Int għandek ilment kontra istituzzjoni jew korp tal-UE?

‘Fast-Track’ tal-Ombudsman Ewropew - Għajnuna għal aċċess iktar mgħaġġel ta’ dokumenti tal-UE

Proċedura Fast-Track tal-Ombudsman Ewropew għal ilmenti dwar aċċess għal dokumenti

Qed tiffaċċja diffikultà biex taċċessa dokument jew dokumenti miżmuma minn istituzzjoni jew korp tal-UE?

F’xi każijiet, l-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-UE għandhom id-dritt li ma jagħtux aċċess għal dokumenti tal-UE billi jibbażaw ruħhom fuq eċċezzjonijiet skont ir-regoli tal-UE dwar aċċess għal dokumenti. Jekk għaddejt mill-proċedura għal talba għal aċċess għal dokument u l-istituzzjoni jew il-korp tal-UE kkonfermat/kkonferma d-deċiżjoni tagħha/tiegħu li tirrifjuta/jirrifjuta aċċess kompletament jew parzjalment, inti tista’ tirrikorri għand l-Ombudsman Eworpew għall-għajnuna.

Biex tagħmel dan, jeħtieġ li tibgħat ilment lill-Ombudsman, billi ssegwi l-proċedura standard.

Peress li talbiet għal aċċess għal dokumenti pubbliċi spiss jiġu minn individwi jew organizzazzjonijiet li b’mod urġenti jeħtieġu li jaraw id-dokumenti, l-Ombudsman iddeċidiet li tintroduċi proċedura Fast-Track biex jiġu indirizzati dawn l-ilmenti dwar ‘aċċess għal dokumenti’.

Ladarba l-Ombudsman tikkonferma r-riċevuta ta’ lment, imbagħad tieħu deċiżjoni fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol rigward jekk tkunx tista’ tinvestiga l-ilment jew le. Dan jiddependi minn diversi fatturi, inkluż jekk ilment ikunx ammissibbli (pereżempju, jekk l-ilmentatur ikunx eżawrixxa l-proċedura biex jitlob dokumenti mill-korp tal-UE in kwistjoni) jew jekk l-ispjegazzjoni mogħtija dwar rifjut għal aċċess tkunx raġonevoli.

L-Ombudsman għandha l-għan li tieħu deċiżjoni dwar talbiet għal ‘aċċess għal dokumenti’ fi żmien 40 jum tax-xogħol (minn meta tirċievi l-ilment). Matul dan iż-żmien, hi tista’ tikkonsulta mal-istituzzjoni jew mal-korp in kwistjoni, u/jew tispezzjoni d-dokumenti in kwistjoni.

Jekk l-Ombudsman issib li l-istituzzjoni jew il-korp tal-UE kienet/kien żbaljata/żbaljat meta rrifjutat/rrifjuta aċċess għad-dokument(i) hi tista’ tirrakkomanda li din/dan tagħti/jagħti minnufih aċċess sħiħ jew parzjali għad-dokumenti in kwistjoni. Għalkemm ir-rakkomandazzjonijiet tagħha mhumiex legalment vinkolanti, l-Ombudsman tistenna li dawn jiġu aċċettati.

Jekk l-istituzzjoni jew il-korp tal-UE ma tikkonformax/jikkonformax mar-rakkomandazzjonijiet tagħha, hi tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament Ewropew b’Rapport Speċjali.

Ikkonsulta internal review of the Fast-Track procedure fil-prattika (ippubblikat fl-24 ta 'Frar 2021).