# L-Ombudsman issib amministrazzjoni ħażina fil-mod kif il-Kummissjoni ħejjiet proposti leġiżlattivi urġenti
- Awtur: Ombudsman Ewropew
- Data: 2025-11-27T00:00+01:00[Europe/Paris]
- [URL](https://www.ombudsman.europa.eu/mt/press-release/mt/215989)
---
L-Ombudswoman Ewropew Teresa Anjinho [sabet għadd ta' nuqqasijiet proċedurali](https://www.ombudsman.europa.eu/recommendation/215920) fil-mod kif il-Kummissjoni Ewropea ħejjiet diversi proposti leġiżlattivi li hija qieset urġenti. Meħuda flimkien, in-nuqqasijiet ammontaw għal amministrazzjoni ħażina.

Is-sejbiet huma bbażati fuq tliet inkjesti separati bbażati fuq l-ilmenti li eżaminaw il-punt sa fejn il-Kummissjoni applikat ir-regoli u l-proċeduri standard tat-tfassil tal-politika meta ħejjiet abbozzi leġiżlattivi dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva (Omnibus I), il-Politika Agrikola Komuni (PAK), u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti.

Fit-tħejjija ta' dawn il-proposti leġiżlattivi urġenti, il-Kummissjoni ma wettqitx ċerti partijiet tar-regoli tagħha stess għal Regolamentazzjoni Aħjar li huma maħsuba biex jiżguraw li t-tfassil tal-liġijiet ikun ibbażat fuq l-evidenza, trasparenti u inklużiv.

*"Il-Kummissjoni trid tkun kapaċi tirrispondi b'mod urġenti għal sitwazzjonijiet differenti, b'mod partikolari fil-kuntest ġeopolitiku attwali. Madankollu, jeħtieġ li tiżgura li r-responsabbiltà u t-trasparenza jkomplu jkunu parti mill-proċessi leġiżlattivi tagħha u li l-azzjonijiet tagħha jiġu spjegati b'mod ċar liċ-ċittadini,"* qalet is-Sinjura*Anjinho.*

*"Fil-futur, jeħtieġ li jinstab bilanċ aħjar bejn li jkun hemm amministrazzjoni aġli u l-garanzija ta' standards proċedurali minimi għat-tfassil tal-liġijiet. Ċerti prinċipji ta' tfassil tajjeb tal-liġijiet ma jistgħux jiġu kompromessi lanqas għal raġunijiet ta' urġenza."*

*"Il-Kummissjoni għandha ttejjeb ir-regoli tagħha għal Regolamentazzjoni Aħjar sabiex it-tħejjija ta' leġiżlazzjoni urġenti tibqa' trasparenti u bbażata fuq l-evidenza,"*qalet l-Ombudswoman.

In-nuqqasijiet proċedurali identifikati mill-inkjesti tal-Ombudswoman kienu jinkludu li naqset milli tiġġustifika bis-sħiħ l-urġenza tal-proposti leġiżlattivi lill-pubbliku u li tiddokumenta r-raġunament tagħha għad-devjazzjoni mir-regoli interni tagħha dwar it-tfassil tal-liġijiet, magħrufa bħala regoli għal Regolamentazzjoni Aħjar.

Kien hemm ukoll problemi speċifiċi għal kull wieħed mit-tliet proċessi leġiżlattivi inklużi:

- it-tnaqqis tal-ħin ta' konsultazzjoni bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni għal inqas minn 24 siegħa fi tmiem il-ġimgħa (Omnibus I)

- il-pubblikazzjoni tard ta' dokument b'evidenza li tappoġġa l-proposta leġiżlattiva (leġiżlazzjoni dwar il-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti) u wara li l-leġiżlazzjoni kienet diġà ġiet approvata (PAK)

- L-ebda rekord intern ċar ta' valutazzjoni tal-konsistenza klimatika li qed titwettaq (PAK u Omnibus I)

**Rakkomandazzjonijiet u suġġerimenti ulterjuri**

Fiż-żewġ rakkomandazzjonijiet tagħha li jħarsu 'l quddiem lill-Kummissjoni, l-Ombudswoman talbitha tiżgura applikazzjoni prevedibbli, konsistenti u mhux arbitrarja tar-regoli għal Regolamentazzjoni Aħjar u li t-tħejjija urġenti futura tal-proposti leġiżlattivi tkun dejjem trasparenti, ibbażata fuq l-evidenza, u inklużiva.

L-Ombudswoman għamlet ukoll għadd ta' suġġerimenti fid-dawl tar-reviżjoni li jmiss tar-regoli għal Regolamentazzjoni Aħjar. Dawn jinkludu l-kjarifika li l-valutazzjonijiet tal-klima għandhom jitwettqu għall-proposti leġiżlattivi kollha u l-kjarifika tal-istandards minimi għall-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati fi proċeduri urġenti.

**Sfond**

Il-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar jistabbilixxu r-regoli li l-Kummissjoni Ewropea ssegwi meta tħejji inizjattivi u proposti ġodda u meta timmaniġġja u tevalwa l-leġiżlazzjoni eżistenti.

Filwaqt li l-Kummissjoni qalet li r-regoli ta' Regolamentazzjoni Aħjar mhumiex legalment vinkolanti, l-Ombudsman sabet b'mod konsistenti li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom japplikaw ir-regoli li stabbilixxew għalihom infushom.

It-tliet inkjesti kollha - relatati mas-sostenibbiltà [Omnibus](https://www.ombudsman.europa.eu/en/news-document/en/205297), PAK[](https://www.ombudsman.europa.eu/en/case/en/66897), u proposti leġiżlattivi għall-ġlieda [kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti](https://www.ombudsman.europa.eu/en/news-document/en/207019) - infetħu wara lmenti mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Ir-rakkomandazzjoni tal-Ombudswoman [tinsab hawnhekk.](https://www.ombudsman.europa.eu/recommendation/215920)