# Ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti aċċess għall-abbozzi tar-Rapport finali tal-Valutazzjoni tal-Impatt dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva li temenda d-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwil u għas-sommarji tal-abbozzi tal-IARs
- Awtur: Ombudsman Ewropew
- Data: 2017-10-06T10:00+02:00[Europe/Paris]
- [URL](https://www.ombudsman.europa.eu/mt/case/mt/45982)
---
**Allegazzjoni(jiet)**

Il-Kummissjoni ċaħdet b'mod żbaljat l-aċċess għat-tmien dokumenti mitluba.

*Argumenti ta' sostenn imressqa mill-ilmentatur:*

*1. Il-Kummissjoni bbażat ruħha b'mod żbaljat fuq l-eċċezzjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament 1049/2001 biex tirrifjuta t-talba tal-ilmentatur għal aċċess minħabba li dik l-eċċezzjoni tapplika biss meta d-deċiżjoni ma tkunx ittieħdet mill-istituzzjoni kkonċernata mit-talba. F'dan il-każ, ittieħdet deċiżjoni minn meta l-Kummissjoni għamlet proposta leġiżlattiva lill-Kunsill u lill-Parlament biex jiġu emendati d-Direttivi dwar l-Enerġija Rinnovabbli u l-Kwalità tal-Fjuwil.*

*2. Il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jippreġudika serjament, konkretament u effettivament il-proċess deċiżjonali tagħha u li tali riskju huwa raġonevolment prevedibbli u mhux biss purament ipotetiku. Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq sempliċi dikjarazzjonijiet ġenerali u astratti li bl-ebda mod ma huma sostnuti minn argumenti ddettaljati. Barra minn hekk, hija ma rrispettatx is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża MasterCard.*

*3. Il-Kummissjoni missha rrikonoxxiet li kien hemm interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar minħabba li (i) id-dokumenti huma relatati mill-qrib mal-proċess leġiżlattiv tal-istituzzjonijiet, li huwa qasam li fih l-obbligu ta' trasparenza huwa kritiku; (ii) f'dan il-proċess leġiżlattiv speċifiku aktar milli fi kwalunkwe proċess ieħor hemm ħtieġa reali għal trasparenza biex jiġi żgurat aktar ftuħ tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet għall-pubbliku; u (iii) l-informazzjoni li l-Kummissjoni qed tipprova żżomm tikkostitwixxi informazzjoni ambjentali li għaliha l-pubbliku għandu jkollu aċċess usa' skont ir-Regolament Nru 1367/2006 peress li hemm interess pubbliku ċar fl-iżvelar.*

**Pretensjoni(jiet)**

Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-ilmentatur aċċess għad-dokumenti mitluba.

L-Ombudsman jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta opinjoni sal-31 ta' Diċembru 2015.