Int għandek ilment kontra
istituzzjoni jew korp tal-UE?

L-Ombudsman kif jista’ jgħin?

L-Ombudsman Ewropew jinvestiga ilmenti minn individwi, negozji u organizzazzjonijiet dwar amministrazzjoni ħażina mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea. Amministrazzjoni ħażina sseħħ jekk istituzzjoni jew korp jonqsu milli jaġixxu skont il-liġi jew skont il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, jew jekk jiksru d-drittijiet tal-bniedem.

Amministrazzjoni ħażina tista’ tinkludi irregolaritajiet amministrattivi, inġustizzja, diskriminazzjoni jew l-abbuż tal-poter, pereżempju fil-ġestjoni ta’ fondi tal-UE, akkwisti jew politiki ta’ reklutaġġ. Tinkludi wkoll n-nuqqas li tingħata tweġiba, jew ir-rifjut jew id-dewmien bla bżonn fl-għoti ta’ aċċess għal informazzjoni fl-interess pubbliku. L-ilmentaturi m'għandhomx għalfejn ikunu affettwati mill-kwistjoni/jiet li dwarhom ikun sar l-ilment.

L-Ombudsman Ewropew ma jistax jinvestiga lmenti kontra amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali fl-Istati Membri, anki meta l-ilmenti jkunu dwar kwistjonijiet tal-UE. Ilment irid isir fi żmien sentejn mid-data meta l-persuna affettwata saret taf bil-fatti. L-ilmentatur l-ewwel irid ikun ikkuntattja u mbagħad ipprova jsolvi l-kwistjoni mal-istituzzjoni inkwistjoni. L-Ombudsman ma jistax jinvestiga kwistjonijiet li jkunu soġġetti għal proċedimenti legali.