• Ressaq ilment
  • Talba għall-informazzjoni
60th Rome Treaty anniversaryL-Ewropa tiegħek - Il-portal għas-servizzi pubbliċi online Ewropej u nazzjonali

Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew dwar proċeduri interni biex jittrattaw l-applikazzjonijiet għall-aċċess pubbliku għal dokumenti u talbiet għal informazzjoni

Lingwi disponibbli :  bg.es.cs.da.de.et.el.en.fr.ga.hr.it.lv.lt.hu.mt.nl.pl.pt.ro.sk.sl.fi.sv

Il-proċeduri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni għandhom l-għan li jiżguraw li, fl-eżami tal-applikazzjonijiet għal aċċess pubbliku għal dokumenti u talbiet għal informazzjoni, l-Ombudsman japplika l-ogħla standards ta’ trasparenza u effiċjenza.

L-applikazzjonijiet għal aċċess pubbliku għal dokumenti miżmuma mill-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew għandhom jiġu ttrattati skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001[1], filwaqt li jiġi rrispettat l-Istatut tal-Ombudsman Ewropew[2].

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika wkoll għal talbiet għal informazzjoni li waslu mill-Uffiċċju tal-Ombudsman.

L-Ombudsman adotta l-proċeduri interni li ġejjin:

Artikolu 1: Il-wasla ta' applikazzjonijiet għall-aċċess pubbliku għal dokumenti u talbiet għal informazzjoni

1.1 Is-servizz ewlieni li jittratta l-applikazzjonijiet għall-aċċess pubbliku għal dokumenti u talbiet għal informazzjoni għandu jkun Unità magħżula.

1.2 Kwalunkwe persuna fl-Uffiċċju tal-Ombudsman li tirċievi applikazzjoni għall-aċċess pubbliku għal dokumenti għandha tgħaddiha fil-pront lill-Unità magħżula għar-reġistrazzjoni u l-ipproċessar.

1.3 Kwalunkwe persuna fl-Uffiċċju tal-Ombudsman li tirċievi talba bil-miktub għal informazzjoni għandha tittrattaha direttament u bla dewmien. Jekk dan ma jistax isir, it-talba għal informazzjoni għandha tintbagħat lill-Unità magħżula.

Artikolu 2: Applikazzjonijiet għall-aċċess pubbliku għal dokumenti

2.1 L-applikazzjonijiet għall-aċċess pubbliku għal dokumenti għandhom jiġu pproċessati skont ir-regoli proċedurali[3] stabbiliti fl-Artikoli 6-10 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001. Dawn ir-regoli jinkludu d-dritt tal-applikant li jagħmel applikazzjoni ta’ konferma[4] fil-każ ta’ ċaħda totali jew parzjali jew in-nuqqas ta’ tweġiba fil-limitu ta’ żmien speċifikat.

2.2 Id-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet inizjali għandhom jittieħdu mill-kap tal-Unità magħżula. Deċiżjoni dwar applikazzjoni inizjali li tirrifjuta l-aċċess pubbliku għad-dokument(i) mitlub(a), jew kompletament jew parzjalment, għandha tagħti r-raġunijiet u tinforma lill-applikant bid-dritt li jagħmel applikazzjoni konfermatorja.

2.3 Id-deċiżjonijiet fuq applikazzjonijiet konfermatorji għandhom jittieħdu mis-Segretarju Ġenerali. Deċiżjoni dwar applikazzjoni konfermatorja li tirrifjuta l-aċċess pubbliku għad-dokument(i) mitlub(a), jew kompletament jew parzjalment, għandha tagħti r-raġunijiet u tinforma lill-applikant bid-dritt li jibda proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2.4 Għandu jingħata aċċess pubbliku għal dokumenti sakemm ċerti interessi pubbliċi jew privati ma jkunux iridu jiġu protetti b'mod ta' eċċezzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

2.5 Fejn applikazzjoni għal aċċess pubbliku għal dokumenti tikkonċerna dokumenti miksuba waqt inkjesta mingħand kwalunkwe persuna fiżika jew legali, istituzzjoni tal-UE jew tal-Istati Membri bil-kundizzjoni ta’ kunfidenzjalità, irid ikun hemm preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ żvelar tad-dokument skont l-Istatut tal-Ombudsman Ewropew[5].

2.6 F'dawn il-każijiet, għal raġunijiet ta' trasparenza, l-Ombudsman jista' jikkoopera mal-persuna, mal-istituzzjoni tal-UE jew mal-Istat Membru li jkunu pprovdew id-dokument sabiex jiġi stabbilit jekk il-kunfidenzjalità tistax titneħħa u d-dokument jistax jiġi żvelat.

Artikolu 3: Data personali

3.1 Meta dokument li għalih ikun intalab aċċess pubbliku jkun fih "data personali" fis-sens tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data[6], l-ipproċessar ta' tali data personali għandha tkun f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament.

3.2 Fl-interessi tat-trasparenza, l-identitajiet tal-membri tal-persunal tal-Ombudsman, meta jissemmew fil-kuntest tad-dmirijiet professjonali tagħhom, normalment jiġu żvelati, sakemm ma jkunx hemm raġuni tajba biex dan ma jsirx.

Artikolu 4: Talbiet għal informazzjoni

4.1 It-talbiet għal informazzjoni għandhom jiġu indirizzati malajr kemm jista' jkun iżda, fi kwalunkwe każ, fi żmien 15-il ġurnata tax-xogħol.

4.2 Kwalunkwe deċiżjoni biex l-għoti tal-informazzjoni mitluba jiġi rrifjutat għandha tagħti r-raġunijiet[7] u għandha tinforma lil min jagħmel it-talba bid-dritt li jitlob reviżjoni tad-deċiżjoni.

4.3 Wara talba għal reviżjoni, is-Segretarju Ġenerali għandu jirrevedi d-deċiżjoni biex l-għoti tal-informazzjoni mitluba jiġi rrifjutat. Din ir-reviżjoni għandha ssir malajr kemm jista' jkun, iżda, fi kwalunkwe każ, fi żmien 15-il ġurnata tax-xogħol.

Artikolu 5: Adozzjoni u dħul fis-seħħ

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha. Id-Deċiżjoni tal-Ombudsman tas-26 ta' Mejju 2014 li tadotta proċeduri interni dwar kif jittrattaw l-applikazzjonijiet għall-aċċess pubbliku għal dokumenti u talbiet għal informazzjoni hija għalhekk revokata.

Strasburgu, 01/09/2016

Emily O'Reilly

[1] Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

[2] Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-qadi tad-dmirijiet tal-Ombudsman adottati mill-Parlament fid-9 ta' Marzu 1994 (ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15) u emendata bid-deċiżjonijiet tal-Parlament tal-14 ta' Marzu 2002 (ĠU L 92, 9.4.2002, p. 13) u tat-18 ta' Ġunju 2008 (ĠU L 189, 17.7.2008, p. 25).

[3] Il-kelma "proċedurali" tinkludi referenza għal-limiti ta' żmien, il-mod ta' aċċess u d-dritt ta' reviżjoni.

[4] "Applikazzjoni konfermatorja" hija t-terminu użat fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għad-dritt ta' reviżjoni.

[5] L-Ombudsman jikkunsidra li d-dokumenti li ġejjin jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2.5 ta’ din id-Deċiżjoni: 1. Dokumenti sensittivi skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 minn istituzzjoni tal-UE, 2. Dokumenti miksuba, inkluż wara ispezzjoni, bil-kundizzjoni ta’ kunfidenzjalità minn istituzzjoni tal-UE, 3. Dokumenti kklassifikati bħala sigrieti permezz ta' liġi jew regolament miksuba minn Stat Membru, 4. Evidenza miksuba b’mod kunfidenzjali minn uffiċjali jew persunal ieħor tal-UE permezz ta’ xhieda, 5. Dokumenti miksuba minn persuna li tkun ippreżentat l-ilment jew minn parti terza li, sabiex jiġu protetti l-interessi leġittimi tal-persuna li tkun ippreżentat l-ilment jew ta' parti terza, l-Ombudsman jikklassifika bħala kunfidenzjali, jew fuq talba tal-persuna li tkun ippreżentat l-ilment jew tal-parti terza kkonċernata jew fuq inizjattiva proprja tal-Ombudsman.

[6] Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data, ĠU L8, 12.1.2001, p. 1.

[7] Ir-raġunijiet li fuqhom dan ir-rifjut jista' jkun ibbażat jinkludu l-kunfidenzjalità, is-segretezza professjonali jew l-obbligu li ma ssirx ħsara lil persuna li tkun ippreżentat ilment jew lil kwalunkwe persuna oħra.