# Ombudsman: Il-Kummissjoni rreaġixxiet tard għar-riskji mill-importazzjonijiet taċ-ċanga Brażiljani - Awtur: Ombudsman Ewropew - Data: 2010-07-20T00:00+02:00[Europe/Paris] - [URL](https://www.ombudsman.europa.eu/mt/press-release/mt/5127) --- L-Ombudsman Ewropew, **P. Nikiforos Diamandouros,** ikkritika lill-Kummissjoni Ewropea għad-dewmien tagħha fl-impożizzjoni ta' restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet taċ-ċanga Brażiljana fl-2008, sabiex tindirizza r-riskji mill-marda tal-ilsien u d-dwiefer. Madankollu, huwa rrifjuta sejħa minn federazzjoni ta' organizzazzjonijiet agrikoli Brittaniċi u Irlandiżi li l-Kummissjoni missha imponiet projbizzjoni sħiħa fuq iċ-ċanga Brażiljana mill-2007. Il-Kummissjoni spjegat li n-nuqqasijiet kienu tabilħaqq ġew identifikati fis-sistemi Brażiljani ta' kontroll taċ-ċanga f'Novembru 2007. B'konsegwenza ta' dan, hija imponiet restrizzjonijiet stretti fuq l-importazzjoni taċ-ċanga Brażiljana, iżda qieset li projbizzjoni diretta ma kinitx meħtieġa. L-Ombudsman ikkonkluda li d-deċiżjoni li ma tiġix imposta projbizzjoni kienet iġġustifikata mill-evidenza disponibbli. Madankollu, huwa kkritika d-dewmien fir-restrizzjoni tal-importazzjonijiet taċ-ċanga minn azjendi agrikoli mhux approvati fil-Brażil bejn Frar u Marzu 2008. Barra minn hekk, l-Ombudsman appellat lill-Kummissjoni biex tkompli l-ispezzjonijiet regolari tagħha barra mill-UE biex tiżgura li l-istandards meħtieġa tas-saħħa tal-annimali u dik pubblika jiġu fil-fatt rispettati. **Theddida potenzjali għas-saħħa tal-annimali u dik pubblika permezz tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer** Xi partijiet tal-Brażil huma affettwati mill-marda tal-ilsien u d-dwiefer, marda virali li tittieħed ħafna li taffettwa l-bhejjem tal-ifrat, in-nagħaġ u annimali oħra. Bħalissa l-UE hija ħielsa mill-marda tal-ilsien u d-dwiefer. F'Lulju 2007, il-federazzjoni *tal-Ġustizzja għall-Bdiewa fl-Ewropa* rrikorriet għand l-Ombudsman, u sostniet li l-Kummissjoni kellha timponi projbizzjoni sħiħa fuq l-importazzjoni taċ-ċanga Brażiljana minħabba theddid potenzjali għas-saħħa tal-annimali. Il-Kummissjoni spjegat li defiċjenzi serji fis-sistema Brażiljana tal-kontroll taċ-ċanga kienu tabilħaqq ġew identifikati. Għalhekk, hija pproċediet biex timponi restrizzjonijiet stretti fuq l-importazzjoni iżda żammet lura minn projbizzjoni diretta. Ir-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni fissru li 412-il razzett Brażiljan tal-bhejjem tal-ifrat biss tqiesu eliġibbli għall-esportazzjoni lejn l-UE, meta mqabbla ma' madwar 10 000 razzett preċedenti. Skont l-ilmentatur, dawn ir-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni ma kinux biżżejjed. Il-federazzjoni tal-bdiewa allegat li, wara rapport kritiku ħafna tal-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju tal-UE f'Novembru 2007, il-Kummissjoni kellha tieħu miżuri aktar stretti biex tipprevjeni liċ-ċanga Brażiljana milli tidħol fl-UE. Il-Kummissjoni argumentat li projbizzjoni diretta ma kinitx meħtieġa minħabba li, minn nofs Marzu 2008, iċ-ċanga minn irziezet approvati fil-Brażil biss setgħet tiġi importata fl-UE. L-Ombudsman ikkonkluda li l-argumenti tal-Kummissjoni kontra projbizzjoni totali fuq iċ-ċanga Brażiljana kienu konvinċenti. Madankollu, huwa kkritika lill-Kummissjoni talli ppermettiet l-importazzjonijiet taċ-ċanga Brażiljana fl-UE minn 10 000 razzett mhux approvat bejn Frar u Marzu 2008. L-Ombudsman appellat lill-Kummissjoni biex tkompli l-ispezzjonijiet regolari tagħha barra mill-UE biex tiżgura li l-istandards meħtieġa tas-saħħa tal-annimali u dik pubblika jiġu rispettati qabel ma l-ikel jiġi importat fl-UE. Id-deċiżjoni sħiħa tal-Ombudsman hija disponibbli fuq: [http://www.ombudsman.europa.eu/cases/decision.faces/en/5098/html.bookmark](/cases/decision.faces/en/5098/html.bookmark)