-data tal-provi kliniċi
- Awtur: Ombudsman Ewropew
- Data: 2014-05-16T00:00+02:00[Europe/Paris]
- [URL](https://www.ombudsman.europa.eu/mt/press-release/mt/54348)
- [PDF](https://www.ombudsman.europa.eu/pdf/mt/54348)
---
F'ittra lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), l-Ombudsman Ewropew, **Emily O'Reilly,** esprimiet tħassib dwar dik li tidher li hija bidla sinifikanti fil-politika dwar it-trasparenza tad-data tal-provi kliniċi. Skont id-dokumenti li ra l-Ombudsman, l-EMA qed tippjana li tillimita l-aċċess għad-data tal-provi kliniċi billi timponi rekwiżiti stretti ta' kunfidenzjalità u billi tippermetti li d-data tidher biss fuq l-iskrin bl-użu ta' interfaċċa pprovduta mill-EMA, kif ukoll billi timponi restrizzjonijiet wiesgħa fuq l-użu ta' tali data."

Emily O'Reilly ikkummentat: "Konna kuntenti meta l-EMA ħabbret, fl-2012, politika ta' trasparenza proattiva ġdida, li tagħti lill-pubbliku l-aktar aċċess wiesa' possibbli għad-data tal-provi kliniċi. Issa ninsab imħasseb dwar dik li tidher li hija bidla sinifikanti fil-politika tal-EMA, li tista' ddgħajjef id-dritt fundamentali ta' aċċess pubbliku għad-dokumenti stabbilit mid-dritt tal-UE. Iċ-ċittadini, it-tobba u r-riċerkaturi Ewropej jeħtieġu informazzjoni massima dwar il-mediċini li jieħdu, jippreskrivu u janalizzaw. "

**Bidla minn trasparenza proattiva għal politika restrittiva ħafna?**

F'dawn l-aħħar ħames snin, l-Ombudsman wettqet aktar minn tnax-il inkjesta dwar l-EMA. Ħafna kienu jikkonċernaw rifjuti li jsiru pubbliċi dokumenti rigward l-awtorizzazzjoni u r-regolamentazzjoni tal-mediċini mill-Aġenzija, inklużi mediċini għall-kura tal-isklerożi multipla, l-akne, l-infezzjonijiet batteriċi, u l-obeżità. Bi tweġiba għall-intervent tal-Ombudsman f'dawn il-każijiet, l-EMA dehret lesta li tadotta approċċ proattiv lejn it-trasparenza.

Barra minn hekk, fit-2 ta' April 2014, il-Parlament Ewropew ivvota favur proposta leġiżlattiva biex id-data tal-provi kliniċi ssir pubblika. B'konsegwenza ta' dan, ir-riżultati tal-provi kliniċi futuri kollha fl-Ewropa eventwalment għandhom isiru aċċessibbli għall-pubbliku online.

F'dan l-isfond, l-Ombudsman talbet lid-Direttur tal-EMA, Guido Rasi, biex tinfurmaha sal-31 ta' Mejju 2014 dwar kif l-EMA biħsiebha tittratta t-talbiet għal aċċess pubbliku għad-data eżistenti tal-provi kliniċi. Hija talbitu wkoll jelenka r-raġunijiet u l-bażi legali għal dik li tidher li hija bidla sinifikanti fil-politika.

L-ittra lid-Direttur tal-EMA hija disponibbli fuq: [http://www.ombudsman.europa.eu/en/resources/otherdocument.faces/en/54347/html.bookmark](/mt/resources/otherdocument.faces/mt/54347/html.bookmark)