# L-Ombudsman tissuġġerixxi modi kif il-Kummissjoni tiżgura li l-fondi tal-UE għall-ġestjoni tal-fruntieri jikkonformaw mal-obbligi tad-drittijiet fundamentali
- Awtur: Ombudsman Ewropew
- Data: 2025-02-25T00:00+01:00[Europe/Paris]
- [URL](https://www.ombudsman.europa.eu/mt/news-document/mt/200026)
---
L-Ombudsman għamlet sensiela ta' [suġġerimenti](/mt/decision/mt/200015) lill-Kummissjoni Ewropea biex tgħinha timmonitorja l-fondi tal-UE mogħtija lill-Istati Membri għall-ġestjoni tal-fruntieri u tiżgura li l-użu tagħhom ma jirriżultax fi ksur tad-drittijiet fundamentali.

B'mod partikolari, hija ssuġġeriet li l-Kummissjoni toħloq linji gwida għall-valutazzjoni tal-konformità mill-Istati Membri mad-drittijiet fundamentali matul id-durata kollha tal-programmi ta' finanzjament. Dawn il-linji gwida għandhom jinkludu l-ħtieġa li jitqiesu sorsi indipendenti ta' informazzjoni dwar ksur potenzjali tad-drittijiet u li jiġu stabbiliti kriterji pubbliċi għaż-żamma jew is-sospensjoni tal-finanzjament tal-UE.

L-inkjesta tal-Ombudsman dwar din il-kwistjoni ssegwi lment minn diversi organizzazzjonijiet mhux governattivi li kienu qajmu tħassib li l-Kummissjoni naqset milli timmonitorja b'mod effettiv l-attivitajiet ta' ġestjoni tal-fruntieri ffinanzjati mill-UE fid-dawl ta' allegazzjonijiet persistenti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem mill-awtoritajiet Griegi.

Fil-valutazzjoni tagħha tal-ilmenti li waslu dwar ksur tad-drittijiet fundamentali u partijiet mill-programm Grieg, l-Ombudsman talbet lill-Kummissjoni tikkunsidra jekk il-Greċja għadhiex tissodisfa l-kundizzjoni tad-drittijiet fundamentali relatata mal-fondi.

L-Ombudsman għamlet ukoll suġġerimenti lill-Kummissjoni għat-titjib tat-trasparenza tal-proċess ta' monitoraġġ u talbitha tħeġġeġ lill-Greċja tiffaċilita l-parteċipazzjoni sinifikanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ tal-konformità mad-drittijiet fundamentali.