# L-Ombudsman tilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex ittejjeb it-trasparenza - Awtur: Ombudsman Ewropew - Data: 2006-05-03T00:00+02:00[Europe/Paris] - [URL](https://www.ombudsman.europa.eu/mt/press-release/mt/167) --- L-Ombudsman Ewropew, **P. Nikiforos Diamandouros,** laqa' l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza, ippreżentata llum. "Kwart tal-inkjesti li nagħmel jikkonċernaw in-nuqqas ta' trasparenza. Għalhekk nappoġġa bil-qawwa l-miżuri kollha li jippromwovu amministrazzjoni tal-UE aktar miftuħa u responsabbli. Il-Kummissjoni għandha raġun meta tgħid li "l-pubbliku Ewropew huwa intitolat li jistenna istituzzjonijiet pubbliċi effiċjenti, responsabbli u li jaħsbuha dwar is-servizzi". Ninsab fiduċjuż li d-dibattitu mniedi mill-Green Paper tal-lum se jmexxina aktar 'il quddiem f'din id-direzzjoni". Fost il-kwistjonijiet ta' interess partikolari għall-Ombudsman fil-Green Paper tal-lum hemm l-ideat imressqa fil-qasam tal-iżvelar obbligatorju ta' informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-fondi tal-UE u l-istandards minimi ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni. "Matul is-sena li għaddiet, ittrattajt diversi lmenti f'dawn l-oqsma, inklużi tnejn dwar in-nuqqas ta' trasparenza fir-rigward tal-benefiċjarji tal-fondi agrikoli tal-UE", qal is-Sur Diamandouros. "Għalhekk jien partikolarment imħeġġeġ mill-isforzi tal-Kummissjoni biex tagħmel id-data dwar il-benefiċjarji tal-fondi tal-UE aktar aċċessibbli". "Kif semmejt fil-preżentazzjoni tar-Rapport Annwali 2005 tiegħi lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew dalgħodu," żied jgħid is-Sur Diamandouros, "li naħdem b'mod miftuħ u nippermetti l-iskrutinju pubbliku huwa fost il-mezzi importanti kollha biex tinbena l-fiduċja fost iċ-ċittadini. Nistenna bil-ħerqa li nsegwi r-reazzjonijiet għal din il-Green Paper u li naħdem mal-istituzzjonijiet u l-korpi biex ikun hemm amministrazzjoni tal-UE mill-aqwa li tkun kapaċi tissottoskrivi bis-sħiħ għall-kultura tas-servizz li tqiegħed liċ-ċittadin fiċ-ċentru tat-tħassib tagħha." Il-konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar din il-Green Paper tintemm fil-31 ta' Awwissu 2006.