# L-Ombudsman tħares lejn kif il-Bank Ewropew tal-Investiment jittratta l-informazzjoni ambjentali minn proġetti li jiffinanzja
- Awtur: Ombudsman Ewropew
- Data: 2020-07-29T00:00+02:00[Europe/Paris]
- [URL](https://www.ombudsman.europa.eu/mt/news-document/mt/130756)
---
L-Ombudsman Ewropew fetaħ tliet inkjesti relatati mal-iżvelar ta' informazzjoni ambjentali mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). L-inkjesti kollha huma bbażati fuq ilment wieħed mill-grupp ambjentali, ClientEarth.

Inkjesta waħda tikkonċerna r-rifjut tal-BEI li jagħti aċċess pubbliku għall-minuti tal-laqgħat li fihom il-kumitat ta' ġestjoni tiegħu ddiskuta l-finanzjament ta' proġett tal-bijomassa. L-Ombudsman talbet li l-minuti ta' dawn il-laqgħat jiġu eżaminati sal-31 ta' Lulju 2020. Iż-żewġ inkjesti l-oħra jikkonċernaw jekk il-BEI jagħtix informazzjoni ambjentali suffiċjenti u f'waqtha dwar proġetti li jiffinanzja direttament jew indirettament. L-ilmentatur jargumenta li l-prattika attwali tal-bank tipprevjeni lill-pubbliku milli jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar kwistjonijiet ambjentali qabel ma l-BEI jieħu deċiżjoni li jiffinanzja proġetti direttament u li l-bank ma jagħmilx biżżejjed biex jiżgura li tinġabar informazzjoni ambjentali u mbagħad tiġi żvelata għal proġetti mwettqa minn intermedjarji finanzjarji. L-Ombudsman talbet lill-bank għal informazzjoni dettaljata fir-rigward ta' proġetti ffinanzjati kemm direttament kif ukoll indirettament. Dan imbagħad jintuża bħala l-bażi għall-passi li jmiss fl-inkjesta fil-ħarifa.