Vous souhaitez déposer une plainte
contre une institution ou un organe de l’Union européenne?

Sommarju tad-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropea fl-inkjesta strateġika tagħha OI/4/2016/EA dwar kif il-Kummissjoni Ewropea tittratta l-persuni b’diżabilità skont ir-Reġim Komuni tal-Asigurazzjoni tal-Mard għall-persunal tal-UE

Fl-2015, Kumitat tan-NU sab li r-reġim tal-assigurazzjoni tas-saħħa għall-membri tal-persunal tal-UE, ir-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard (RKAM), ma jikkonformax mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD). Il-kumitat irrakkomanda li l-RKAM jiġi rivedut biex joffri kopertura komprensiva għall-ħtiġijiet tas-saħħa relatati mad-diżabilità.

Wara li waslu lmenti mill-membri tal-persunal, li ltaqgħu ma’ problemi biex jiġu rimborżati l-ispejjeż mediċi tagħhom stess jew tal-membri tal-familja tagħhom, l-Ombudsman wettqet inkjesta strateġika. Sabet li n-nuqqas tal-Kummissjoni Ewropea biex tieħu xi azzjoni effettiva bi tweġiba għar-rakkomandazzjoni tal-kumitat ammonta għal amministrazzjoni ħażina. Għaldaqstant, irrakkomandat li l-Kummissjoni tirrevedi r-regoli li jirregolaw l-RKAM. Għamlet ukoll għadd ta’ suġġerimenti lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ kif huma koperti l-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabilità skont l-RKAM, kif ukoll tal-ħtieġa li jitħarreġ il-persunal, u li l-partijiet interessati jiġu kkonsultati b’mod xieraq biex tiżgura li l-RKAM tirrifletti l-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità.

Il-Kummissjoni wieġbet, fejn stqarret li se tirrevedi r-regoli li jirregolaw l-RKAM u se tieħu azzjoni biex issegwi l-parti l-kbira tas-suġġerimenti tal-Ombudsman.

Peress li l-Kummissjoni aċċettat ir-rakkomandazzjonijiet tagħha, l-Ombudsman tagħlaq l-inkjesta strateġika tagħha. Minħabba l-importanza tal-kwistjoni, titlob lill-Kummissjoni tirrapporta lura fi żmien sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni. L-Ombudsman tikkonferma wkoll is-suġġeriment tagħha dwar il-ħtieġa biex il-Kummissjoni tirrevedi r-regoli tal-2004 tagħha dwar l-akkomodazzjoni tal-ħtiġijiet tal-persunal b’diżabilità.