Norite pateikti skundą dėl ES institucijos ar įstaigos?

Deċiżjoni fil-każ 2591/2010/GG - Nuqqas milli proċeduri ta’ ksur kontra l-Awstrija dwar l-ajruport ta’ Vjenna jitwettqu kif suppost

Dan il-każ jikkonċerna l-mod li bih il-Kummissjoni Ewropea amministrat ilment ippreżentat lilha fl-2006 permezz ta’ 26 inizjattiva minn ċittadini (“il-kwerelanti”) li semmgħu leħinhom kontra dawk li huma ħassew li kienu konsegwenzi negattivi tal-espansjoni tal-ajruport ta’ Vjenna. Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li x-xogħlijiet relevanti kienu twettqu mingħajr il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali (“VIA”), li hija obbligatorja u meħtieġa mid-Direttiva 85/337/KEE. Sabiex tirrimedja għal dan in-nuqqas, qablet mal-awtoritajiet Awstrijaċi li dawn tal-aħħar iwettqu VIA ex post, b’tali mod li jissimulaw bl-aħjar mod VIA ex ante u jrendu possibbli valutazzjoni sħiħa tal-impatt ambjentali tal-proġetti relevanti. Ir-rapport finali dwar din il-proċedura ġie ppreżentat lill-Kummissjoni fi Frar 2011.

Il-kwerelanti ma kinux kuntenti bil-mod li bih twettqet il-VIA ex post. Fost l-oħrajn, ikkritikaw il-fatt li (i) l-awtorità inkarigata mill-proċedura relevanti kienet l-istess awtorità eżatta li kienet tat il-permessi għax-xogħlijiet relevanti u b’hekk sabet ruħha f’kunflitt ta’ interess ċar ħafna u (ii) li ma kellhomx aċċess għal proċedura ta’ reviżjoni, kif previst mid-direttiva relevanti tal-UE.

Fl-2008, il-kwerelanti rrikorrew għall-assistenza tal-Ombudsman Ewropew (l-ilment 1532/2008). Wara li eżamina l-kwistjoni, l-Ombudsman kien tal-fehma li l-argumenti tal-kwerelanti li jikkonċernaw dawn il-kwistjonijiet ta’ hawn fuq dehru li mal-ewwel daqqa t’għajn kienu msejsa fuq raġunijiet sodi u li għalhekk, f’dak il-mument partikolari, ma setax jikkonkludi li l-Kummissjoni kienet żgurat li kienet twettqet VIA ex post kif suppost. Madankollu, peress li l-proċedura kienet għadha għaddejja u l-Kummissjoni kienet iddikjarat li kienet sejra tagħlaq il-każ ta’ ksur biss meta kienet sodisfatta li l-awtoritajiet Awstrijaċi kienu ħadu l-passi meħtieġa, l-Ombudsman qies li ma kien hemm ebda bżonn ta’ azzjoni ulterjuri min-naħa tiegħu f’dan l-istadju. Għaldaqstant, għalaq l-inkjesta f’Diċembru 2009, hekk kif għamiliha ċara li huwa kien fiduċjuż li l-Kummissjoni kienet sejra tieħu f’kunsiderazzjoni s-sejbiet tiegħu.

F’Novembru 2010, il-kwerelanti rrikorrew mill-ġdid għall-assistenza tal-Ombudsman (ilment 2591/2010). L-Ombudsman fetaħ it-tieni inkjesta, li matulha spezzjona l-fajl tal-Kummissjoni. L-ispezzjoni wriet li l-fajl ma kien fih ebda korrispondenza notevoli oħra bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Awstrijaċi matul il-perjodu meta kienet qiegħda titwettaq il-VIA ex post. B’mod partikolari, ma kien hemm xejn x’jissuġġerixxi li r-rappreżentazzjonijiet magħmula mill-kwerelanti kienu ġew diskussi bil-miktub matul dak il-perjodu mal-awtoritajiet Awstrijaċi. Lanqas id-deċiżjoni tal-Ombudsman dwar l-ilment 1532/2008 ma dehret li wasslet għal xi korrispondenza simili. Is-sitwazzjoni tal-mument wasslet sabiex l-Ombudsman jikkonkludi li l-Kummissjoni naqset milli tieħu f’kunsiderazzjoni s-sejbiet tiegħu mill-ewwel inkjesta. Għaldaqstant, għamel abbozz ta’ rakkomandazzjoni li fiha saħaq li l-Kummissjoni terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha. Dan l-abbozz tar-rakkomandazzjoni ma rnexxiex.

L-Ombudsman qies li dan il-każ ikkostitwixxa eżempju kundannabbli ta’ sitwazzjoni li fiha l-Kummissjoni (i) naqset milli tieħu l-azzjoni ta’ rimedju xierqa fir-rigward ta’ ksur ċar tal-liġi tal-UE f’każ importanti u (ii) għażlet li tinjora l-parir tal-Ombudsman. Għaldaqstant, kien tal-fehma li jkun xieraq li l-Parlament Ewropew jiġi mgħarraf b’din il-kwistjoni. Għalhekk, għalaq l-inkjesta tiegħu b’rapport speċjali lill-Parlament.

This case was closed with a Special Report to the European Parliament (see above links).