- Izvezi u PDF
- Kratka poveznica za ovu stranicu
- Podijelite ovu stranicu:TwitterFacebookLinkedin
Aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Ombudsman Ewropew
Dokument - Datum Utorak | 17 studenoga 2020
It-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont lill-pubbliku huma prijoritajiet ewlenin li l-Ombudsman Ewropew jipprova jippromwovi fl-amministrazzjoni tal-UE, iżda li jiggwidaw ukoll il-ħidma tal-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew.
Skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 15), iċ-ċittadini u l-persuni ġuridiċi li jirrisjedu fl-UE għandhom dritt ta’ aċċess għal kwalunkwe dokument miżmum minn kważi l-istituzzjonijiet kollha tal-UE. Dan huwa wkoll dritt fundamentali rikonoxxut fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (Artikolu 42). Id-dritt ta’ aċċess japplika għal dokumenti bil-miktub (fiżiċi u elettroniċi) u reġistrazzjonijiet awdjo/awdjoviżivi relatati ma’ politiki, attivitajiet jew deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE.
Skont ir-regoli tal-UE dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti (ir-Regolament 1049/2001), il-membri tal-pubbliku jistgħu jikkuntattjaw lill-istituzzjonijiet biex jitolbu aċċess għal dokumenti speċifiċi (fejn ikunu konxji tal-eżistenza tagħhom) jew biex jitolbu li l-istituzzjoni tidentifika dokumenti dwar kwistjoni speċifika li jridu aċċess għaliha. L-istituzzjonijiet jistgħu jirrifjutaw l-aċċess biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn id-divulgazzjoni tad-dokumenti timmina ċerti interessi stabbiliti fir-Regolament 1049/2001.
Aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-Ombudsman Ewropew
Skont ir-Regolament 1049/2001, l-istituzzjonijiet għandhom joħolqu reġistru pubbliku ta’ dokumenti. Għal dan il-għan, l-Ombudsman jippubblika d-dokumenti ewlenin tan-negozju fit-taqsima tal-każijiet online tas-sit web tagħna, kif ukoll id-dokumenti kollha adottati b’rabta mal-istrateġija, il-politika u l-ġestjoni. Dan isir abbażi tal-Deċiżjoni dwar il-Ġestjoni tar-Rekords tal-Ombudsman u tal-pjan tal-preżentazzjoni tad-dokumenti.
Jekk tixtieq titlob aċċess għal dokumenti oħra miżmuma mill-Ombudsman Ewropew, tista’ tissottometti talba għal aċċess għal dokumenti fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-UE:
- bil-posta fl-indirizz:
1 avenue du Président Robert Schuman
CS 30403
F-67001 Strasbourg Cedex, - permezz tal-formola ta’ kuntatt disponibbli fuq is-sit web tagħna.
- jew bil-fax: + 33 388179062,
Meta nista’ nistenna li nirċievi tweġiba għat-talba tiegħi?
- L-applikazzjonijiet għall-aċċess għad-dokumenti għandhom jiġu ttrattati minnufih. Aħna se nikkonfermaw li rċevejna t-talba u, fi żmien 15-il jum ta’ xogħol minn meta nirreġistrawha, aħna se nagħtu jew nirrifjutaw l-aċċess għad-dokument u nispjegaw ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħna.
- Jekk talba tikkonċerna numru kbir ħafna ta’ dokumenti jew hija aktar kumplessa, jista’ jkun li jkollna bżonn nestendu l-iskadenza għall-ipproċessar tal-applikazzjoni bi 15-il jum ta’ xogħol ieħor. Jekk dan ikun il-każ, ninfurmawk.
X’jiġri jekk ma nkunx kuntent bl-eżitu?
Jekk m’intix kuntent bid-deċiżjoni dwar it-talba tiegħek, tista’ titlob li nirrevedu d-deċiżjoni tagħna (l-hekk imsejħa “applikazzjoni konfermatorja”). Is-Segretarju Ġenerali se jagħmel valutazzjoni ġdida u se jweġiblek fi żmien 15-il jum tax-xogħol minn meta t-talba tiegħek tiġi rreġistrata. F’każijiet eċċezzjonali, nistgħu nestendu l-limitu ta’ żmien bi 15-il jum ta’ xogħol ieħor. Jekk dan ikun il-każ, ninfurmawk.
Jekk niċħdu l-aċċess, u tixtieq tikkontesta din id-deċiżjoni, jekk jogħġbok innota li tista’ tressaq proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali skont il-kundizzjonijiet speċifikati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 263).
Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku
- Izvezi u PDF
- Kratka poveznica za ovu stranicu
- Podijelite ovu stranicu:TwitterFacebookLinkedin