# Ombudsman: Strateġija ġdida għal involviment akbar taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili
- Awtur: Ombudsman Ewropew
- Data: 2010-09-28T00:00+02:00[Europe/Paris]
- [URL](https://www.ombudsman.europa.eu/mt/press-release/mt/5332)
- [PDF](https://www.ombudsman.europa.eu/pdf/mt/5332)
---
L-Ombudsman Ewropew, **P. Nikiforos Diamandouros,** adotta strateġija mfassla biex tgħolli l-kwalità tal-amministrazzjoni tal-UE u biex tiżgura li ċ-ċittadini tal-UE jgawdu d-drittijiet tagħhom bis-sħiħ. L-istrateġija se tifforma l-bażi għall-ħidma tal-Ombudsman matul il-mandat il-ġdid tiegħu (2009-2014). Huwa jiddeskrivi l-intenzjoni tal-Ombudsman li jissodisfa l-aspettattivi tal-ilmentaturi u ta' partijiet interessati oħra, li jżid l-effettività tal-istituzzjoni tiegħu bħala mezz alternattiv għas-soluzzjoni tat-tilwim mal-amministrazzjoni tal-UE, u li jiġi rikonoxxut bħala l-forza mexxejja fit-tqegħid taċ-ċittadini fiċ-ċentru tal-kultura amministrattiva tal-Unjoni.

Is-Sur Diamandouros spjega: "L-Unjoni Ewropea trid twettaq il-wegħdiet li għamlet liċ-ċittadini fit-Trattat ta' Lisbona dwar id-drittijiet fundamentali, trasparenza msaħħa, u opportunitajiet akbar għall-parteċipazzjoni fit-tfassil tal-politika tal-Unjoni. Nittama li l-istrateġija li adottajt isservi bħala gwida utli fir-rigward tal-impenji tal-Ombudsman lejn iċ-ċittadini, il-partijiet interessati u l-istituzzjonijiet bl-istess mod."

**L-għanijiet u l-prijoritajiet tal-Ombudsman**

L-objettivi ewlenin li l-Ombudsman stabbilixxa għall-mandat jinkludu:

* Nisimgħu lill-partijiet ikkonċernati tal-istituzzjoni, billi (a) niksbu feedback regolari mill-ilmentaturi, (b) niżviluppaw aktar il-kuntatti mal-istituzzjonijiet tal-UE, (c) ninvolvu ruħna mas-soċjetà ċivili, u (d) nidentifikaw l-aħjar prattiki fl-Unjoni Ewropea (permezz tan-Network Ewropew tal-Ombudsmen) u lil hinn.
* Twassal ir-riżultati aktar malajr, billi tiżviluppa proċeduri simplifikati biex tippromwovi, fejn possibbli, riżoluzzjoni rapida tal-ilmenti.
* Li jkollu impatt pożittiv fuq il-kultura amministrattiva tal-Unjoni, billi jiftaħ aktar inkjesti fuq inizjattiva proprja dwar problemi sistemiċi fl-istituzzjonijiet tal-UE u billi jinvolvi ruħu b'mod aktar attiv fid-dibattiti ta' politika tal-UE f'oqsma rilevanti għall-mandat tiegħu.
* Is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar il-każijiet tiegħu u s-sejba ta' modi ġodda biex iċ-ċittadini u partijiet ikkonċernati oħra jiġu infurmati dwar kif l-Ombudsman Ewropew u n-Network tal-Ombudsmen Ewropej jistgħu jgħinuhom jiddefendu d-drittijiet tagħhom.

It-test sħiħ tal-istrateġija huwa disponibbli fuq: [http://www.ombudsman.europa.eu/resources/strategy.faces](/resources/strategy.faces)

**L-identità viżiva l-ġdida tal-Ombudsman**

Mil-lum, l-Ombudsman Ewropew għandu identità viżiva ġdida, inkluż logo ġdid. Il-logo huwa mfassal biex itejjeb l-isforzi tal-Ombudsman biex jilħaq firxa wiesgħa ta' udjenzi, filwaqt li jevoka l-identità u l-valuri tal-istituzzjoni. Il-kuluri huma maħsuba biex iservu bħala tfakkira tal-bandiera Ewropea, filwaqt li l-forma ċirkolari tirrappreżenta unità u kunsens. Il-vleġeġ u s-sinjal tal-ugwali fil-logo rispettivament jissimbolizzaw l-iskambju u d-djalogu, kif ukoll l-ugwaljanza u l-ġustizzja, karatteristiċi ewlenin, jiġifieri, tal-approċċ tal-Ombudsman lejn iċ-ċittadini u l-amministrazzjoni tajba.