• Ressaq ilment
  • Talba għall-informazzjoni
60th Rome Treaty anniversaryL-Ewropa tiegħek - Il-portal għas-servizzi pubbliċi online Ewropej u nazzjonali

Ir-Riforma tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen

Lingwi disponibbli :  bg.es.cs.da.de.et.el.en.fr.ga.hr.it.lv.lt.hu.mt.nl.pl.pt.ro.sk.sl.fi.sv

Introduzzjoni

In-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen (ENO, European Network of Ombudsmen) inħoloq fl-1996 biex jiġi promoss l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-liġi u l-politika tal-UE, u biex jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki bejn l-ombudsmen nazzjonali u reġjonali u korpi simili tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, il-pajjiżi kandidati għas-sħubija mal-UE, u l-pajjiżi l-oħrajn taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Ombudsman Ewropew u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

L-għan komuni tal-membri kollha tan-Netwerk huwa li jiddefendu d-drittijiet taċ-ċittadini u li jiżguraw li l-pubbliku jgawdi mis-servizzi ta' amministrazzjonijiet pubbliċi favur iċ-ċittadin, trasparenti, etiċi u kontabbli fl-Ewropa kollha.

Minn meta ħadet il-kariga tagħha f'Ottubru 2013, l-Ombudsman Ewropew attwali, Emily O'Reilly, bdiet tiżviluppa u timplimenta programm ambizzjuż ta' riforma, iffukat fuq tliet objettivi reċiprokament rinforzanti:

· Impatt

· Rilevanza

· Viżibilità

Waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħha għas-snin li ġejjin hija li jiġi riformat in-Netwerk, f'konformità ma' dawn it-tliet objettivi, sabiex jiġi żgurat li jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu fil-qadi tal-interess pubbliku Ewropew. Wara konsultazzjoni mal-membri tal-ENO permezz ta' kwestjonarju fl-2014, id-diskussjonijiet f'seminars tan-Netwerk tal-passat, l-input tal-persunal tal-Ombudsman Ewropew, u l-eżami tal-Ombudsman Ewropew stess tal-attivitajiet tan-Netwerk, tfassal sett ta' proposti għar-riforma tan-Netwerk.

Fost l-għanijiet ewlenin tan-Netwerk hemm l-għoti tal-kapaċità lill-membri tan-Netwerk biex ikunu informati bis-sħiħ bl-iżviluppi fil-liġi u l-politika tal-UE, b'mod partikolari kull fejn dawn l-iżviluppi jkunu tal-akbar rilevanza għall-ħidma tagħhom fil-livelli nazzjonali u reġjonali; jiġi faċilitat l-aċċess għall-membri tan-Netwerk għall-ħila esperta fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE; u jiġu mħeġġa l-kooperazzjoni u d-djalogu bejn l-Ombudsman Ewropew u l-membri l-oħrajn tan-Netwerk permezz ta' investigazzjonijiet paralleli, skambji tal-aħjar prattika, u inizjattivi oħrajn dwar suġġetti ta' interess reċiproku.

In-Netwerk għandu potenzjal eċċellenti biex isir forum aktar vibranti u dinamiku għall-iskambju u l-kooperazzjoni billi jagħmel użu aħjar tal-kanali eżistenti ta' komunikazzjoni, u billi jiffoka fuq oqsma ta' politika ta' interess pubbliku.

L-Ombudsman Ewropew ħerqana li ssaħħaħ ir-rwol ta' koordinazzjoni tagħha fin-Netwerk billi tkun sors innovattiv u strateġiku għall-attivitajiet tal-ENO fl-oqsma ta' interess reċiproku. Għandha l-pjan li ssaħħaħ il-viżibilità tan-Netwerk u li twassal l-aħjar prattika mill-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali fil-livell tal-UE u bil-kontra. L-interazzjoni regolari tagħha ma' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE u partijiet interessati oħrajn tal-UE jippermettulha ddaħħal id-dimensjoni Ewropea saħanistra b'aktar qawwa minn qatt qabel fid-dibattiti tan-Netwerk.

Fl-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew, il-Kap tal-Unità tal-Komunikazzjoni ser ikompli jkun responsabbli għall-koordinazzjoni ġenerali tal-attivitajiet tan-Netwerk. Barra minn hekk, il-Kap tal-Unità 1 tal-Ilmenti u l-Investigazzjonijiet sejjer jikkoordina investigazzjonijiet paralleli u kooperazzjoni man-Netwerk fi kwistjonijiet legali.

Investigazzjonijiet Paralleli

Il-kollaborazzjoni eċċellenti bejn il-membri tan-Netwerk u l-Ombudsman Ewropew tejbet bil-kbir l-investigazzjoni fuq inizjattiva proprja tal-Ombudsman fir-rigward tal-Operazzjonijiet Konġunti ta' Ritorn tal-Frontex. L-investigazzjonijiet paralleli mwettqa minn bosta uffiċċji nazzjonali tal-Ombudsman u l-Ombudsman Ewropew dwar dan is-suġġett urew il-potenzjal kbir għal kooperazzjoni mtejba bejn il-membri tan-Netwerk fi kwistjonijiet ta' interess reċiproku. Din hija l-ewwel darba li din il-kooperazzjoni nkisbet permezz tan-Netwerk: dan juri l-potenzjal li jeżisti għal aktar investigazzjonijiet ta' dan it-tip.

L-Ombudsman Ewropew għalhekk tipproponi li tissaħħaħ il-kooperazzjoni tan-Netwerk billi jitwettqu investigazzjonijiet paralleli fuq kwistjonijiet li jinvolvu l-amministrazzjonijiet tal-UE u dawk nazzjonali. L-investigazzjonijiet għandhom il-potenzjal li jżidu b'mod sostanzjali r-rilevanza u l-viżibilità tal-attivitajiet tan-Netwerk fl-interess pubbliku. Sabiex ikunu ta' suċċess, is-suġġetti li għandhom jiġu investigati għandhom jintgħażlu bir-reqqa. Safejn huwa possibbli, il-ftuħ u l-għeluq ta' dawn l-investigazzjonijiet u r-rappurtar tar-riżultati tagħhom jistgħu jiġu allinjati.

Seminars

Is-seminars tan-netwerk għandhom rwol kruċjali biex jippermettu lill-membri tan-Netwerk jiddiskutu suġġetti u żviluppi ta' interess reċiproku, jikkondividu l-esperjenzi, jiżviluppaw kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-UE u ma' xulxin, u juru l-valur miżjud tal-ENO għall-pubbliku Ewropew.

Sabiex tiżdied il-viżibilità tan-Netwerk għall-pubbliku ġenerali, għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE u għal partijiet interessati oħrajn u biex jitjiebu l-opportunitajiet għall-interazzjoni bejn il-membri tan-Netwerk u l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Ombudsman Ewropew tipproponi r-riforma u l-immodernizzar tas-seminars tan-Netwerk.

Minflok seminars nazzjonali, reġjonali u ta' kollegament ta' kull sentejn, l-Ombudsman Ewropew mill-2016 ser torganizza seminar wieħed annwali fi Brussell. Dan ikun miftuħ għall-membri kollha interessati tan-Netwerk. Dawn is-seminars ser jiffukaw fuq suġġetti ta' interess pubbliku pertinenti għal-livell tal-UE u dak nazzjonali, pereżempju fil-kuntest ta' investigazzjonijiet paralleli. L-istituzzjonijiet tal-UE u partijiet interessati oħrajn ibbażati fi Brussell, bħal organizzazzjonijiet umbrella tal-UE, jiġu mistiedna jkollhom rwol aktar attiv fis-seminars biex ikun faċilitat l-iskambju tal-aħjar prattika fl-Ewropa.

Is-seminars jiġu mxandra fuq l-internet b'mod dirett, sabiex il-pubbliku u l-membri tal-persunal tan-Netwerk madwar l-Ewropa jkunu jistgħu jsegwu l-proċedimenti. Is-suġġetti jintgħażlu b'mod li jiġbdu wkoll l-attenzjoni tal-ġurnalisti u multiplikaturi oħrajn, u bil-għan li titjieb il-viżibilità tal-ENO.

Minflok il-pubblikazzjoni tal-proċedimenti b'mod stampat fix-xhur wara kull avveniment, vidjows, diskorsi, u preżentazzjonijiet ser ikunu disponibbli immedjatament onlajn wara l-avveniment. It-taqsima "Events" ("avvenimenti") tal-Extranet ser tkun disponibbli għall-pubbliku u din ser tkun tinkludi kalendarju aċċessibbli pubblikament tal-avvenimenti kollha organizzati mhux biss mill-ENO, iżda anki minn netwerks u assoċjazzjonijiet oħrajn tal-ombudsman.

Ir-rinnovazzjoni tas-seminars ser iżżid bil-kbir l-impatt tagħhom fuq il-pubbliku ġenerali, il-membri tan-Netwerk u udjenzi speċjalizzati, bis-saħħa ta' għażla aktar strateġika tas-suġġetti, kif ukoll possibilitajiet akbar għal interazzjoni u diskussjoni.

Laqgħat immirati

Minbarra l-avvenimenti annwali tan-Netwerk fi Brussell, interazzjonijiet ulterjuri bejn gruppi iżgħar ta' uffiċċji tal-ombudsman jew kumitati għall-petizzjonijiet jistgħu jkunu ta' benefiċċju bl-għan li tiġi skambjata informazzjoni dwar investigazzjonijiet paralleli jew suġġetti oħrajn ta' interess reċiproku.

L-Ombudsman Ewropew għalhekk tipproponi l-esplorazzjoni tal-possibilità li jiġu organizzati regolarment vidjokonferenzi, webinars jew soluzzjonijiet oħrajn bħal dawn biex il-membri tan-Netwerks jitlaqqgħu fuq bażi aktar regolari. Dawn il-laqgħat immirati jistgħu, pereżempju, jikkonsistu minn investigaturi f'investigazzjonijiet paralleli bil-għan li jiġu skambjati rapporti dwar il-progress u li jiġu kkoordinati l-attivitajiet ta' komunikazzjoni. Jista' jsir użu aħjar tal-Extranet għal dawn il-laqgħat immirati, ladarba stabbiliti, biex tiġi skambjata l-informazzjoni.

L-iżvilupp ta' dawn il-laqgħat immirati għandu l-potenzjal li jżid ir-rilevanza tan-Netwerk għall-membri tal-persunal fl-istituzzjonijiet membri u li jiffaċilita l-kooperazzjoni. Għandu wkoll il-potenzjal li jadatta u li jevolvi biex jissodisfa bżonnijiet li jkunu qed jinbidlu, fejn hekk kif il-prijoritajiet jevolvu, jinħolqu, jiġu żviluppati, irtirati jew xolti l-gruppi.

Skambju ta' informazzjoni tan-Netwerk

L-iskambju ta' informazzjoni tan-Netwerk permezz tal-Extranet, l-Aħbarijiet ta' Kuljum tal-Ombudsman u l-Bullettin tal-ENO kif ukoll il-pubblikazzjonijiet tas-seminars huma s-sinsla tal-komunikazzjonijiet kollha tan-Netwerk. Madankollu, it-teknoloġiji qed javvanzaw, ir-riżorsi huma skarsi, u l-iskambju tal-informazzjoni elettronika qed jiżdied dejjem aktar.

L-Ombudsman Ewropew, għalhekk, tipproponi li tirriforma u timmodernizza l-mod kif il-membri tan-Netwerk jinteraġixxu u jiskambjaw l-informazzjoni u li tagħmel l-informazzjoni, fejn ikun xieraq, disponibbli b'mod pubbliku. Hi tixtieq ukoll ittejjeb l-għodod ta' komunikazzjoni tal-ENO sabiex tippermetti djalogu aktar dinamiku fost il-membri tal-ENO.

L-Extranet huwa l-għodda ewlenija fl-iskambju tal-informazzjoni tan-Netwerk u ser jiġi modernizzat biex isir użu aħjar mill-"forum", pereżempju fil-kuntest tal-investigazzjonijiet paralleli jew il-preparazzjoni tas-seminars. Barra minn hekk, l-Extranet għandu, fuq medda ta' żmien twil, isir sors ta' informazzjoni aktar pertinenti dwar il-liġi rilevanti tal-UE, l-aħjar prattika fl-uffiċċji tal-ombudsman u l-ġbir tal-informazzjoni dwar suġġetti ta' interess reċiproku.

Fuq tul ta' żmien medju, l-Extranet ser jinbidel f'sit web ġenwin tan-Netwerk b'taqsimiet pubbliċi u b'dawk li ser jibqgħu jkunu riżervati għall-membri tan-Netwerk.

L-iktar taqsima tal-Extranet li tinqara hija t-taqsima "News" ("Aħbarijiet"). L-Ombudsman Ewropew qed ittejjeb is-sistema tal-Aħbarijiet ta' Kuljum billi tagħmilha kompletament awtomatika. Dan ifisser li l-aħbarijiet kollha li ġew irċevuti permezz tal-RSS feeds mill-uffiċċji tal-ENO, fil-lingwi kollha disponibbli, ser jintwerew awtomatikament fl-Aħbarijiet ta' Kuljum. Min-naħa l-oħra, l-abbonati għall-Aħbarijiet ta' Kuljum sejrin ikunu jistgħu jagħżlu f'liema lingwa jixtiequ jirċievu l-aħbarijiet u minn liema pajjiżi u reġjuni.

Huwa ppjanat ukoll li tinfetaħ it-taqsima "News" ("Aħbarijiet") tal-Extranet u li l-pubbliku ġenerali jkun jista' jabbona għall-Aħbarijiet ta' Kuljum. Dan, imbagħad, għandu jżid il-viżibilità tal-attivitajiet tan-Netwerk.

L-Ombudsman Ewropew tipproponi wkoll xi riformi fir-rigward tal-Bullettin tal-ENO. Peress li l-Aħbarijiet ta' Kuljum modernizzata ser tiżgura li l-Membri tal-ENO jiġu aġġornati b'mod regolari dwar l-aħbarijiet topiċi tan-Netwerk, hija tipproponi li l-Bullettin trimestrali tal-ENO jiġi sostitwit b'Bullettin annwali, li jibda fl-2016. Dan il-Bullettin ser jinkludi fih rapporti dwar żviluppi ewlenin fin-Netwerk, inklużi r-riżultati ta' investigazzjonijiet paralleli, il-punti ewlenin mis-seminars tal-ENO u aħbarijiet pertinenti oħrajn. Dan ser jiġi mxerred b'mod elettroniku u magħmul disponibbli għall-pubbliku.

Domandi dwar il-liġi tal-UE

Minn meta nħoloq in-Netwerk, ħafna uffiċċji tal-ombudsman issottomettew domandi lill-Ombudsman Ewropew dwar kwistjonijiet relatati mal-liġi tal-UE li tqajmu matul investigazzjoni. Matul il-proċedura ta' domanda, fejn l-Ombudsman Ewropew tassisti lill-membri tan-Netwerk billi tikseb tweġibiet esperti mill-istituzzjonijiet tal-UE, ħafna investigazzjonijiet nazzjonali u reġjonali tal-ombudsman ġew solvuti b'tali mod li ma kienx ikun possibbli b'mod ieħor.

Madankollu, il-proċedura ta' domanda saret diffiċli u tieħu ħafna żmien. L-Ombudsman Ewropew, għalhekk, ser tirriforma l-proċedura internament billi tgħaġġilha għal riżultati aktar rapidi. Dan ifisser li l-uffiċċji tan-Netwerk jistgħu jissottomettu domandi kif għamlu fil-passat u jkunu żguri li jirċievu tweġiba fil-ħin sabiex jużawha fl-investigazzjonijiet tagħhom stess. L-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew għalhekk ser juża l-interazzjoni regolari tiegħu mal-istituzzjonijiet tal-UE b'mod aktar effiċjenti biex jikseb riżultati sodisfaċenti u f'ħinhom għan-Netwerk.

It-taqsima "Queries" ("Domandi") tal-Extranet ser tibqa' aċċessibbli biss għall-membri tan-Netwerk. Ir-risposti mill-istituzzjonijiet tal-UE għad-domandi dwar il-liġi tal-UE ser ikunu aċċessibbli għall-membri kollha tan-Netwerk. Eżempji ta' domandi b'suċċess jistgħu jiġu indikati fil-Bullettin il-ġdid tal-ENO.

Billi l-proċedura ssir aktar viżibbli u billi tingħata aktar informazzjoni dwar l-impatt pożittiv tagħha fuq l-uffiċċji tan-Netwerk, ir-rilevanza tagħha għall-ombudsmen u l-kumitati għall-petizzjonijiet tista' tiżdied ħafna.

Parteċipazzjoni fil-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni Ewropea dwar proposti leġiżlattivi

Il-Kummissjoni Ewropea regolarment tniedi konsultazzjonijiet pubbliċi dwar proposti leġiżlattivi u opzjonijiet ta' politika. Meta s-suġġett ikun jittratta d-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej, il-membri kollha interessati tan-Netwerk jistgħu jippreżentaw kontribuzzjoni konġunta, ibbażata fuq il-ħila esperta tal-membri fit-trattament tal-ilmenti u t-tħassib taċ-ċittadini. Dan jista' jsaħħaħ ulterjorment l-impatt u r-rwol tan-Netwerk fir-rigward tat-tfassil tal-politika tal-UE.

Sħubija ta' Gvern Miftuħ

L-Ombudsman Ewropew qed tkun involuta dejjem aktar mas-Sħubija ta' Gvern Miftuħ (OGP), u tinsab kuntenta li bosta membri tan-Netwerk ukoll ħadu l-inizjattiva sabiex jinvolvu ruħhom f'dan il-proġett importanti. Għoxrin Stat Membru tal-UE huma firmatarji sa issa. L-Ombudsman Ewropew tħeġġeġ lill-Ombudsmen f'dawk il-pajjiżi sabiex jinvolvu ruħhom fil-proċessi tal-OGP bħala intermedjarji ta' djalogu bejn is-soċjetà ċivili u l-gvern, bħala parti mill-istrutturi li jimmaniġġjaw l-OGP, jew billi jdaħħlu "asks" ("mistoqsijiet") konkreti fil-pjanijiet ta' azzjoni. Fit-tmien Stati Membri li mhumiex parti mill-OGP (l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, il-Polonja, il-Portugall u s-Slovenja), l-ombudsmen nazzjonali jew il-kumitati għall-petizzjonijiet jistgħu jkunu ingranaġġi importanti sabiex tinkiseb il-parteċipazzjoni. L-Ombudsman Ewropew ser tkompli tagħmel pressjoni fuq l-istituzzjonijiet tal-UE sabiex jiġi massimizzat l-aċċess miftuħ fil-livell tal-UE.

L-Ombudsman Ewropew tittama li l-membri kollha tan-Netwerk jikkunsidraw li jinvolvu ruħhom b'mod attiv fl-OGP. Dan is-suġġett jidher ideali biex jiġi diskuss f'wieħed mill-avvenimenti futuri tan-Netwerk.