# Diamandouros eletta mill-ġdid bħala Ombudsman Ewropew - Awtur: Ombudsman Ewropew - Data: 2010-01-20T00:00+01:00[Europe/Paris] - [URL](https://www.ombudsman.europa.eu/mt/press-release/mt/4566) --- Il-Parlament Ewropew (PE) reġa' eleġġa **lil P. Nikiforos Diamandouros** bħala Ombudsman Ewropew, b'340 vot minn total ta' 648 vot validu mitfugħa. Is-Sur Diamandouros ikkummenta: "Ninsab grat ħafna għall-appoġġ tal-Parlament Ewropew u għal dan il-vot ta' fiduċja fil-ħidma tiegħi. Nistenna bil-ħerqa li nkompli bl-isforzi tiegħi biex intejjeb il-kwalità tal-amministrazzjoni tal-UE u nippromwovi kultura ta' servizz fl-istituzzjonijiet tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini Ewropej." Il-prijoritajiet tal-Ombudsman għall-ħames snin li ġejjin huma li: * **Jiġi żgurat li ċ-ċittadini jibbenefikaw bis-sħiħ mit-Trattat ta' Lisbona u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali** L-Ombudsman huwa determinat li jgħin liċ-ċittadini jagħmlu użu sħiħ mid-drittijiet tagħhom, kif previst fit-Trattat ta' Lisbona u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Dan l-għan jikkonċerna speċifikament id-dritt għal amministrazzjoni tajba, id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti tal-UE, id-dritt li wieħed jidħol fi djalogu mal-istituzzjonijiet tal-UE u d-dritt li wieħed jirrikorri għand l-Ombudsman. L-Ombudsman se taħdem mal-PE u mal-ombudsmen nazzjonali u reġjonali fl-Istati Membri biex tinforma liċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom. * **It-tisħiħ ta' "kultura ta' servizz" għaċ-ċittadini fi ħdan l-amministrazzjoni tal-UE** Bl-għajnuna tal-Ombudsman, l-amministrazzjoni tal-UE għandha ssaħħaħ il-"kultura tas-servizz" tagħha għaċ-ċittadini. Dan jinkludi impenn għal (a) trasparenza akbar u għal amministrazzjoni tajba; u (b) jinfurmaw liċ-ċittadini dwar id-dritt tagħhom li l-affarijiet tagħhom jiġu ttrattati b'mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli mill-amministrazzjoni tal-UE. * **It-titjib ulterjuri tal-effiċjenza tal-uffiċċju tal-Ombudsman** L-Ombudsman huwa determinat li jkompli jtejjeb is-servizzi tiegħu billi jikseb riżultati aktar malajr fl-investigazzjonijiet tiegħu u billi jagħmel awtovalutazzjoni rigoruża tal-mod kif l-istituzzjoni tittratta l-ilmenti taċ-ċittadini. Huwa jixtieq ukoll itejjeb il-viżibbiltà pubblika tiegħu permezz ta' kampanji ta' informazzjoni mmirati. Barra minn hekk, l-Ombudsman beħsiebha tintensifika aktar il-kooperazzjoni ma' mekkaniżmi oħra ta' informazzjoni u ta' soluzzjoni tal-problemi, bħal Europe Direct, SOLVIT u n-Network Ewropew tal-Ombudsmen. L-Ombudsman Ewropew jiġi elett mill-PE għal ħames snin. P. Nikiforos Diamandouros serva bħala Ombudsman Ewropew mill-1 ta' April 2003. Qabel ma sar Ombudsman Ewropew, huwa kien, mill-1998 sal-2003, l-ewwel Ombudsman Nazzjonali tal-Greċja. Aktar informazzjoni dwar l-elezzjoni tal-Ombudsman hija disponibbli fuq: <http://www.europarl.europa.eu/electionombudsman>