# L-Ombudsman tħeġġeġ lill-Kunsill biex jikkunsidra mill-ġdid l-għażla tal-lingwi għas-siti web tal-Presidenza
- Awtur: Ombudsman Ewropew
- Data: 2006-12-11T00:00+01:00[Europe/Paris]
- [URL](https://www.ombudsman.europa.eu/mt/press-release/mt/178)
---
L-Ombudsman Ewropew, **P. Nikiforos Diamandouros**, appella lill-Kunsill biex jikkunsidra mill-ġdid ir-reġim lingwistiku għas-siti web tal-Presidenzi tal-UE. Dan isegwi lment minn assoċjazzjoni li ssostni li dawn is-siti web għandhom ikunu disponibbli mhux biss bl-Ingliż u bil-Franċiż, iżda wkoll bil-Ġermaniż. Il-Kunsill jargumenta li l-Istat Membru li jkollu l-Presidenza huwa unikament responsabbli għas-sit web tiegħu. L-Ombudsman ma jaqbilx u, wara li l-Kunsill irrifjuta l-abbozz ta' rakkomandazzjoni tiegħu, ressaq il-kwistjoni quddiem il-Parlament Ewropew.

L-Ombudsman iddikjara: "L-informazzjoni fuq is-sit web tal-Presidenza tal-Kunsill għandha idealment tkun disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Komunità. Jekk in-numru ta' lingwi għandu jkun limitat, l-għażla tal-lingwi għandha tkun ibbażata fuq kriterji u kunsiderazzjonijiet oġġettivi u raġonevoli. Madankollu, il-Kunsill naqas milli jittratta s-sustanza tal-każ minħabba li b'mod żbaljat jinsisti li mhuwiex responsabbli għas-siti web tal-Presidenza. Dak in-nuqqas jikkostitwixxi amministrazzjoni ħażina."

**Il-kawża**

Assoċjazzjoni għad-difiża tal-lingwa Ġermaniża ressqet ilment lill-Ombudsman, fejn argumentat li n-nuqqas tal-Kunsill li jiżgura li s-siti web tal-Presidenza jkunu disponibbli wkoll bil-Ġermaniż jikkostitwixxi amministrazzjoni ħażina.

Il-Kunsill irrifjuta abbozz ta' rakkomandazzjoni mill-Ombudsman li fiha huwa appella lill-Kunsill biex jikkunsidra mill-ġdid ir-reġim lingwistiku tas-siti web tal-Presidenza. Filwaqt li aċċetta li l-Presidenza tifforma parti mill-Kunsill bħala istituzzjoni, il-Kunsill, madankollu, żamm il-fehma li ma għandu l-ebda responsabbiltà għas-siti web tal-Presidenza, bl-argument li dawn jaqgħu taħt l-awtorità tal-Istati Membri li jkollhom il-Presidenza.

Fil-fehma ta' l-Ombudsman, peress li, kif jaqbel faċilment il-Kunsill, il-Presidenza tifforma parti b'mod ċar mill-Kunsill, is-siti elettroniċi tal-Presidenza ma jistgħux jitqiesu bħala siti elettroniċi "nazzjonali" li ma jaqgħux taħt il-liġi Komunitarja. Konsegwentement, il-kwistjoni tal-lingwi użati fuq is-siti web tal-Presidenza ma tistax titqies li tmur lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Kunsill.

Għalhekk huwa ħareġ rapport speċjali lill-Parlament Ewropew, li fih talab lill-Parlament għall-appoġġ tiegħu. Minn meta l-Ombudsman beda jaħdem fl-1995, huwa ħareġ biss 14-il rapport speċjali.

Biex taqra r-rapport speċjali, jekk jogħġbok żur:  
[http://www.ombudsman.europa.eu/special/pdf/en/051487.pdf](/special/pdf/en/051487.pdf)

*Għal informazzjoni dwar ir-rapport speċjali: Gerhard Grill, Konsulent Legali Prinċipali, tel. +33 388 17 2423*