# L-Ombudsman jikseb soluzzjoni amikevoli: L-NGO tirċievi EUR 70 000 mill-Kummissjoni - Awtur: Ombudsman Ewropew - Data: 2012-01-24T00:00+01:00[Europe/Paris] - [URL](https://www.ombudsman.europa.eu/mt/press-release/mt/11209) - [PDF](https://www.ombudsman.europa.eu/pdf/mt/11209) --- L-Ombudsman Ewropew, **P. Nikiforos Diamandouros,** għen biex tissolva tilwima bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-NGO *Migration Policy Group (MPG)* dwar proġett tal-UE mniedi bħala parti mid-"Djalogu Ewropew dwar il-Migrazzjoni". Wara awditu, il-Kummissjoni ħarġet ordni ta' rkupru għal aktar minn EUR 130 000 minħabba li l-MPG kienet bagħtet dokumenti ta' sostenn tard wisq għall-kostijiet tal-persunal. Il-Kummissjoni eventwalment aċċettat proposta għal soluzzjoni amikevoli mill-Ombudsman u rrimborżat EUR 70 000 lill-NGO. Is-Sur Diamandouros ikkummenta: "Nilqa' b'sodisfazzjon kbir it-tweġiba pożittiva tal-Kummissjoni għall-proposta għal soluzzjoni amikevoli tiegħi. Soluzzjonijiet favorevoli huma għodda eċċellenti biex jinkisbu riżultati ta' benefiċċju għal kulħadd kemm għall-ilmentaturi kif ukoll għall-istituzzjonijiet tal-UE kkonċernati u għandhom jintużaw kemm jista' jkun ta' spiss kull meta jinqalgħu kunflitti fi proġetti jew programmi tal-UE." **L-NGO ma rnexxilhiex twassal dokumenti fil-ħin dwar l-ispejjeż tal-persunal** Mill-2004 sa l-2005, il-Grupp *ta' Politika dwar il-Migrazzjoni* ta' l-NGO mingħajr skop ta' qligħ wettaq proġett iffinanzjat mill-UE dwar "European Migration Dialogue - linking the national and European debates on integration" ( għad-Djalogu Ewropew dwar il-Migrazzjoni li jgħaqqad id-dibattiti nazzjonali u Ewropej dwar l-integrazzjoni). Il-proġett involva aktar minn 20 NGO sħab u l-ispejjeż totali tiegħu ammontaw għal aktar minn EUR 600 000. Il-Kummissjoni għamlet il-ħlas finali għall-proġett f'Awwissu 2006. F'Ottubru 2009, verifika tal-proġett irriżultat f'ordni ta' rkupru għal aktar minn EUR 130 000 minħabba li d-dokumenti ta' sostenn għall-ispejjeż tal-persunal kienu twasslu tard wisq (il-Kummissjoni kienet tat estensjoni waħda). L-ilmentatur iġġustifika d-dewmien billi rrefera għad-diffikultajiet li kien esperjenza biex jikseb id-dokumenti rilevanti minn aktar minn 20 NGO sħab fil-ħin. Peress li l-Kummissjoni ma aċċettatx l-argumenti tagħha, l-MPG ressqet ilment quddiem l-Ombudsman dwar dik li hija sejħet in-natura "sproporzjonata" tal-ordni ta' rkupru. L-Ombudsman ippropona soluzzjoni amikevoli, li fiha stieden lill-Kummissjoni tispjega għaliex il-konklużjonijiet tagħha mir-rapport tal-awditjar ma setgħux jiġu modifikati wara li rċeviet id-dokumenti neqsin. Il-Kummissjoni aċċettat il-proposta tal-Ombudsman u rrimborżat EUR 70 000 lill-MPG. L-NGO rringrazzjat lill-Ombudsman għall-intervent tiegħu. Id-deċiżjoni sħiħa hija disponibbli fuq: [http://www.ombudsman.europa.eu/cases/decision.faces/en/10579/html.bookmark](/cases/decision.faces/en/10579/html.bookmark)