# Ittra mill-Ombudsman Ewropew lill-Prim Ministru tal-Belġju - Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-UE, dwar l-inkjesta tal-Ombudsman dwar kif l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) tikkonforma mal-obbligi tad-drittijiet fundamentali tagħha fir-rigward tat-tiftix u s-salvataġġ fil-kuntest tal-attivitajiet ta' sorveljanza marittima tagħha (OI/3/2023/MHZ)
- Awtur: Ombudsman Ewropew
- Data: 2024-12-05T10:00+01:00[Europe/Paris]
- [URL](https://www.ombudsman.europa.eu/mt/doc/correspondence/mt/182675)
---
|--------------------------------------------------------------------------------------|
| Alexander De Croo Prim Ministru tal-Belġju Il-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-UE |

L-eċċellenza tiegħek,

Qed niktiblek biex niġbidlek l-attenzjoni għas-sejbiet tal-inkjesta tiegħi (OI/3/2023/MHZ) dwar kif l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) tikkonforma mal-obbligi tad-drittijiet fundamentali tagħha fir-rigward tat-tiftix u s-salvataġġ fil-kuntest tal-attivitajiet ta' sorveljanza marittima tagħha.

Kif forsi taf, nedejt din l-inkjesta wara t-traġedja ta' Adriana fit-23 ta' Ġunju 2023, meta aktar minn 600 raġel, mara u tifel tilfu ħajjithom barra mill-kosta ta' Pylos, il-Greċja. Madankollu, il-kuntest usa' huwa li, matul dawn l-aħħar għaxar snin, madwar 20 000 persuna tilfu ħajjithom fil-Baħar Mediterran, u ppruvaw jaslu fl-UE, fi sfond ta' allegazzjonijiet kontinwi u tħassib dejjem akbar dwar il-ksur tad-drittijiet fundamentali mill-awtoritajiet responsabbli għall-prevenzjoni ta' tali telf ta' ħajjiet.

L-inkjesta tiegħi identifikat għadd ta' kwistjonijiet li l-Frontex stess għandha tindirizza, biex tiżgura li jista' jkollha rwol aktar proattiv fir-rispons għal emerġenzi marittimi li jinvolvu dgħajjes tal-migranti. Tista' ssib id-deċiżjoni tiegħi li tagħlaq l-inkjesta mehmuża ma' din l-ittra.

Madankollu, hemm ukoll mistoqsijiet usa' għall-UE li tqajmu fil-kuntest tal-inkjesta tiegħi u li qed nitlob lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill tal-UE u lill-Kummissjoni Ewropea biex jindirizzaw. Dawn huma stabbiliti fil-konklużjonijiet ġenerali li jakkumpanjaw l-inkjesta tiegħi, li ssib mehmuża wkoll. B'mod partikolari, dawn jikkonċernaw in-nuqqas ta' operazzjonijiet proattivi ta' tiftix u salvataġġ tal-UE u n-nuqqas ta' mekkaniżmu uniku ta' responsabbiltà fil-livell tal-UE għall-valutazzjoni ta' inċidenti li jinvolvu allegat ksur tad-drittijiet fundamentali u/jew obbligi ta' tiftix u salvataġġ.

Biex dan jiġi indirizzat, nemmen li hemm bżonn li:

· tistabbilixxi kummissjoni ta' inkjesta indipendenti biex tivvaluta r-raġunijiet għall-għadd kbir ta' mwiet fil-Mediterran, biex titgħallem mill-inċidenti bħan-nawfraġju ta' Adriana, u biex tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif għandhom jiġu protetti d-drittijiet fundamentali u d-dritt għall-ħajja fir-rispons għall-emerġenzi marittimi;

· tiżgura konsegwenzi fil-livell tal-UE għal kwalunkwe sejba li awtorità ta' Stat Membru tkun naqset milli tikkonforma mad-drittijiet fundamentali tagħha u/jew mal-obbligi ta' tiftix u salvataġġ fir-rigward ta' dan l-inċident u b'mod aktar ġenerali; u

· tirrifletti dwar il-bidliet fil-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi l-mandat tal-Frontex, li jippermettulha jkollha funzjoni ta' tiftix u salvataġġ aktar komprensiva u proattiva.

It-telf kontinwu ta' ħajjiet fil-Baħar Mediterran huwa akkuża tal-impenn tal-UE li tiddefendi dan l-aktar dritt fundamentali, u jien fiduċjuż li se tittratta din il-kwistjoni bl-urġenza li jistħoqqilha.

Dejjem tiegħek,

Emily O'Reilly

L-Ombudsman Ewropew

Strasburgu, 26/02/2024

Għeluq:

Deċiżjoni bl-anness

Konklużjonijiet ġenerali