# Kif il-Kummissjoni Ewropea tapplika r-regoli li jirregolaw il-gruppi ta’ esperti u entitajiet simili oħra, b’mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza tas-sħubija u d-deliberazzjonijiet tal-gruppi - Awtur: Ombudsman Ewropew - Data: 2025-07-11T10:00+02:00[Europe/Paris] - [URL](https://www.ombudsman.europa.eu/mt/case/mt/65947) --- [L-Ombudsman fetħet inkjesta fuq inizjattiva proprja](/opening-summary/188875) biex tivvaluta kif il-Kummissjoni Ewropea tapplika r-regoli tagħha dwar "gruppi ta' esperti", li jlaqqgħu flimkien esperti esterni biex jipprovdu pariri lill-Kummissjoni f'oqsma ta' politika differenti. B'mod partikolari, l-Ombudsman fittxet li tivvaluta t-trasparenza ta' dawn il-gruppi, inkluż fir-rigward tas-sħubija u d-deliberazzjonijiet tagħhom. [L-Ombudsman sabet](/decision/200018) li l-Kummissjoni stabbiliet linji gwida interni għall-implimentazzjoni tar-regoli u li tipprovdi taħriġ lill-persunal. Hija sabet ukoll li l-Kummissjoni għandha network intern iddedikat ta' koordinaturi biex timmonitorja u tippromwovi l-implimentazzjoni korretta tar-regoli. Fl-istess ħin, l-Ombudsman identifikat oqsma fejn il-Kummissjoni tista' tkompli ttejjeb it-trasparenza tal-gruppi ta' esperti u għamlet xi suġġerimenti. Dawn jinkludu li l-linji gwida interni jsiru pubbliċi, li jiġu pprovduti listi ta' dokumenti mhux ippubblikati fil-minuti tal-laqgħat tal-gruppi ta' esperti biex il-pubbliku jkun jista' jitlob aċċess, li jiġu stabbiliti skadenzi għall-pubblikazzjoni tad-dokumenti qabel u wara l-laqgħat, u li tittejjeb il-funzjoni ta' tiftix fir-reġistri tad-dokumenti rilevanti għall-gruppi ta' esperti.