- Eksportuoti į PDF
- Trumpoji nuoroda į šį puslapį
- Publikuoti šį puslapįTwitterFacebookLinkedin
Rapport Speċjali mill-Ombudsman Ewropew lill-Parlament Ewropew wara l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni lill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea dwar l-ilment 2395/2003/GG
Specialioji ataskaita
Byla 2395/2003/GG - Atidaryta Ketvirtadienis | 18 gruodžio 2003 - Rekomendacijos Antradienis | 09 lapkričio 2004 - Specialioji ataskaita Ketvirtadienis | 18 gruodžio 2003 - Sprendimas Pirmadienis | 17 spalio 2005
(Skond l-Artikolu 3 (7) ta' l-Istatut ta' l-Ombudsman Ewropew[1])
Fil-qosor
Dan ir-rapport speċjali jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-Kunsill għandux jiltaqa' pubblikament kull meta jaġixxi f'kapaċità leġiżlattiva. L-inkjesta ta' l-Ombudsman dwar din il-kwistjoni tirriżulta minn ilment li sar f'Diċembru 2003. Fil-preżent, il-kwistjoni ta' jekk il-laqgħat tal-Kunsill fil-kapaċità leġiżlattiva tiegħu jsirux b'mod pubbliku hija limitata skond ir-Regoli tal-Proċedura interni tal-Kunsill. Għaldaqstant, kull ma jrid isir sabiex dawn il-laqgħat jinfetħu għall-pubbliku hu li l-Kunsill jemenda r-Regoli tal-Proċedura tiegħu. Fil-fehma ta' l-Ombudsman, in-nuqqas tal-Kunsill li jagħmel dan jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina. Din is-sejba hija bbażata fuq dawn il-konsiderazzjonijiet: (a) l-Artikolu 1 (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali illi l-Kunsill u l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħrajn tal-Komunità għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet "bil-miftuħ kemm jista' jkun possibbli" u (b) il-Kunsill ma ppreżenta ebda raġuni valida li tispjega għalfejn ma jistax jemenda r-Regoli tal-Proċedura tiegħu bil-għan li l-laqgħat relevanti jinfetħu għall-pubbliku.
Il-Kunsill kien tal-fehma illi l-Artikolu 1 (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jindika biss illi l-Unjoni tal-ġejjieni għandha tkun kemm jista' jkun qrib iċ-ċittadin, iżda fil-ħin meta ġie abbozzat it-Trattat dwar l-UE dan kien għadu mhux possibbli. Madanakollu, fir-rigward tal-proċess lejn il-kisba ta' dan l-għan, il-ħin huwa fattur importanti. L-Ombudsman għaldaqstant jidhirlu illi l-analiżi ma tistax tkun limitata għad-dispożizzjonijiet li ddaħħlu mit-Trattat ta' Amsterdam iżda għandha tikkunsidra wkoll żviluppi li seħħu wara. F'dan il-kuntest, huwa importanti li wieħed jinnota illi l-Kunsill innifsu, fir-Regoli ta' Proċedura ġodda adottati fis-sena 2000, introduċa regoli li jipprovdu għal laqgħat aktar bil-miftuħ meta jiltaqa' fil-kapaċità ta' leġiżlatur. Fil-fehma ta' l-Ombudsman, il-Kunsill għaldaqstant għamilha ċara illi kellhom jittieħdu u setgħu jittieħdu passi sabiex tiżdied it-trasparenza ta' l-attività leġiżlattiva tiegħu. L-adozzjoni tar-Regoli tal-Proċedura ġodda fis-sena 2000 tikkonferma wkoll illi dan kien u huwa possibbli taħt il-liġi tal-Komunità kif tinsab fil-preżent.
L-ilmentaturi fil-każ preżenti rreferew għal dispożizzjoni fit-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, li tgħid illi l-Kunsill għandu jiltaqa' fil-pubbliku meta jkun qed jiddiskuti u jivvota dwar abbozz ta' att leġiżlattiv (Artikolu 50 (2) tat-Trattat). Sabiex jiġi evitat kull dubju, għandu jiġi osservat illi r-rapport speċjali ta' l-Ombudsman huwa bbażat fuq it-Trattati eżistenti u l-liġi tal-Komunità kif tinsab fil-preżent, u mhux fuq it-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa.
L-ilment
Il-każ ta' l-ilmentaturi
F'Diċembru 2003, l-ilmentaturi, li kienu MPE tal-partit politiku Ġermaniż CDU ("Christlich Demokratische Union Deutschlands"), u rappreżentant tal-grupp taż-żgħażagħ ta' l-istess partit, ressqu ilment quddiem l-Ombudsman dwar il-fatt illi l-laqgħat tal-Kunsill meta jaġixxi fil-kapaċità leġiżlattiva tiegħu jsiru b'mod pubbliku biss sal-limitu stabbilit mill-Artikoli 8 u 9 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2002[2] (ĠU 2002 nru L 230, p. 7).
Komunikazzjoni bejn l-ilmentaturi u l-Kunsill
Fit-18 ta' Settembru 2003, l-ilmentaturi indirizzaw ittra miftuħa lill-Kunsill dwar din il-kwistjoni.
Fid-19 ta' Novembru 2003, is-Sur Solana, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, wieġeb l-ittra miftuħa ta' l-ilmentaturi f'isem il-Kunsill. Is-Sur Solana ikkummenta illi l-Artikolu 8 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill jirrifletti l-kompromess li kien intlaħaq fil-Kunsill Ewropew f'Sevilja. Huwa kompla biex jgħid illi d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill qabel ma jittieħed vot dwar atti leġiżlattivi kienu diġà pubbliċi u huma disponibbli għall-pubbliku interessat permezz ta' mezzi awdjoviżivi. Is-Sur Solana stqarr ukoll illi l-istess japplika għall-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta' l-aktar proposti leġiżlattivi importanti tagħha u d-dibattitu relatat fi ħdan il-Kunsill. Barra minn hekk, kważi d-dokumenti kollha relatati ma' l-attività leġiżlattiva tal-Kunsill kienu aċċessibbli fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001. Is-Sur Solana qal ukoll illi l-ftuħ tad-deliberazzjonijiet leġiżlattivi kollha tal-Kunsill għall-pubbliku kienet (kif jidher mid-deliberazzjonijiet tal-Konvenzjoni) kwistjoni li kisbet l-akbar appoġġ u li l-proposta ta' l-ilmentaturi għaldaqstant għandha terġa' tiġi diskussa fil-kuntest tat-tħejjija ta' l-implimentazzjoni tat-Trattat il-ġdid li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa.
L-argumenti ta' l-ilmentaturi
Fl-ilment tagħhom lill-Ombudsman, l-ilmentaturi ressqu dawn l-argumenti:
L-ilmentaturi osservaw illi l-Kunsill huwa, flimkien mal-Parlament Ewropew, il-korp leġiżlattiv ta' l-Unjoni Ewropea. Huma stqarru illi d-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Kunsill jaffettwaw il-ħajjiet taċ-ċittadini ta' l-Ewropa. Minkejja din l-importanza ċentrali tal-Kunsill, il-Kunsill jiltaqa' b'mod pubbliku biss f'każijiet eċċezzjonali u b'mod limitat.
L-ilmentaturi kkummentaw illi l-Artikolu 49 (2) ta' l-Abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa li ġie mħejji mill-Konvenzjoni fl-2003 jgħid hekk:
"Il-laqgħat tal-Parlament Ewropew huma pubbliċi, kif ukoll dawk tal-Kunsill tal-Ministri meta dan ikun qiegħed jiddiskuti u jadotta proposta leġiżlattiva."
Fil-fehma ta' l-ilmentaturi, għadd konsiderevoli ta' raġunijiet legali u politiċi jsaħħu l-argument illi għandu jkun possibbli li l-Kunsill jiltaqa' b'mod pubbliku minn issa.
L-ilmentaturi rrimarkaw illi s-seduti pubbliċi tal-Kunsill meta jaġixxi bħala leġiżlatur għandhom f'kull każ isiru l-prassi meta l-kostituzzjoni l-ġdida tidħol fis-seħħ. Huma sostnew illi r-riżultat li nkiseb mill-Konvenzjoni kif ukoll ir-reazzjonijiet fuq livell Ewropew u nazzjonali ma jħallu ebda dubju illi hemm qbil sod fl-Ewropa illi l-Kunsill għandu jiltaqa' b'mod pubbliku, billi dan isaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fid-deċiżjonijiet li jittieħdu fi Brussell.
Huma argumentaw ukoll illi l-prassi preżenti tal-Kunsill m'hijiex konformi ma' l-għan stabbilit fl-Artikolu 1 (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ("TUE") li jgħid illi d-deċiżjonijiet fl-UE għandhom "jittieħdu bil-miftuħ kemm jista' jkun possibbli u viċin kemm jista' jkun taċ-ċittadini". Skond l-ilmentaturi, it-trasparenza ta' l-attività ta' l-UE illum għandha titqies bħala prinċipju ġenerali tal-liġi li għandu jkun rifless fir-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill.
L-ilmentaturi argumentaw ukoll illi l-esklużjoni tal-pubbliku ma sservi ebda skop ta' grad ogħla. Skond dawn, l-esklużjoni tal-pubbliku tipproteġi biss lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri mis-sorveljanza mill-qrib tal-pubbliku Ewropew, u din għandha biss effetti negattivi għall-integrazzjoni Ewropea u għaċ-ċittadini.
Skond l-ilmentaturi, ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill għaldaqstant għandhom jiġu emendati sabiex jiġi żgurat illi meta l-Kunsill jaġixxi f'kapaċità leġiżlattiva jiltaqa' dejjem b'mod pubbliku.
L-inkjesta
L-opinjoni tal-Kunsill
L-Ombudsman bagħat l-ilment lill-Kunsill għall-opinjoni tiegħu.
Fl-opinjoni li ppreżenta, il-Kunsill għamel dawn il-kummenti:
Il-prinċipju ta' ftuħ stabbilit, inter alia, fl-Artikolu 1 (2) TUE huwa ta' mportanza kbira. Madanakollu, din id-dispożizzjoni hija miktuba f'termini ġenerali u b'hekk tissuġġerixxi li dan huwa għan aktar milli regola assoluta. Il-lingwaġġ ta' din id-dispożizzjoni huwa programmatiku, kif jidher ċar mill-frażi "jimmarka fażi ġdida fil-proċess tal-ħolqien ta' unjoni dejjem eqreb tal-popli ta' l-Ewropa".
Il-prassi preżenti tal-Kunsill fir-rigward tal-pubbliċità tal-laqgħat tiegħu hija skond ir-Regoli ta' Proċedura tiegħu. Jidher illi l-ilmentaturi qed jargumentaw illi r-Regoli ta' Proċedura nfushom jikkostitwixxu każ ta' amministrazzjoni ħażina. Madanakollu, l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura (li l-bażi legali tagħhom tinsab direttament fl-Artikolu 207 (3) tat-Trattat tal-KE) hija kwistjoni politika u istituzzjonali. L-Artikoli 8 u 9 tar-Regoli ta' Proċedura kienu ġew emendati wara li kien intlaħaq kompromess bejn l-Istati Membri fil-Kunsill Ewropew ta' Sevilja f'Ġunju 2002.
L-Abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa jipprovdi illi l-Kunsill għandu jiltaqa' fil-pubbliku meta jkun qed jeżamina u jadotta proposti leġiżlattivi. Jidher illi l-fatt stess illi din id-dispożizzjoni ġiet inkluża fil-kostituzzjoni (abbozz) jikkonferma illi l-kwistjoni m'hijiex waħda ta' amministrazzjoni ħażina jew prassi amministrattiva, iżda hija kwistjoni legali u politika li tmur lil hinn mill-mandat ta' l-Ombudsman.
Il-Kunsill ġibed ukoll l-attenzjoni għall-arranġamenti eżistenti għall-għoti ta' tagħrif lill-pubbliku dwar l-attivitajiet leġiżlattivi tal-Kunsill, inkluża l-possibilità li jinkiseb aċċess għad-dokumenti skond ir-Regolament 1049/2001.
Fil-kuntest hawn fuq imfisser, il-Kunsill issottometta li ma kien hemm ebda amministrazzjoni ħażina u li l-kwistjoni mressqa mill-ilmentaturi tmur lil hinn mill-mandat ta' l-Ombudsman.
L-osservazzjonijiet ta' l-ilmentaturi
Fl-osservazzjonijiet tagħhom, l-ilmentaturi baqgħu jsostnu l-ilment tagħhom. Huma ssottomettew illi l-fatt li l-Artikolu 1 (2) TUE jistabbilixxi għan miktub b'mod ġenerali u mhux bħala regola assoluta m'għandux jimpedixxi t-talba tagħhom milli l-laqgħat tal-Kunsill jsiru b'mod pubbliku. L-ilmentaturi argumentaw illi, għall-kuntrarju, mit-tifsira programmatika ta' din id-dispożizzjoni u mill-għan illi d-deċiżjonijiet jittieħdu "kemm jista' jkun" bil-miftuħ isegwi illi huwa obbligatorju li dan il-prinċipju jiġi mwettaq fil-prattika. Għal korp leġiżlattiv bħall-Kunsill, il-laqgħat pubbliċi huma l-forma klassika tat-teħid tad-deċiżjonijiet bil-miftuħ, kif fil-fatt isir fil-korpi leġiżlattivi ta' l-Istati Membri kollha ta' l-Unjoni.
Is-setgħa li jorganizza l-kwistjonijiet interni tiegħu ma teżonerax lill-Kunsill mid-dmir tiegħu li jirrispetta u jġib 'il quddiem il-prinċipji ta' l-Unjoni. Il-mod kif ir-Regoli ta' Proċedura kienu attwalment abbozzati u l-implimentazzjoni tagħhom għaldaqstant jistgħu jmorru kontra prinċipji ta' grad ogħla u b'hekk jikkostitwixxu każ ta' amministrazzjoni ħażina.
Skond l-ilmentaturi, il-konklużjoni tal-ħidma fuq l-Abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa timmarka żvilupp kwalitattivament ġdid fir-rigward tal-prinċipju tan-natura pubblika tal-laqgħat tal-Kunsill meta jaġixxi bħala leġiżlatur. Dan il-prinċipju għandu jsir prinċipju ġenerali tal-liġi sa mhux aktar tard minn meta tiġi adottata l-kostituzzjoni mill-kapijiet ta' l-istat u tal-gvern ta' l-Istati Membri.
Inkjesti ulterjuri
Wara li ġew ikkunsidati bir-reqqa l-opinjoni tal-Kunsill u l-osservazzjonijiet ta' l-ilmentatur, deher illi kienu meħtieġa inkjesti ulterjuri.
Talba għal aktar informazzjoni
L-Ombudsman għaldaqstant kiteb lill-Kunsill lejn l-aħħar ta' Ġunju ta' l-2004. F'din l-ittra, l-Ombudsman innota illi l-Artikolu 49 (2) ta' l-Abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, kien ġie inkluż ukoll fit-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa li kien ġie aċċettat mill-Kunsill Ewropew li sar fi Brussell xi ftit jiem qabel. L-Ombudsman irrimarka illi għalkemm dan it-trattat kien għadu ma ġiex ratifikat mill-Istati Membri, kien ġie aċċettat mill-Istati Membri kollha. Huwa osserva wkoll illi r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill ġew adottati mill-Kunsill, jiġifieri mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri.
Fil-kuntest hawn fuq imsemmi, l-Ombudsman saqsa lill-Kunsill biex jinfurmah dwar x'ostakli seta' jara, jekk dawn jeżistu, għall-implimentazzjoni tal-bidla fir- Regoli ta' Proċedura tiegħu kif mitlub mill-ilmentaturi, issa li t-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, inkluża d-dispożizzjoni hawn fuq imsemmija, kien ġie aċċettat mill-Istati Membri.
Ir-risposta tal-Kunsill
Fir-risposta, il-Kunsill reġa' saħaq dwar l-importanza li huwa jagħti lill-kwistjoni tat-trasparenza. Il-Kunsill osserva illi t-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa kien għadu ma ġiex ratifikat mill-Istati Membri. Huwa kompla biex jgħid illi l-fatt stess illi d-dispożizzjoni relevanti kienet iddaħħlet fil-Parti I tat-Trattat Kostituzzjonali juri illi l-kwistjoni mressqa mill-ilmentaturi kienet waħda politika u kostituzzjonali u mhux waħda ta' amministrazzjoni ħażina.
Fil-konklużjoni tiegħu, il-Kunsill reġa' sostna l-pożizzjoni tiegħu illi ma kien hemm ebda amministrazzjoni ħażina billi huwa kien aġixxa b'konformità sħiħa mar-regoli pertinenti fis-seħħ.
L-osservazzjonijiet ta' l-ilmentaturi
Ebda osservazzjonijiet ma ngħataw mill-ilmentaturi.
L-abbozz ta' rakkomandazzjoni ta' l-Ombudsman
L-abbozz ta' rakkomandazzjoni
Fid-9 ta' Novembru 2004, l-Ombudsman indirizza dan l-abbozz ta' rakkomandazzjoni lill-Kunsill, skond l-Artikolu 3 (6) ta' l-Istatut ta' l-Ombudsman Ewropew:
"Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea għandu jirrevedi r-rifjut tiegħu milli jiddeċiedi li jiltaqa' pubblikament kull meta jaġixxi f'kapaċità leġiżlattiva."
L-Ombudsman Ewropew ta r-raġunijiet li ġejjin għall-abbozz ta' rakkomandazzjoni:
1 L-isfera ta' kompetenza tal-mandat ta' l-Ombudsman
1.1 L-Artikolu 195 tat-Trattat tal-KE jagħti lill-Ombudsman il-mandat li jeżamina każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attività ta' l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità. It-Trattat ma jagħtix definizzjoni tat-terminu 'amministrazzjoni ħażina'. Fir-Rapport Annwali tiegħu għall-1997[3], u bi tweġiba għal sejħa għal kjarifika mill-Parlament Ewropew, l-Ombudsman ippropona din id-definizzjoni: "L-amministrazzjoni ħażina sseħħ meta korp pubbliku jonqos milli jaġixxi b'mod konformi ma' regola jew prinċipju li bih ikun marbut." Din id-definizzjoni ntlaqgħat tajjeb mill-Parlament Ewropew[4].
1.2 Fuq il-bażi ta' dak li ntqal hawn fuq, l-Ombudsman kien tal-fehma illi l-fatt li l-prassi preżenti tal-Kunsill kienet konformi mar-regoli fis-seħħ li l-Kunsill stess kien adotta, ma jfissirx illi ma jistax ikun hemm każ ta' amministrazzjoni ħażina. Miżura adottata minn istituzzjoni jew korp tal-Komunità xorta waħda tista' tikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina jekk ma tkunx konformi ma' prinċipju li jorbot lill-istituzzjoni jew korp.
1.3 Il-Kunsill jidher illi ressaq l-argument illi l-mod kif jiftaħ il-laqgħat tiegħu ta' kapaċità leġiżlattiva għall-pubbliku hija deċiżjoni politika li tmur lil hinn mill-mandat ta' l-Ombudsman. L-Ombudsman jaċċetta illi l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill fuq il-bażi ta' l-Artikolu 207 (3) tat-Trattat tal-KE hija kwistjoni politika u istituzzjonali li għandha tiġi deċiża mill-Kunsill innifsu. Madanakollu, l-ilment preżenti ma jirrigwardax il-mod kif il-Kunsill jorganizza l-proċeduri interni tiegħu, iżda l-kwistjoni ta' jekk il-pubbliku jistax jiġi eskluż mil-laqgħat tal-Kunsill fil-kapaċità leġiżlattiva tiegħu. Kif l-ilmentaturi osservaw b'mod korrett, jidher illi l-korpi leġiżlattivi fl-Istati Membri kollha ta' l-Unjoni Ewropea jiltaqgħu b'mod pubbliku. L-Artikolu 1 (2) TUE jistipula illi d-deċiżjonijiet fl-Unjoni għandhom jittieħdu "bil-miftuħ kemm jista' jkun possibbli". F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-Ombudsman kien tal-fehma illi l-Kunsill ma kienx stabbilixxa illi l-kwistjoni ta' l-aċċess tal-pubbliku għal-laqgħat tiegħu kienet waħda purament politika, u li għaldaqstant m'għandha tkun soġġetta għal ebda eżaminazzjoni.
1.4 Il-Kunsill argumenta wkoll illi l-fatt innifsu li dispożizzjoni bħall-Artikolu 49 (2) kienet iddaħħlet fil-Parti I ta' l-Abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa juri illi l-kwistjoni li tressqet mill-ilmentaturi kienet waħda politika u kostituzzjonali aktar milli waħda ta' amministrazzjoni ħażina. L-Ombudsman ma kienx konvint b'dan l-argument. Huwa ta' importanza fundamentali għaċ-ċittadini li jkunu jistgħu jinfurmaw ruħhom dwar l-attività tal-korpi leġiżlattivi. L-aħjar mod kif dan jista' jinkiseb huwa mingħajr dubju li d-dibattiti ta' dawn il-korpi leġiżlattivi jkunu miftuħa għall-pubbliku. Fil-kuntest ta' l-importanza tal-prinċipju tat-trasparenza f'dan il-qasam, m'hi ebda sorpriża li dispożizzjoni li tikkristallizza dan il-prinċipju ġiet inkluża l-ewwel fl-Abbozz ta' Trattat Kostituzzjonali u wara fit-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa li ġie adottat mill-Istati Membri fil-Kunsill Ewropew ta' Brussell f'Ġunju 2004.[5]
1.5 Sabiex tiġi evitata kull possibilità ta' nuqqas ta' ftehim, l-Ombudsman deherlu illi jkun utli li jingħad ukoll illi l-ilment preżenti ma jirrigwardax l-attività leġiżlattiva tal-Kunsill fiha nnifisha, iżda l-kwistjoni dwar jekk il-laqgħat tal-Kunsill waqt li jaġixxi fil-kapaċità leġiżlattiva tiegħu għandhomx ikunu pubbliċi.
1.6 Fuq il-bażi ta' dak imsemmi hawn fuq, l-Ombudsman kien tal-fehma illi l-kwistjoni mressqa fl-ilment preżenti taqa' taħt il-mandat mogħti lilu mill-Artikolu 195 tat-Trattat tal-KE.
2 In-nuqqas ta' ftuħ tal-laqgħat tal-Kunsill meta jaġixxi bħala leġiżlatur
2.1 L-ilmentaturi bażikament allegaw illi l-prassi preżenti tal-Kunsill li ma jiftaħx għall-pubbliku l-laqgħat kollha li huwa jkollu fil-kapaċità leġiżlattiva tiegħu m'hijiex konformi ma' l-għan stabbilit fl-Artikolu 1 (2) TUE, li jgħid illi d-deċiżjonijiet fl-UE għandhom "jittieħdu bil-miftuħ kemm jista' jkun possibbli u viċin kemm jista' jkun taċ-ċittadini".
2.2 Il-Kunsill qabel li l-prinċipju tal-ftuħ stabbilit inter alia fl-Artikolu 1 (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea huwa ta' importanza kbira. Huwa stqarr, madanakollu, illi din id-dispożizzjoni kienet miktuba f'termini ġenerali u tissuġġerixxi illi dan kien għan aktar milli regola assoluta u li l-lingwaġġ ta' din id-dispożizzjoni kien programmatiku. Il-Kunsill għaldaqstant kien tal-fehma illi l-prassi preżenti kif stabbilita fl-Artikoli 8 u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu ma jikkostitwux amministrazzjoni ħażina.
2.3 L-Ombudsman qabel illi l-Artikolu 1 (2) TUE ma jinkludix regola preċiża iżda prinċipju ġenerali. Il-fatt jibqa', madanakollu, illi din id-dispożizzjoni tagħti direzzjoni ċara lill-istituzzjonijiet u l-korpi biex jaraw illi d-deċiżjonijiet kollha fil-livell ta' l-UE jittieħdu bil-miftuħ "kemm jista' jkun possibbli " . L-Ombudsman għaldaqstant kien tal-fehma illi għandu jiġi vverifikat jekk il-ftuħ tal-laqgħat kollha tal-Kunsill li jaġixxi fil-kapaċità leġiżlattiva tiegħu huwiex possibbli, u jekk iva, jekk hemmx madanakollu raġunijiet tajbin biex dan ma jsirx.
2.4 L-Ombudsman osserva illi, kif il-Kunsill stess kien saħaq, xi wħud mil-laqgħat tal-Kunsill waqt li jaġixxi fil-kapaċità leġiżlattiva tiegħu kienu diġà pubbliċi skond ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 8 u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill. Dawn ir-Regoli ta' Proċedura huma adottati mill-Kunsill innifsu, jiġifieri minn korp kompost minn rappreżentant ta' kull Stat Membru (Artikolu 203 tat-Trattat tal-KE). L-Ombudsman osserva illi f'Ottubru 2004, l-Istati Membri ta' l-UE ffirmaw dispożizzjoni espliċita li tgħid illi l-Kunsill għandu jiltaqa' b'mod miftuħ għall-pubbliku meta jkun qed jiddelibera u jivvota dwar abbozz ta' att leġiżlattiv. Għalkemm dan it-trattat kien għadu ma ġiex ratifikat mill-Istati Membri kollha skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom, l- Ombudsman deherlu illi l-fatt stess illi r-rappreżentanti ta' l-Istati Membri ħassew li kienu kapaċi jaqblu dwar dispożizzjoni bħal din, jindika li jkun possibbli li l-laqgħat relevanti tal-Kunsill jinfetħu għall-pubbliku minn issa. Madanakollu l-Ombudsman ma setgħax jelimina l-possibilità li seta' kien hemm xi konsiderazzjonijiet li ma ġewx meqjusa u li jistgħu jkunu relevanti f'dan il-kuntest, u għaldaqstant huwa kiteb lill-Kunsill f'Ġunju 2004 fejn talbu jinfurmah jekk hemmx xi ostakli għall-implimentazzjoni tal-bidla tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu kif mitlub mill-ilmentaturi. Fit-tweġiba tiegħu, il-Kunsill ma rrefera għal ebda ostaklu ta' din ix-xorta. L-Ombudsman għaldaqstant ikkunsidra illi huwa possibbli għall-Kunsill li jiddeċiedi li l-pubbliku għandu jitħalla jattendi għal-laqgħat tiegħu f'kapaċità leġiżlattiva, ħlief jekk ikun hemm raġunijiet tajbin biex dan ma jsirx.
2.5 L-Ombudsman eżamina b'reqqa l-argumenti mressqa mill-Kunsill. Madanakollu, il-Kunsill ma rrefera għal ebda prinċipju jew għan ta' grad ogħla li jagħtuh il-jedd li jirrifjuta li jiftaħ il-laqgħat tiegħu f'kapaċità leġiżlattiva għall-pubbliku. Għall-kuntrarju, l-Ombudsman innota illi l-Kunsill kien saħaq dwar l-importanza kbira li huwa jagħti lill-kwistjoni tat-trasparenza. Fl-ittra tiegħu lill-ilmentaturi tad-19 ta' Novembru 2003, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill kien aċċetta illi l-ftuħ tad-deliberazzjonijiet leġiżlattivi tal-Kunsill għall-pubbliku kienet kwistjoni li għandha l-akbar appoġġ.
2.6 Fl-opinjoni tiegħu, il-Kunsill irrefera għall-arranġamenti eżistenti għall-għoti ta' tagħrif lill-pubbliku dwar l-attivitajiet leġiżlattivi tal-Kunsill, inkluża l-possibilità li jinkiseb aċċess għad-dokumenti taħt ir-Regolament 1049/2001. L-Ombudsman kien tal-fehma illi dawn l-arranġamenti, għalkemm huma importanti u ta' min wieħed ifaħħarhom, m'humiex relevanti għall-inkjesta preżenti li tirrigwarda l-aċċess għal-laqgħat tal-Kunsill, u mhux l-informazzjoni dwar dawn il-laqgħat.
3 Konklużjoni
Fil-kuntest ta' dak li ntqal aktar 'il fuq, l-Ombudsman ikkonkluda illi l-fatt li l-Kunsill irrifjuta li jiddeċiedi li jiltaqa' pubblikament meta jaġixxi fil-kapaċità leġiżlattiva tiegħu, mingħajr ma ta raġunijiet tajbin għal dan ir-rifjut, jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina.
L-opinjoni dettaljata tal-Kunsill
Wara li rċieva l-abbozz tar-rakkomandazzjoni, u skond l-Artikolu 3 (6) ta' l-Istatut ta' l-Ombudsman Ewropew, il-Kunsill bagħat opinjoni dettaljata fis-17 ta' Frar 2005.
Fl-opinjoni dettaljata tiegħu, il-Kunsill għamel dawn il-kummenti:
L-Artikolu 2 (1) ta' l-Istatut ta' l-Ombudsman jiddefinixxi l-mandat ta' l- Ombudsman bħala l-kxif ta' amministrazzjoni ħażina fl-"attivitajiet" ta' l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità. Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Komunità ma kienux fihom infushom "attività" tal-Kunsill iżda jirregolaw il-mod kif il-Kunsill jeżerċita l-attivitajiet tiegħu.
Il-Kunsill ma setgħax jaqbel mad-distinzjoni li saret mill-Ombudsman bejn il-mod kif il-Kunsill jorganizza l-proċeduri interni tiegħu u l-fatt illi l-pubbliku ma jitħalliex jidħol għal-laqgħat kollha tal-Kunsill li għandhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet leġiżlattivi. Fil-fatt, il-grad ta' pubbliċità tal-laqgħat tal-Kunsill kien kwistjoni ta' għażla politika meħuda mill-Kunsill meta jorganizza l-proċeduri interni tiegħu. L-organizzazzjoni tax-xogħol tal-Kunsill kienet kwistjoni ta' importanza kbira għall-membri tiegħu. Il-fatt illi d-dispożizzjonijiet preżenti huma r-riżultat ta' deċiżjoni politika mill-Kunsill Ewropew - l-ogħla korp politiku fi ħdan l-UE - minnu nnifsu juri s-sensittività politika ta' din il-kwistjoni.
Il-Kunsill b'hekk baqa' tal-fehma illi l-ilment preżenti jmur lil hinn mill-mandat ta' l-Ombudsman.
L-Artikolu 1 (2) TUE jgħid illi "[d]an it-Trattat jimmarka fażi ġdida fil-proċess tal-ħolqien ta' unjoni dejjem eqreb tal-popli ta' l-Ewropa, li fiha deċiżjonijiet jittieħdu bil-miftuħ kemm jista' jkun possibbli u viċin kemm jista' jkun taċ-ċittadini" (emfasi miżjuda). Ir-raġunament ta' l-Ombudsman jidher li huwa bbażat fuq il-preżunzjoni inkorretta illi l-kliem emfasizzat huwa superfluwu. L-Artikolu 1 (2) m'huwiex direttament applikabbli. B'mod aktar importanti, permezz tal-kliem li tuża, din id-dispożizzjoni hija ta' natura programmatika. Dan il-kliem fih innifsu ma jippermettix illi l-qafas legali li fi ħdanu jopera l-Kunsill jiġi ġġudikat taħt l-Artikolu 1 (2); l-aktar nett, jindika illi l-Unjoni tal-ġejjieni għandha tkun kemm jista' jkun miftuħa, iżda li fil-ħin ta' l-abbozzar tat-Trattat ta' l-UE dan kien għadu mhux possibbli.
Tabilħaqq, l-Artikolu 3 TUE jgħid illi "[l]-Unjoni għandha tinqeda b'qafas istituzzjonali wieħed li għandu jassigura l-konsistenza u l-kontinwità ta' l-attivitajiet li teżerċita sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-miri tagħha filwaqt li tirrispetta u tibni fuq l-acquis communautaire."
L-Artikolu 207 (3) tat-Trattat tal-KE jgħid hekk:
" Il-Kunsill għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu.
Għall-iskopijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 255(3), il-Kunsill għandu jelabora f'dawn ir-Regoli l-kondizzjonijiet li bihom il-pubbliku għandu jkollu aċċess għad-dokumenti tal-Kunsill. Għall-iskopijiet ta' dan il-paragrafu, il-Kunsill għandu jiddefenixxi l-każijiet li fihom għandu jitqies li jkun jaġixxi fil-kapaċità leġiżlattiva tiegħu, bil-ħsieb li jħalli aċċess akbar għad-dokumenti f'dawk il-każijiet, waqt li fl-istess ħin jippreżerva l-effettività tiegħu fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet. F'kull każ, meta l-Kunsill jaġixxi fil-kapaċita' leġiżlattiva tiegħu, ir-riżultati tal-voti u l-ispjegazzjoni tal-voti kif ukoll l-istqarrijiet fil-minuti għandhom isiru pubbliċi."
L-Artikolu 1 (2) TUE m'huwiex superjuri għall-Artikolu 207 tat-Trattat tal-KE. It-tnejn huma dispożizzjonijiet ta' liġi primarja tal-Komunità. Tabilħaqq, billi l-Artikolu 1 (2) ma jistabbilixxix prinċipju li jirregola l-liġi preżenti iżda jiddikjara għan ġenerali fit-tul, ma jistax jirbaħ fuq il-lingwaġġ espliċitu u ċar ta' l-Artikolu 207.
Barra dan, il-kliem preżenti kemm ta' l-Artikolu 1 (2) TUE kif ukoll ta' l-Artikolu 207 (3) tat-Trattat tal-KE imur lura għat-Trattat ta' Amsterdam, li juri illi l-Artikolu 1 (2) ma jirriflettix pożizzjoni aktar reċenti mill-Artikolu 207 (3). Għall-kuntrarju, l-Artikolu 207 (3) huwa r-riflessjoni prattika - sa fejn jirrigwarda l-operazzjonijiet tal-Kunsill - ta' kemm l-awturi tat-Trattati ħassew illi l-għan stabbilit fl-Artikolu 1 (2) seta' jitressaq 'il quddiem.
Il-Kunsill ikkonkluda billi qal illi għaldaqstant huwa kien konvint illi r-Regoli ta' Proċedura tiegħu ma jikkostitwux każ ta' amministrazzjoni ħażina.
L-osservazzjonijiet ta' l-ilmentaturi
Fl-osservazzjonijiet tagħhom, l-ilmentaturi baqgħu jsostnu l-ilment tagħhom u ressqu dawn il-kummenti ulterjuri:
Kien minnu illi kemm l-Artikolu 1 (2) TUE u l-Artikolu 207 (3) tat-Trattat tal-KE huma dispożizzjonijiet ta' liġi primarja tal-Komunità li jinsabu fuq l-istess livell fir-rigward tal-ġerarkija ta' liġijiet. L-Artikolu 1 (2) TUE għaldaqstant ma jieħux preċedenza fuq l-Artikolu 207 (3) tat-Trattat tal-KE.
Madanakollu, l-Artikolu 1 (2) TUE għandu effetti legali għall-Unjoni, billi huwa "prinċipju" legalment vinkolanti ta' l-UE. Għaldaqstant il-ħtieġa li d-deċiżjonijiet jittieħdu "bil-miftuħ kemm jista' jkun possibbli" kellha tiġi meqjusa fir-rigward ta' kull deċiżjoni meħuda mill-UE. Id-dmir ta' l-istituzzjonijiet li jadottaw il-prinċipju ta' ftuħ fid-deċiżjonijiet tagħhom iġib miegħu d-dmir li jirrevedu r-regoli proċedurali bażiċi tagħhom fid-dawl ta' l-Artikolu 1 (2) TUE.
Il-fatt illi l-Artikolu 1 (2) TUE jgħid illi dan it-Trattat "jimmarka fażi ġdida fil-proċess tal-ħolqien ta' unjoni dejjem eqreb tal-popli ta' l-Ewropa, li fiha deċiżjonijiet jittieħdu bil-miftuħ kemm jista' jkun possibbli u viċin kemm jista' jkun taċ-ċittadini" ma jikkontradixxix din il-fehma, billi l-implimentazzjoni hija proċess li diġà kien inbeda bit-Trattat ta' Amsterdam.
L-evalwazzjoni ta' l-Ombudsman ta' l-opinjoni dettaljata tal-Kunsill
L-Ombudsman josserva illi l-Kunsill joġġezzjona għall-pożizzjoni tiegħu fuq żewġ raġunijiet prinċipali. Fl-ewwel lok, il-Kunsill huwa tal-fehma illi dan l-ilment imur lil hinn mill-mandat ta' l-Ombudsman. Fit-tieni lok, il-Kunsill jemmen illi f'ebda każ ma kien hemm amministrazzjoni ħażina.
Fir-rigward ta' l-ewwel waħda minn dawn l-oġġezzjonijiet, wieħed għandu jiftakar illi l-Artikolu 195 tat-Trattat tal-KE jagħti lill-Ombudsman il-mandat li jeżamina każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet ta' l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità, ħlief għall-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim'Istanza meta jaġixxu fir-rwol ġudizzjarju taghħom. L-ilment preżenti jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-Kunsill għandux jiltaqa' pubblikament kull meta jaġixxi f'kapaċità leġiżlattiva. L-Ombudsman huwa tal-fehma illi l-laqgħat tal-Kunsill huma "attivitajiet" tal-Kunsill fis-sens ta' l-Artikolu 195 tat-Trattat tal-KE. Barra minn hekk, l-Ombudsman ma jistax jifhem għalfejn l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura mill-Kunsill m'għandhiex titqies ukoll bħala "attività" ta' istituzzjoni tal-Komunità.
Fir-rigward ta' l-argument tal-Kunsill illi l-ilment preżenti jirrigwarda għażla politika li ma taqax taħt il-mandat ta' l-Ombudsman, wieħed għandu jiftakar illi dan l-ilment ma jirrigwardax il-mod kif il-Kunsill jorganizza l-proċeduri interni tiegħu iżda l-kwistjoni jekk il-pubbliku jistax jiġi eskluż mil-laqgħat tal-Kunsill fil-kapaċità leġiżlattiva tiegħu. L-Ombudsman josserva illi l-Kunsill jidher illi qed iressaq l-argument li l-grad ta' publiċità tal-laqgħat tiegħu jappartjeni lill-għażliet politiċi li għandhom isiru mill-Kunsill. Fil-fehma ta' l-Ombudsman, u kif huwa spjegat hawn isfel, din il-pożizzjoni m'hijiex kumpatibbli ma' l-Artikolu 1 (2) TUE. Waqt li l-Artikolu 207 tat-Trattat tal-KE jistabbilixxi lli l-Kunsill għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu stess, ma jistipulax illi l-grad ta' kemm il-laqgħat tal-Kunsill fil-kapaċità leġiżlattiva tiegħu għandhom ikunu miftuħa għall-pubbliku għandu jitqies bħala għażla politika, u li għandu jitħalla għad-diskrezzjoni tal-Kunsill. Irrispettivament mill-kwistjoni ta' x'effett għandu jingħata l-Artikolu 1 (2) TUE, għandu jiġi osservat illi din id-dispożizzjoni tipprevedi biss illi d-deċiżjonijiet fl-UE għandhom jittieħdu bil-miftuħ "kemm jista' jkun possibbli". M'hemm ebda suġġeriment illi l-grad ta' ftuħ għandu jiddependi fuq ir-rieda politika ta' l-istituzzjonijet jew korpi relevanti ta' l-UE. L-Ombudsman għaldaqstant jibqa' tal-fehma illi l-ilment preżenti jaqa' taħt il-mandat tiegħu.
Fir-rigward tal-kwistjoni sostantiva, il-Kunsill b'mod korrett jiġbed l-attenzjoni għat-test sħiħ ta' l-Artikolu 1 (2) TUE li jgħid "[d]an it-Trattat jimmarka fażi ġdida fil-proċess tal-ħolqien ta' unjoni dejjem eqreb tal-popli ta' l-Ewropa, li fiha deċiżjonijiet jittieħdu bil-miftuħ kemm jista' jkun possibbli u viċin kemm jista' jkun taċ-ċittadini". L-Ombudsman jaqbel illi din id-dispożizzjoni tipprevedi proċess lejn sitwazzjoni fejn id-"deċiżjonijiet jittieħdu bil-miftuħ kemm jista' jkun possibbli". Madanakollu, l-Ombudsman ma jistax jaqbel mal-fehma tal-Kunsill illi l-Artikolu 1 (2) TUE għandu jitqies bħala dispożizzjoni programmatika mingħajr ebda effett legali.
Il-klawsola relevanti fl-Artikolu 1 (2) TUE ġiet introdotta mit-Trattat ta' Amsterdam li ġie ffirmat fit-2 ta' Ottubru 1997 u li daħal fis-seħħ fl-1999. Kif ġie osservat b'mod korrett mill-Kunsill, it-test preżenti ta' l-Artikolu 207 (3) tat-Trattat tal-KE ġie adottat ukoll minn dak it-Trattat. Madanakollu, m'hemm xejn fl-Artikolu 207 (3) li jżomm lill-Kunsill milli jiftaħ il-laqgħat tiegħu bħala leġiżlatur għall-pubbliku. Fil-fehma ta' l-Ombudsman, ir-referenza tal-Kunsill għal din id-dispożizzjoni għaldaqstant m'hijiex konklużiva.
L-Ombudsman jinnota s-sottomossjoni tal-Kunsill illi l-Artikolu 1 (2) TUE jindika biss illi l-Unjoni tal-ġejjieni għandha tkun kemm jista' jkun miftuħa, iżda li fil-ħin ta' l-abbozzar tat-Trattat ta' l-UE dan kien għadu mhux possibbli. Madanakollu, anki jekk din is-sottomissjoni hija korretta, l-Ombudsman huwa tal-fehma illi l-Kunsill naqas milli jikkunsidra żewġ konsiderazzjonijiet importanti: Fl-ewwel lok, l-Artikolu 1 (2) TUE jindika b'mod ċar illi d-deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea għandhom jittieħdu "bil-miftuħ kemm jista' jkun possibbli". L-Artikolu 1 (2) TUE għaldaqstant juri b'mod ċar id-direzzjoni li fiha għandhom jiżviluppaw l-Unjoni u l-istituzzjonijiet tagħha. Għaldaqstant m'hemm ebda diskrezzjoni jew għażla politika min-naħa tal-Kunsill fir-rigward ta' din id-direzzjoni. Madanakollu, il-Kunsill ma ressaq ebda raġuni oġġettiva biex jispjega għalfejn ma jistax jimxi f'dik id-direzzjoni u jiftaħ il-laqgħat tiegħu f'kapaċità leġiżlattiva għall-pubbliku. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-proċess lejn il-kisba ta' dak l-għan, iż-żmien huwa fattur importanti. L-Ombudsman għaldaqstant jidhirlu illi l-analiżi ma tistax tkun limitata għad-dispożizzjonijiet li ddaħħlu mit-Trattat ta' Amsterdam iżda għandha tikkunsidra żviluppi li seħħu wara. F'dan il-kuntest, huwa importanti li wieħed josserva illi l-Kunsill innifsu, fir-Regoli ta' Proċedura ġodda adottati fis-sena 2000, daħħal regoli li jipprovdu li l-laqgħat tiegħu bħala leġiżlatur isiru b'mod aktar miftuħ. Fil-fehma ta' l-Ombudsman, il-Kunsill b'hekk wera b'mod ċar illi kellhom u setgħu jittieħdu passi sabiex tiżdied it-trasparenza ta' l-attività leġiżlattiva tiegħu. L-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura ġodda fis-sena 2000 tikkonferma wkoll li dan kien u huwa possibbli taħt il-liġi tal-Komunità kif tinsab fil-preżent.
Fl-ilment tagħhom, l-ilmentaturi argumentaw illi l-adozzjoni ta' abbozz ta' Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa fl-2003 u l-iffirmar tiegħu mill-Istati Membri kollha ta' l-UE fl-2004 huma avvenimenti importanti li huma relevanti għall-każ tagħhom. Dan it-Trattat għadu ma ġiex ratifikat mill-Istati Membri kollha u għaldaqstant għadu ma daħalx fis-seħħ. Sabiex jiġi evitat kull dubju, għandu jiġi osservat illi l-eżaminazzjoni mill-Ombudsman tal-każ preżenti hija bbazata fuq it-Trattati eżistenti u l-liġi tal-Komunità kif tinsab bħalissa, u mhux fuq it-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa.
L-Ombudsman għaldaqstant jibqa' tal-fehma li l-fatt illi l-Kunsill jirrifjuta li jiddeċiedi li jiltaqa' pubblikament kull meta jaġixxi fil-kapaċità leġiżlattiva tiegħu mingħajr ma jagħti raġunijiet validi għal dan ir-rifjut jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina.
Ir-rakkomandazzjoni ta' l-Ombudsman
Fil-kuntest ta' dak kollu li ntqal hawn fuq, l-Ombudsman itenni mill-ġdid l-abbozz ta' rakkomandazzjoni tiegħu bħala rakkomandazzjoni lill-Kunsill skond kif ġej:
Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea għandu jirrevedi r-rifjut tiegħu li jiddeċiedi li jiltaqa' pubblikament kull meta jaġixxi f'kapaċità leġiżlattiva.
Il-Parlament Ewropew għandu jikkunsidra li jadotta r-rakkomandazzjoni bħala reżoluzzjoni.
Strasburgu, 4 ta' Ottubru 2005
P. Nikiforos DIAMANDOUROS
[1] Deċiżjoni 94/262 tad-9 ta' Marzu 1994 tal-Parlament Ewropew dwar ir-Regolamenti u l-Kondizzjonijiet Ġenerali li Jiregolaw l-Eżerċizzju tad-Dmirijiet ta' l-Ombudsman, ĠU 1994 L 113, p. 15.
[2] ĠU 2002 L 230, p. 7. It-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet huwa kkwotat fl-abbozz ta' rakkomandazzjoni ta' l-Ombudsman fil-każ preżenti li jinsab (bl-Ingliż u bil-Ġermaniż) fuq il-websajt ta' l-Ombudsman (http://www.euro-ombudsman.eu.int).
[3] Ara pp. 22-23.
[4] Ara r-Rapport Annwali ta' l-Ombudsman għall-2002, p. 18.
[5] Jista' jkun utli li wieħed jirrimarka illi l-Artikolu 49 (2) ta' l-Abbozz tat-Trattat Kostituzzjonali sar l-Artikolu 50 (2) tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u ġie modifikat ftit. Id-dispożizzjoni issa tgħid hekk: " Il-Parlament Ewropew għandu jiltaqa' fil-pubbliku, kif għandu jagħmel il-Kunsill meta jkun qiegħed jikkunsidra u jivvota dwar abbozz ta' att leġiżlattiv."
- Eksportuoti į PDF
- Trumpoji nuoroda į šį puslapį
- Publikuoti šį puslapįTwitterFacebookLinkedin