# L-Ombudsman tilqa' l-approċċ kostruttiv tal-Bank Ewropew tal-Investiment fil-każ ta' aċċess għad-dokumenti - Awtur: Ombudsman Ewropew - Data: 2006-07-03T00:00+02:00[Europe/Paris] - [URL](https://www.ombudsman.europa.eu/mt/press-release/mt/173) --- L-Ombudsman Ewropew, **P. Nikiforos Diamandouros,** laqa' d-deċiżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) li jagħti lil kumpanija aċċess privat għal ċerti partijiet ta' rapport tal-awditjar, għalkemm ma setax jingħata aċċess pubbliku sħiħ. Is-Sur Diamandouros qal li "l-approċċ kostruttiv tal-BEI f'dan il-każ jista' jservi bħala mudell għal każijiet futuri". **Il-kawża** Fl-2000, il-BEI wettaq verifika fi proġett infrastrutturali kbir fl-Afrika, li kien parzjalment iffinanzjat mill-UE. Żewġ kumpaniji mill-istess grupp bħall-kumpanija li f'isimha sar l-ilment lill-Ombudsman kienu involuti fil-proġett. F'Settembru 2004, il-kumpanija talbet aċċess għar-rapport tal-verifika. Il-BEI ċaħad it-talba, billi argumenta li l-iżvelar ikun ta' ħsara għall-iskop tal-protezzjoni tal-investigazzjonijiet u l-awditi. Il-kumpanija rrikorriet għand l-Ombudsman, u enfasizzat li għandu jingħata mill-inqas aċċess parzjali għad-dokument. L-Ombudsman ippropona soluzzjoni amikevoli, li tissuġġerixxi li l-BEI jikkunsidra mill-ġdid ir-rifjut tiegħu. F'Jannar 2006, il-BEI spjega li l-iżvelar sħiħ tar-rapport tal-verifika ma kienx possibbli minħabba li l-Bank kellu obbligu legali li jipproteġi l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni ta' natura kummerċjali. Madankollu, huwa qabel li jagħti aċċess pubbliku għal ċerti partijiet oħra tar-rapport. Barra minn hekk, il-BEI ppermetta lill-kumpanija jkollha aċċess privat għat-taqsimiet tar-rapport li kienu jikkonċernaw speċifikament il-grupp li kienet tagħmel parti minnu. Is-Sur Diamandouros qal "għalkemm l-aċċess pubbliku għad-dokumenti għandu jkun wiesa' kemm jista' jkun, il-privatezza u l-kunfidenzjalità kummerċjali huma interessi leġittimi li jillimitaw l-aċċess pubbliku. Madankollu, il-persuna stess li l-interessi kummerċjali jew tal-privatezza tagħha huma kkonċernati ma għandhiex tiġi miċħuda l-aċċess għal dik ir-raġuni. Għalhekk nilqa' l-approċċ kostruttiv tal-BEI f'dan il-każ." Biex tara l-każ sħiħ, jekk jogħġbok żur: [http://www.ombudsman.europa.eu/decision/en/051776.htm](/decision/en/051776.htm) *Għal informazzjoni dwar il-każ: is-Sur Gerhard Grill, Konsulent Legali Prinċipali, tel: +33 388 172423*