Vous souhaitez déposer une plainte contre une institution ou un organe de l’Union européenne ?

Sommaire

Multilingwiżmu fl-istituzzjonijiet tal-UE- Rapport fuq il-konsultazzjoni pubblika

Nota: L-opinjonijiet f’dan ir-rapport jirriflettu l-kontribuzzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika u m’għandhomx jitqiesu bħala li jirriflettu l-pożizzjoni tal-Ombudsman Ewropew.

Frar 2019

 

1. Introduzzjoni

F’Lujlu 2018, l-Ombudsman nediet konsultazzjoni pubblika dwar l-użu tal-lingwi fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE (il-"korpi tal-UE").

Il-konsultazzjoni għandha l-għan li tippromwovi diskussjoni dwar dan is-suġġett, filwaqt li wieħed għandu jikkunsidra l-ħtieġa li r-rispett u l-appoġġ għad-diversità lingwistika jiġu rikonċiljati ma’ restrizzjonijiet amministrattivi u baġitarji. Din inkludiet erba’ oqsma ewlenin:

I. Regoli u prattiċi;

II. L-użu tal-lingwi fuq is-siti web;

III. L-użu tal-lingwi f’konsultazzjonijiet pubbliċi; u

IV. Il-ħtieġa għal leġislazzjoni ġdida, l-ispejjeż tat-traduzzjoni u l-potenzjal ta’ traduzzjonijiet awtomatiċi.

L-Ombudsman irċeviet 286 tweġiba. Uħud mir-rispondenti ttrattaw biss uħud mill-mistoqsijiet li saru.

Tliet risponsi ġew sottomessi minn Stati Membri; tnejn minn aġenziji tal-UE, waħda minn awtorità reġjonali, 33 minn organizzazzjonijiet mhux governattivi jew assoċjazzjonijiet u 247 minn individwi (ara l-Anness).

L-Ombudsman irċeviet tweġibiet fi 19-il lingwa uffiċjali tal-UE, jiġifieri bil-Franċiż (95), bl-Ingliż (57), bit-Taljan (32), bl-Ispanjol (25), bil-Ġermaniż (21), bl-Olandiż (18), bis-Slovakk (14), bl-Ungeriż (3), bil-Pollakk (3), bil-Portugiż (3), bl-Irlandiż (2), bl-Iżvediż (2), biċ-Ċek (2), bil-Bulgaru (1), bil-Kroat (1), bid-Daniż (1), bil-Finlandiż (1), bil-Grieg (1) u bir-Rumen (1). Tweġiba waħda ingħatat bil-Latin, waħda bl-Esperanto u oħra bil-Katalan.

2. Sommarju

  •  Hemm sostenn wiesa’ għall-multilingwiżmu.
  •  Ir-restrizzjonijiet tal-lingwa jistgħu jiġu ttollerati, taħt ċerti ċirkustanzi, iżda dawn iridu jkunu ġġustifikati f’politika dwar il-lingwa li tkun ippubblikata fuq kull sit web tal-korpi tal-UE. Il-politika għandha tkun fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.
  •  Politika dwar "traduzzonijiet fuq talba" hija salvagwardja utli.
  •  Is-siti web tal-korpi tal-UE, almenu sa ċertu limitu, għandhom ikunu disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.
  •  Sommarji dwar punti importanti li jiġu ppubblikati fil-lingwi uffiċjali kollha, jew f’ħafna minnhom, ġeneralment jiġu kkunsidrati bħala kompromess tajjeb fejn il-multilingwiżmu sħiħ ma jitqiesx fattibbli.
  •  Il-konsultazzjonijiet pubbliċi għandhom, minħabba n-natura tagħhom u bħala regola ġenerali, ikunu disponibbli f’kemm jista’ jkun lingwi uffiċjali tal-UE.
  • Ikun utli li l-potenzjal ta’ traduzzjonijiet awtomatiċi jiġi msaħħaħ, almenu bħala għajnuna għal tradutturi umani.

3. Risponsi

I. Regoli u prattiki dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-lingwi

In-nuqqas ta’ trasparenza (Mistoqsija 1)

Hemm nuqqas ta’ trasparenza (u ftit regoli formali) fir-rigward ta’ kif is-sezzjonijiet differenti tal-amministrazzjoni tal-UE jagħmlu l-informazzjoni disponibbli bil-lingwi uffiċjali differenti tal-UE. Dan jinkludi, pereżempju, il-kriterji użati biex jiġi deċiż liema lingwa/lingwi jintużaw f’kuntesti partikolari. Kif jistgħu jiġu indirizzati dawn il-lakuni? Xi kriterji addizzjonali, jekk hemm, jenħtieġ li japplikaw?

Il-maġġoranza l-kbira tar-rispondenti isibu n-nuqqas ta’ trasparenza preżenti bħala mhux mixtieq peress li dan iwassal għall-arbitrarjetà, inkonsistenzi u d-diskriminazzjoni. Għandhom jiġu introdotti regoli sabiex jimlew il-vojt. Jeżistu opinjonijiet differenti dwar il-kontenut ta’ dawn ir-regoli (Mistoqsija 2) u l-forma tagħhom (Mistoqsija 8)

Ħafna rispondenti jirreferu għall-prinċipji tad-diversità lingwistika u tal-ugwaljanza bejn il-lingwi. Huma jinnutaw li l-lingwa tikkostitwixxi parti kruċjali mill-identità taċ-ċittadini. L-ostakli tal-lingwa ma jħallux liċ-ċittadin jipparteċipa f’dibattiti u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fuq livell ta’ UE. Hemm tħassib li r-restrizzjonijiet ta’ lingwa jagħtu aċċess privileġġjat lil ċerti Stati Membri, ċittadini u atturi ekonomiċi filwaqt li jnaqqsu l-leġittimità ġenerali tal-UE.

Ħafna rispondenti jinnutaw li l-aċċess għall-informazzjoni f’lingwa li ċ-ċittadini jifhmu huwa kruċjali biex jiżgura l-fiduċja fis-servizz ċivili tal-UE u biex jiġu megħluba s-suspett, in-nuqqas ta’ interess u l-Ewroxettiċiżmu.

Tliet mudelli ta’ politika dwar il-lingwa

Ir-rispondenti pproponew tliet mudelli wesgħin ta’ politika dwar il-lingwa għall-korpi tal-UE:

1. Multilingwiżmu ristrett

Ħafna mir-rispondenti li wieġbu għal din il-mistoqsija (102) jaqblu ma’ forma ta’ multilingwiżmu ristrett. Huma jemmnu li l-informazzjoni għandha tkun dejjem disponibbli f’minn tal-inqas bejn tlieta sa ħames lingwi uffiċjali li jintużaw b’mod komuni (l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż, u possibilment it-Taljan u l-Ispanjol). Lingwi uffiċjali oħra għandhom jintużaw biss fejn ċerti kriterji jkunu ntlaħqu. L-informazzjoni li ġejja għandha dejjem tkun disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha:

  •  Dokumenti/informazzjoni b’impatt finanzjarju importanti għaċ-ċittadini u l-SMEs, bħalma huma Ersamus+, avviżi dwar postijiet tax-xogħol battala, sejħiet għall-offerti jew linji gwida għall-proġetti tal-UE;
  •  Informazzjoni li taffettwa b’mod partikolari l-ħajjiet taċ-ċittadini, bħalma huma l-edukazzjoni, is-saħħa, id-drittijiet taċ-ċittadini u s-sigurtà soċjali.
  •  Dokumenti li joħolqu drittijiet u obbligi għaċ-ċittadini;
  •  Konsultazzjonijiet pubbliċi;
  •  Ċerti komunikazzjonijiet għall-istampa.

Jissemmew ukoll il-kriterji addizzjonali li ġejjin:

  •  Jekk ċerti Stati Membri jew ċittadini jkunu speċfikament ikkonċernati jew indirizzati, l-informazzjoni/id-dokumenti għandhom ikunu disponibbli fil-lingwa(i) uffiċjali tal-Istati Membri jew ċittadini kkonċernati;
  •  Għal ċerti oqsma speċjalizzati, bħalma huma r-riċerka xjentifika, ir-restrizzjonijiet tal-lingwa jistgħu jkunu ġġustifikati;
  •  L-urġenza u l-importanza politika tal-informazzjoni għandhom ikunu kkunsidrati;
  •  Fil-każ ta’ korpi tal-UE deċentralizzati, il-lingwa tal-Istat Membru ospitant għandha tiġi kkunsidrata.

2. Multilingwiżmu mhux ristrett

Tmintax-il rispondent iridu multilingwiżmu assolut, fejn il-lingwi uffiċjali kollha tal-UE jkunu jridu jintużaw il-ħin kollu, bit-traduzzjonijiet ikunu disponibbli kollha fl-istess waqt.

3. Lejn "Lingwa Franka"

Sitta u erbgħin rispondent jisħqu fuq lingwa komuni li tkun mitkellma miċ-ċittadini kollha tal-UE. Hemm żewġ approċċi: erba’ rispondenti jikkunsidraw waħda mil-lingwi ta’ ħidma preżenti (l-Ingliż) bħala l-għażla ideali. Wieħed u erbgħin rispondent huma favur ħafna l-użu ta’ lingwa komuni iżda newtrali, bħall-Esperanto.

Il-monitoraġġ tal-multilingwiżmu

Diversi rispondenti jipproponu mekkaniżmi sabiex jissorveljaw il-konformità tal-korpi tal-UE mal-multilingwiżmu. Suġġerimenti jinkludu:

  •  Il-ħolqien ta’ "osservatorju ta’ multilingwiżmu" li jissorvelja b’mod permanenti l-kwistjoni;
  •  Il-ħolqien ta’ "avukat tal-multilingwiżmu", bħal Ombudsman speċjalizzat fil-multilingwiżmu jew korp ta’ verifika bis-setgħat li jimponi penali f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità;
  • Statistika dwar l-użu tal-lingwi fil-korpi tal-UE biex tissaħħaħ it-trasparenza.

Politika dwar il-lingwa (Mistoqsija 2)

Jenħtieġ li kull istituzzjoni tal-UE jkollha politika tal-lingwa, u jekk iva, x’jenħtieġ jiġi inkluż f’politika tal-lingwa? Jenħtieġ li tali politiki tal-lingwa jiġu ppubblikati fuq is-siti web tal-istituzzjonijiet? Kemm jenħtieġ li tkun dettaljata tali politika fir-rigward ta’ każijiet speċifiċi fejn l-għażla tal-lingwa/lingwi hija ristretta?
Ix-xewqa ta’ politika dwar il-lingwa

Ħafna mir-rispondenti (175) huma favur li jkun hemm politika dwar il-lingwa L-opinjonijiet ivarjaw dwar jekk il-politika għandhiex tkopri l-korpi tal-UE kollha jew inkella tkun speċifika għal kull korp. Hemm tliet għażliet:

1. Politika komuni waħda: Tnejn u ħamsin rispondent jikkunsidraw li politika komuni waħda għandha tkattar it-trasparenza u ċ-ċarezza dwar l-użu tal-lingwi bejn il-kopri tal-UE. L-opinjonijiet ivarjaw dwar jekk l-aġenziji tal-UE għandhomx ikunu koperti.

2. Politika komuni waħda, adattata għal kull korp tal-UE: It-tieni għażla (17-il rispondent) hija dik ta’ politika komuni, li tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali dwar l-użu tal-lingwi applikabbli għall-korpi kollha tal-UE. Din il-politika komuni, imbagħad, tiġi adattata għall-kompiti speċifiċi u r-rwol ta’ kull korp tal-UE.

3. Politiki separati: Minħabba differenzi sinifikanti, rigward tar-rwoli u l-funzjonijiet, bejn il-korpi tal-UE, politika dwar il-lingwa komuni tista’ ma tkunx prattika (7 rispondenti).

Pubblikazzjoni ta’ politika dwar il-lingwa

Ir-rispondenti jaqblu li politika dwar il-lingwa għandha tiġi ppubblikata fuq is-siti web tal-korpi tal-UE u għandha tkun disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Għoxrin rispondent jikkunsidraw bħala utli li fuq is-sit web ikun hemm funzjoni għall-kummenti fuq il-politika dwar il-lingwa, li tkun tippermetti lill-pubbliku biex jagħti feedback fuq il-kontenut u l-implimentazzjoni tal-politika.

Livell ta’ dettall tal-politika dwar il-lingwa

Ir-rispondenti ġeneralment jaqblu li politika dwar il-lingwa għandha tistabbilixxi liema lingwi għandhom jintużaw mill-korpi tal-UE u f’liema sitwazzjonijiet. Iċ-ċittadini għandhom isibuha faċli li jifhmuha.

Rigward il-livell ta’ dettall:

  •  Uħud mir-rispondenti jippreferu politika dwar il-lingwa dettaljata (ħafna), li fiha jiġu ġġustifikati r-restrizzjonijiet abbażi ta’ kriterji ċari. Dan sabiex tiġi evitata l-arbitrarjetà.
  •  Uħud mir-rispondenti jippreferu politika dwar il-lingwa aktar ġenerali u flessibbli, li tistabbilixxi l-prinċipji bażiċi għal meta u għaliex l-użu tal-lingwi jista’ jiġi ristrett. Il-politika dwar il-lingwa għandha tkun konċiża, konsistenti u loġika. Madankollu, sabiex tkun funzjonabbli, din għandha tippermetti l-flessibbiltà u valutazzjonijiet ta’ każ b’każ.

Traduzzjonijiet fuq talba (Mistoqsija 3)

Kull istituzzjoni għandu jkollha politika dwar iċ-ċirkostanzi skont liema hija tista’ tipprovdi traduzzjonijiet ta’ informazzjoni jew dokumenti fuq talba? Jekk iva, kif tista’ tiġi mfassla dik il-politika biex jiġu evitati spejjeż sproporzjonati?

Iva jew Le?

Iva: Mija u erbatax-il rispondent jgħidu li għandu jkun hemm politika sabiex jiġu pprovduti traduzzjonijiet fuq talba biex ikun żgurat l-aċċess taċ-ċittadini għall-informazzjoni. Politika bħal din għandha tkun parti minn politika dwar il-lingwa (komuni).

Le: Wieħed u tletin rispondent jgħidu li l-korpi tal-UE m’għandux ikollhom politika biex jiġu pprovduti traduzzjonijiet fuq talba, għal diversi raġunijiet:

  •  Traduzzjonijiet fuq talba mhumiex meħtieġa, jekk ir-restrizzjonijiet tal-lingwa jkunu ġġustifikati kif xieraq f’politika dwar il-lingwa dettaljata.
  •  Ir-riskju ta’ esplojtazzjoni minn min jagħmel talbiet abbużivi.
  •  Għali wisq.
  •  Rispondent wieħed, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, huwa kkonċernat li d-dritt li wieħed jirċievi traduzzjonijiet fuq talba jista’ jipprevjeni milli l-aġenzija tissodisfa l-iskadenzi regolatorji tagħha.
Li jiġu evitati spejjeż sproporzjonati

Grupp ta’ rispondenti ma jaqbilx li politika dwar traduzzjonijiet fuq talba tista’ tinvolvi "spejjeż sproporzjonati". Rispondent wieħed jiġbor fil-qosor din l-opinjoni kif ġej: “[d]awk huma l-ispejjeż tad-demokrazija. L-ispiża tad-demokrazija qatt mhi għolja ħafna”.

Rispondenti oħra jissuġġerixxu l-miżuri li ġejjin sabiex ikunu evitati spejjeż sproporzjonati (ara wkoll it-tweġibiet għall-Mistoqsija 9):

  •  Traduzzjonijiet fuq talba jiġu pprovduti biss għal dokumenti importanti (bħal dawk li jikkonċernaw id-drittijiet taċ-ċittadini) jew dokumenti li jibqgħu validi għal mill-inqas sena;
  • Traduzzjonijiet fuq talba jiġu pprovduti biss jekk min jagħmel it-talba jkun jista’ juri evidenza għall-ħtieġa ta’ din[1];
  •  Traduzzjonijiet awtomatiċi (editjati) jiġu pprovduti, possibilment b’ċaħda;
  •  Ir-riżorsi jiġu razzjonalizzati billi jsir raggruppament tar-riżorsi komuni għall-korpi kollha tal-UE, bħal fil-forma ta’ servizz ta’ traduzzjoni ċentrali;
  •  Jitnaqqas il-potenzjal għall-abbuż, pereżempju billi l-korpi tal-UE jkunu jistgħu jirrifjutaw ċerti tipi ta’ talbiet;
  •  Ikollhom baġit speċifiku għal traduzzjonijiet fuq talba;
  •  It-traduzzjonijiet jingħataw f'forma diġitali biss;
  •  Tintuża lingwa komuni newtrali biex jitnaqqsu l-ispejjeż tat-traduzzjoni;
  •  Jiġi introdott "mudell ta’ petizzjoni", li fih dokument jiġi tradott biss jekk ikun hemm numru sinifikanti ta’ persuni li jitolbu għal traduzzjoni;
  •  Il-kompitu tat-traduzzjonijiet fuq talba jiġi fdat lir-rappreżentanti tal-UE fl-Istati Membri differenti tal-UE;
  •  L-ispejjeż jiġu ċċarġjati lill-Istati Membri rilevanti;
  •  Jiġi vverifikat jekk traduzzjoni tkunx disponibbli diġà fi Stat Membru, pereżempju billi jkun hemm “pjattaforma ta’ traduzzjonijiet komuni” biex isir skambju aħjar tal-informazzjoni bejn iċ-ċentri ta’ traduzzjoni nazzjonali;
  • Jitnaqqas it-tul tad-dokumenti u l-informazzjoni fuq l-Internet.

Ir-rispondenti għandhom opinjonijiet kunfliġġenti dwar jekk għandhomx jitħallsu miżati għal traduzzjonijiet fuq talba. Dawk favur il-ħlas jargumentaw li l-miżati mhux biss ikopru l-ispejjeż tat-traduzzjoni, iżda dawn jiskoraġġixxu lin-nies milli jsiru talbiet abbużivi. Dawk kontra jirraġunaw li l-ħlas ta’ miżati miċ-ċittadini jista’ jkun diskriminatorju, jekk ċittadini oħrajn ikollhom aċċess għall-istess informazzjoni fil-lingwa nattiva tagħhom.

II. Siti web tal-UE

Prinċipji ġenerali tal-lingwa (Mistoqsija 4)

X’inhuma l-prinċipji ġenerali tal-lingwi li jenħtieġ li jiġu applikati għas-siti web tal-istituzzjonijiet tal-UE? Liema partijiet ta’ siti web tal-UE, b’mod partikolari, taħseb li jenħtieġ li jkunu disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE jew b’ħafna minnhom?

Ir-rispondenti huma maqsumin bejn multilingwiżmu mhux ristrett u ristrett għas-siti web tal-UE. Grupp wieħed ta’ rispondenti (81) hu tal-opinjoni li l-partijiet kollha tas-siti web tal-UE għandhom ikunu disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha biex jiġu żgurati l-leġittimità demokratika kif ukoll l-ugwaljanza bejn il-lingwi. Grupp iżgħar jikkunsidra li s-siti web kollha tal-UE għandhom ikunu disponibbli mill-inqas fl-Ingliż, il-Ġermaniż, il-Franċiż u f’lingwi potenzjali oħra. Grupp ieħor irid kollox f’lingwa waħda komuni u newtrali.

Sebgħin rispondent jikkunsidraw li dawk il-partijiet tas-siti web tal-UE li jkunu ta’ interess għall-"pubbliku ġenerali" għandhom ikunu disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, pereżempju:

  •  It-taqsimiet ‘dwar...’ li jiddeskrivu l-funzjonament u l-għan tal-korp tal-UE, flimkien mad-dettalji tal-kuntatt;
  •  It-taqsimiet li jinkludu aħbarijiet, komunikazzjonijiet għall-istampa u żviluppi riċenti;
  •  Siti web
    •  li jkopru s-saħħa pubblika, l-edukazzjoni, l-ekonomija, id-drittijiet tal-passiġġieri, is-sigurtà tal-ikel, is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, jew id-drittijiet taċ-ċittadini;
    •  b’informazzjoni dwar għotjiet, sejħiet għall-offerti u programmi oħra ta’ akkwist jew finanzjament;
    •  li jikkonċernaw inizjattivi ta’ politika maġġuri, kwistjonijiet legali jew gwida dwar il-konformità mal-obbligi skont il-liġi tal-UE;
    •  ma’ postijiet tax-xogħol battala;
    •  ta’ presidenzi tal-UE.

Għall-partijiet l-oħrajn tas-siti web tal-UE, li jkunu indirizzati għal udjenza aktar speċjalizzata, jista’ jiġi ġġustifikat reġim ta’ lingwa aktar ristrett[2].

Sommarji f’ħafna minn jew fil-lingwi uffiċjali kollha (Mistoqsija 5)

Ikun ta’ għajnuna li jkun hemm sommarji ta’ kwistjonijiet ewlenin ippubblikati bil-lingwi uffiċjali kollha jew b’ħafna minnhom?

Madwar żewġ terzi tar-rispondenti jikkunsidraw li sommarji dwar kwistjonijiet ewlenin ippubblikati fil-lingwi uffiċjali kollha jew f’ħafna minnhom ikunu ta’ għajnuna.

Ħafna mir-rispondenti favur is-sommarji jikkunsidraw dawn bħala kompromess tajjeb. Tnejn u sittin rispondent huma tal-opinjoni li s-sommarji għandhom ikunu disponibbli fl-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Uħud mir-rispondenti jikkunsidraw is-sommarji fi 3, 4 jew 5 l-aktar lingwi mitkellma bħala biżżejjed. Rispondenti oħra jemmnu li s-sommarju ta’ informazzjoni jista’ jirriżulta f’tgħawwiġ ta’ informazzjoni u joħloq diskriminazzjoni kontra persuni li jkollhom aċċess għat-test imqassar biss.

Restrizzjonijiet tal-lingwa (Mistoqsija 6)

Huwa aċċettabbli f’ċerti ċirkostanzi li jiġi pprovdut materjal b’numru żgħir ta’ lingwi, minflok bil-lingwi uffiċjali kollha? Jekk iva, liema kriterji jenħtieġ li jintużaw biex jiġi ddeterminat kif dawn il-lingwi jintgħażlu (pereżempju, id-daqs tal-popolazzjoni ta’ dawk li jitkellmu l-lingwa inkwistjoni, il-livell ta’ diversità lingwistika fil-popolazzjoni ...)?

Iva jew Le?

Iva: Il-maġġoranza (119) tar-rispondenti li wieġbu għal dik il-mistoqsija jaqblu, taħt ċerti ċirkostanzi u għal raġunijiet pragmatiċi, li jiġi pprovdut materjal f’numru żgħir ta’ lingwi biss. Ċerti rispondenti inkludew kundizzjonijiet, pereżempju, li għandhom jingħataw ġustifikazzjonijiet ċari jew li r-restrizzjonijiet għandhom jiġu kkombinati mal-possibbiltà li jiġu pprovduti traduzzjonijiet fuq talba.

Le: Erbgħa u tmenin rispondent isegwu l-mudell ta’ multilingwiżmu mhux ristrett, li fih kull tip ta’ restrizzjoni tal-lingwa jkun diskriminatorju u, għalhekk, mhux aċċettabbli.

Kriterji għall-għażla tal-lingwa

Ir-rispondenti għandhom opinjonijiet differenti meta jiġu għall-kriterji li jridu jintużaw biex jintgħażlu l-lingwi uffiċjali.

Ħafna mir-rispondenti jikkunsidraw l-impatt, ir-rilevanza jew l-interess tal-informazzjoni għal ċertu grupp ta’ ċittadini, Stati Membri jew il-pubbliku ġenerali bħala l-kriterju l-iktar importanti. Fl-opinjoni tagħhom, il-lingwi għandhom jintgħażlu abbażi li kull min ikun affettwat ikun kapaċi jifhem l-informazzjoni. Dan jista' jimplika li ċertu kontenut speċifiku ħafna, li s-soltu jiġi indirizzat għall-esperti, ikun disponibbli f’numru limitat ta’ lingwi biss.

Ċerti rispondenti jikkunsidraw li d-daqs tal-popolazzjoni ta’ dawk li jitkellmu l-lingwi magħżula huwa kriterju adattat, li jew ikun ibbażat fuq perċentwal minimu tal-popolazzjoni Ewropea[3] koperta bil-lingwi uffiċjali magħżula jew inkella fuq il-lingwi uffiċjali l-aktar mitkellma. Rispondenti oħrajn huma strettament kontra d-daqs tal-popolazzjoni bħala kriterju, peress li dan jista’ jiddiskrimina kontra popolazzjonijiet iżgħar u l-lingwi tagħhom.

Ċerti rispondenti huma tal-opinjoni li għandha tingħata prijorità għal-lingwi ta’ ħidma tas-servizz ċivili tal-UE (għal ċerti korpi tal-UE, jiġifieri l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż) jew għal-lingwi li jkunu uffiċjali f’iktar minn Stat Membru wieħed.

III. Konsultazzjonijiet pubbliċi

Il-politika tal-Kummissjoni (Mistoqsija 7)

F’April 2017, il-Kummissjoni Ewropea adottat regoli interni ġodda li jeħtieġu dokumenti rigward konsultazzjonijiet pubbliċi fir-rigward ta’ “inizjattivi ta’ prijorità” fil-Programm ta’ Ħidma annwali tal-Kummissjoni li għandhom jiġi ppubblikati bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Il-konsultazzjonijiet pubbliċi l-oħra kollha jeħtieġ li jkunu disponibbli tal-anqas bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż. Il-konsultazzjonijiet pubbliċi ta’ “interess pubbliku wiesa’” jenħtieġ li jkunu disponibbli bil-lingwi addizzjonali. Barra minn hekk, “il-paġni ta’ konsultazzjoni jew sommarju tagħhom jeħtieġ li jiġu tradotti bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE”.

Fil-fehma tiegħek, din il-politika, toħloq bilanċ tajjeb bejn il-ħtieġa għar-rispett lejn id-diversità lingwistika u l-appoġġ għaliha, minn naħa, u l-limiti amministrattivi u baġitarji, min-naħa l-oħra? Din hija t-tip ta’ politika li jaf tiġi adottata b’mod raġonevoli minn istituzzjonijiet oħra tal-UE?

Madwar nofs ir-rispondenti (124) jgħidu li l-politika tal-Kummissjoni ma tilħaqx bilanċ tajjeb. Il-maġġoranza l-kbira ta’ dawn ir-rispondenti tikkunsidra l-politika attwali tal-Kummissjoni bħala mhux biżżejjed, għar-raġunijiet li ġejjin:

  •  Ħafna mir-rispondenti (50) jiddispjaċihom għad-definizzjoni vaga ta’ ċerti termini ewlenin, bħal “interess pubbliku wiesa'”, “lingwi addizzjonali” u “inizjattivi ta’ prijorità”. Dan jagħti lill-Kummissjoni diskrezzjoni wiesgħa u jista’ jirriżulta f’applikazzjoni arbitrarja tal-politika.
  •  Ħafna mir-rispondenti (49) jaħsbu li l-konsultazzjonijiet pubbliċi għandhom ikunu disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. L-argument huwa li, minħabba n-natura tal-konsultazzjonijiet pubbliċi, il-korpi tal-UE għandhom jiżguraw li ċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod ugwali. Il-limitazzjonijiet għandhom ikunu l-eċċezzjoni u mhux bil-maqlub.
  •  Ħafna mir-rispondenti (46) ma jifhmux għaliex l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż għandu jkollhom stat privileġġjat fil-konsultazzjonijiet pubbliċi. Dan l-istat joħloq inugwaljanza bejn il-lingwi.
  •  Uħud mir-rispondenti (9) jikkunsidraw li lingwi uffiċjali oħra (inkluż l-Ispanjol u t-Taljan) għandhom jiżdiedu mat-tliet lingwi minimi.
  • Ftit rispondenti oħra (6) huma kkonċernati dwar il-prattiċitajiet: Sa fejn il-politika tal-Kummissjoni tal-2017 ġiet applikata fil-prattika? F’liema punt fil-perjodu ta’ konsultazzjoni t-traduzzjonijiet differenti qed ikunu disponibbli?

Erbgħa u sittin rispondent iqisu l-politika dwar il-lingwa tal-2017 tal-Kummissjoni għall-konsultazzjonijiet pubbliċi bħala xierqa. Uħud iqisu l-politika bħala l-ewwel pass importanti u saħansitra jissuġġerixxu li din għandha tiġi adottata mill-korpi l-oħra tal-UE. Dwar dan il-punt, rispondent wieħed, l-Aġenżija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, jinnota li huwa diffiċli li tadotta l-istess politika f'korpi oħrajn, peress li l-konsultazzjonijiet pubbliċi organizzati mill-Kummissjoni jistgħu jvarjaw minn dawk organizzati minn korpi oħra tal-UE u jista’ jkollhom udjenza fil-mira differenti.

Uħud mir-rispondenti (5) jikkunsidraw li l-politika tal-2017 tal-Kummissjoni hija għalja wisq u jqisu li l-pubblikazzjoni bl-Ingliż biss, jew bl-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż, ikun biżżejjed.

IV. Oħrajn

Leġislazzjoni tal-UE ġdida (Mistoqsija 8)

L-unika leġiżlazzjoni speċifika dwar il-lingwa użata mill-amministrazzjoni tal-UE ilha mill-1958 meta kien hemm sitt Stati Membri u erba’ lingwi uffiċjali. Taħseb li fiċ-ċirkostanzi preżenti, leġiżlazzjoni ġdida tkun ta’ għajnuna? Jew taħseb li l-indirizzar ta’ kwistjonijiet dwar il-lingwa l-aħjar li jsir barra minn qafas legali dettaljat?

Ħafna rispondenti (126) għal din il-mistoqsija jikkunsidraw li leġislazzjoni ġdida jew reviżjoni tar-Regolament preżenti 1/1958 jistgħu jkunu ta’ għajnuna. Uħud mit-tweġibiet jispeċifikaw li tali leġislazzjoni riveduta għandha ssaħħaħ il-multilingwiżmu billi tistabbilixxi fid-dettall id-drittijiet taċ-ċittadini dwar il-lingwa. Uħud mir-rispondenti jikkwalifikaw id-dikjarazzjoni tagħhom billi jgħidu li, filwaqt li leġislazzjoni ġdida tista’ tkun mixtieqa, ir-reviżjoni tar-Regolament 1/1958 tista’ twassal għal problemi serji.

Ir-rispondenti ressqu il-proposti li ġejjin biex jiġi emendat ir-Regolament 1/1958:

  •  li l-istituzzjonijiet tal-UE jkunu meħtieġa, minflok li jkollhom il-possibbiltà, li jadottaw regoli interni dwar l-użu tal-lingwi (l-Artikolu 6);
  •  li jinkludi dritt li wieħed jirċievi traduzzjonijiet fuq talba;
  •  li r-Regolament 1/1958 jiġi aġġornat biex jirrifletti l-Artikolu 11 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, li jeħtieġ li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi wesgħin u li l-istituzzjonijiet tal-UE jżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mas-soċjetà ċivili;
  • li tkun introdotta lingwa komuni newtrali.

Erbgħa u tletin rispondent huma kontra leġislazzjoni ġdida jew reviżjoni tar-Regolament 1/1958. Huma jikkunsidraw li r-Regolament 1/1958 huwa biżżejjed, aġġornat u li l-ugwaljanza bejn l-24 lingwa uffiċjali għandha tinżamm. Pjuttost, l-isfida hija li tiġi implimentata l-leġislazzjoni preżenti kif suppost.

Uħud mir-rispondenti jipproponu li kwistjonijiet ta’ lingwa għandhom jiġu ttrattati barra qafas leġislattiv dettaljat. Hemm diversi suġġerimenti:

  •  Linji gwida (komuni) adottati mill-korpi tal-UE;
  •  L-aġġornament tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-traduzzjonijiet bħala parti mill-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (2016);
  •  Kodiċi ta’ mġiba dwar il-multilingwiżmu;
  •  Ftehim interistituzzjonali li abbażi tiegħu kull korp tal-UE jadotta l-politika tiegħu dwar il-lingwa; u
  •  Rakkomandazzjonijiet mill-Ombudsman Ewropew.

L-ispejjeż tat-traduzzjoni (Mistoqsija 9)

Kwalunkwe żieda fil-volum ta’ informazzjoni u dokumenti ppubblikati bil-lingwi kollha tal-UE se tkun tinvolvi spejjeż tat-traduzzjoni addizzjonali. Kif tissuġġerixxi li dawn l-ispejjeż addizzjonali jiġu koperti? Minn xi mkien ieħor fil-baġit tal-UE? Permezz ta’ finanzjament addizzjonali allokat mill-Istati Membri involuti? Permezz ta’ mezzi oħra?

It-tweġibiet għal din il-mistoqsija kienu jvarjaw skont il-mudell tal-politika dwar il-lingwa li r-rispondenti jiffavorixxu.

Skont uħud mir-rispondenti, l-ispejjeż tat-traduzzjoni mhumiex eċċessivi u li l-mistoqsija għandha tkun bil-maqlub: “X’inhuma l-ispejjeż għan-nuqqas ta’ traduzzjoni?” B'mod speċifiku: “Għalija traduzzjoni, jiġifieri informazzjoni u l-ħila ta’ kull ċittadin biex jifhem x’inhu jiġri, ma tidhirx li hija spiża sekondarja, iżda obbligu demokratiku, f’kuntest fejn l-Unjoni ta’ sikwit tinftiehem ħażin u tiġi mwarrba” (tweġiba sottomessa bil-Franċiż).

Ir-rispondenti taw diversi suġġerimenti dwar kif għandhom jintlaħqu l-ispejjeż (addizzjonali) tat-traduzzjoni:

  •  Tnejn u sittin rispondent jgħidu li l-ispejjeż tat-traduzzjoni għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-UE. Inkella, l-Istati Membri iżgħar jispiċċaw iħallsu aktar għal traduzzjonijiet mill-Istati Membri ikbar.
  •  Uħud mir-rispondenti (22) imorru lil hinn billi jeżiġu li l-Istati Membri li jkollhom waħda mil-"lingwi privileġġjati" għandhom iħallsu iżjed għal dan il-vantaġġ.
  •  Kuntrarju ta’ dan, uħud mir-rispondenti (24) huma tal-opinjoni li l-Istati Membri li jkunu jixtiequ li jkollhom traduzzjonijiet addizzjonali fil-lingwi uffiċjali tagħhom għandhom ikopru l-ispejjeż assoċjati.
  •  Ħafna rispondenti jressqu suġġerimenti dwar kif għandhom jitnaqqsu l-ispejjeż tat-traduzzjoni:
    •  billi jiġu raggruppati r-riżorsi tat-traduzzjonijiet tal-korpi tal-UE kollha;
    •  billi jkun hemm aktar dipendenza fuq traduzzjonijiet awtomatiċi (ara wkoll l-Mistoqsija 10);
    •  billi jitnaqqas l-ammont tat-testi;
    •  bit-tisħiħ tal-kwalità tat-testi;
    •  bl-esternalizzazzjoni ta’ traduzzjonijiet lil tradutturi esterni;
    •  bit-tkattir tal-kompetizzjoni bejn l-aġenziji tat-traduzzjoni permezz ta’ sejħiet għall-offerti trasparenti;
    •  bit-tnaqqis fir-rati tat-traduzzjonijiet taċ-Ċentru tat-Traduzzjonijiet għall-Korpi tal-UE biex dawn jinġiebu fl-istess livell mar-rati tat-traduzzjonijiet fis-settur privat;
    •  billi jiġi evitat li dokumenti diġà tradotti joqogħdu jiġu riveduti;
    •  billi tiġi evitata l-urġenza;
    •  billi jkun hemm koperazzjoni mas-servizzi tat-traduzzjoni nazzjonali, pereżempju billi tinħoloq pjattaforma ta’ traduzzjonijiet komuni biex jiġi evitat xogħol doppju.

Traduzzjonijiet awtomatiċi (Mistoqsija 10)

Sa fejn it-teknoloġija tista’ tintuża biex tipprovdi traduzzjonijiet bejn diversi lingwi tal-UE? Minħabba li t-traduzzjonijiet awtomatiċi jaf mhux dejjem ikunu preċiżi kompletament, dan huwa prezz aċċettabbli li jitħallas sabiex id-dokumenti jkunu disponibbli għat-traduzzjoni aktar malajr u b’mod aktar ekonomiku milli jkun il-każ?

Ir-rispondenti jaraw li hemm sfida biex ikun hemm bilanċ tajjeb bejn il-potenzjal ta’ traduzzjonijiet awtomatiċi u r-riskju ta’ ineżattezzi: “Kultant it-traduzzjonijiet awtomatiċi huma aħjar mix-xejn, iżda kultant ikunu agħar mix-xejn”.

Għal kważi nofs ir-rispondenti (134), il-bilanċ jiffavorixxi t-traduzzjonijiet awtomatiċi. Filwaqt li l-kwistjonijiet preżenti relatati mal-użu tagħhom huma magħrufin sew, diversi rispondenti (17) jikkunsidraw li għandu jsir investiment f'iktar riżorsi biex jiġu żviluppati teknoloġiji ta’ traduzzjoni. Fl-istess ħin, ħafna mir-rispondenti jifformulaw kundizzjonijiet għall-użu preżenti ta’ traduzzjonijiet awtomatiċi; pereżempju, traduzzjoni awtomatika:

  •  għandha tintuża biss bħala għajnuna[4] jew jekk din tkun ġiet riveduta jew moqrija għall-provi minn traduttur uman;
  •  m’għandhiex tintuża għal dokumenti li jeħtieġu preċiżjoni, bħal dokumenti legali jew finanzjarji;
  •  għandha tintuża biss b’ċaħda, fejn tagħmilha ċara li t-test huwa tradott b’mod awtomatiku u possibbilment jista’ ma jkunx korrett;
  •  għandha tintuża biss bħala soluzzjoni transizzjonali sakemm traduzzjoni "proprja" tkun disponibbli;
  •  għandha tkun ikkombinata mal-possibbiltà li tirċievi traduzzjonijiet "proprja" fuq talba.

Ċerti rispondenti jipprovdu eżempji ta’ sitwazzjonijiet li fihom it-traduzzjoni awtomatika tista’ tintuża aktar, bħal pereżempju għall-kontenut ta’ siti web, testi sempliċi jew qosra, dokumenti interni, jew għal traduzzjonijiet f’lingwi mhux uffiċjali.

Għal madwar kwart tar-rispondenti (73), il-bilanċ huwa kontra l-użu ta’ traduzzjonijiet awtomatiċi. Tmienja u għoxrin (28) rispondent jenfasizzaw in-nuqqas ta’ affidabbiltà kif ukoll il-kwalità insuffiċjenti tagħhom. L-użu ta’ traduzzjonijiet awtomatiċi jwassal għal diskriminazzjoni kontra ċ-ċittadini tal-UE, jekk ċerti lingwi uffiċjali jiġu tradotti ‘kif suppost’ u oħrajn le. Uħud mir-rispondenti huma kontra ċ-ċirkolazzjoni ta’ traduzzjonijiet ‘oskuri’, li jkollhom il-potenzjal li jipproduċu "aħbarijiet foloz". Jekk xejn, it-traduzzjoni awtomatika tkun tista’ tintuża biex tgħin lil tradutturi umani (14-il rispondent).

4. Ħarsa ġenerali lejn punti oħrajn imqajma

L-użu ta’ lingwi reġjonali jew minoritarji mill-korpi tal-UE

Ċerti rispondenti jsemmu l-importanza ta’ lingwi reġjonali u minoritarji fl-Istati Membri tal-UE, li m’għandhomx l-istat ta’ lingwa uffiċjali iżda li huma mitkellma b’mod wiesgħa jew inkella huma parti integrali minn identità. Isiru suġġerimenti dwar kif dawn il-lingwi għandhom jingħataw għarfien akbar fuq livell ta’ UE:

  •  billi jiġu allokati taqsima fuq is-siti web tal-UE.
  •  billi jiġu ppubblikati materji li jaffettwaw lill-minoranzi fil-lingwa(i) rilevanti.
  •  billi sommarji dwar kwistjonijiet ewlenin u konsultazzjonijiet pubbliċi jsiru disponibbli f’lingwi reġjonali jew minoritarji.
  • Billi jiġi emendat ir-Regolament 1/1958 sabiex jiġu protetti l-lingwi reġjonjali jew minoritarji.
Il-konsegwenzi ta' Brexit

Numru ta’ rispondenti jinnutaw li, bħala konsegwenza ta’ Brexit f’Marzu 2019, l-Ingliż għandu jsir inqas dominanti u inqas importanti fil-komunikazzjoni interna u esterna tas-servizz ċivili tal-UE.

Anness: Lista ta’ kontribuzzjonijiet

Stati Membri

Franza - Secrétariat Général des Affaires Européennes

L-Italja - Permanent Representation of Italy to the EU

Spanja - Secretaría de Estado para la Unión Europea

Istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-UE

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA)

Awtoritajiet pubbliċi reġjonali

Vlaamse Overheid

Organizzazzjonijiet

European Language Equality Network

Kotimaisten kielten keskus (Finnish Centre of Domestic Languages)

Oifig an Choimisinéara Teanga, Ireland

Conradh na Gaeilge (Gaelic League), Ireland

Europa Esperanto Unio (2 contributions)

Esperanto France

Europe-Démocratie-Esperanto (2 contributions)

Comité Pauvreté et Politique, France

DLF Bruxelles-Europe

Internacia Scienca Instituto "Ivo Lapenna"

Matris lingua, I want my language back

Observatoire européen du plurilingualisme

Panhellenic Association of Translators

Délégation des Barreux de France (au nom du Conseil national des Barreux, du Barreau de Paris et de la Conférence des Bâtonniers)

Centre d'Etudes Jacques Georgin

GEM+ "Pour une gouvernance européenne multilingue" asbl

AlumISIT

Plataforma per la Llengua

Česká esperantská mládež, z.s. (Czech Esperanto Youth)

Wirtschaftskammer Österreich

Irish Translators' and Interpreters' Association

FIT Europe, Regional Centre of the International Federation of Translators

International Certificate Conference Languages (ICC)

Cornish Language Board

Stiftung Lichterfeld

Zentralverband des Deutschen Handwerks e.V.

Exilio - Hilfe für Migranten, Flüchtlinge und Folterüberlebende e.V.

Interkultura Centro Herzberg (Esperanto-Gesellschaft Südharz)

EsperantoLand e.V.

Verein Deutsche Sprache e.V.

Budapesti Orvos-Egészségügyi Eszperantó Szakcsoport

Akkademiċi

Eòghann Dickson, University of Glasgow

Federico Gobbo, University of Amsterdam

Angelo Ariemma, Università degli Studi "La Sapienza" di Roma

Daniel Gonçalves, University of Lisbon

Jean-Claude Barbier, Université Paris 1 Panthéon Sorbonne

Universitat Rovira i Virgili

Michele Gazzola, Ulster University

Universidade do Algarve

François Grin, Université de Genève

Christoph Knabe, Beuth-Hochschule für Technik Berlin

Robert Phillipson, Copenhagen Business School

Isabelle Pingel, Université Paris 1 Panthéon Sorbonne

Victor Ginsburgh, Université Libre de Bruxelles / Université catholique de Louvain & Juan D. Moreno-Ternero, Universidad Pablo de Olavide

Individwi

234 kontribuzzjoni waslu mingħand individwi

 

[1] Dan irid jiġi vvalutat fuq bażi ta’ każ b’każ. Ir-rispondenti taw varjanti differenti dwar dan ir-rekwiżit: min jagħmel it-talba għandu (i) jipprovdi raġuni, u (ii) jipprova “interess leġittimu”, jew (iii) juri li b’xi mod dawn qed jiġu affettwati bid-dokument.

[2]Varjant wieħed għal din l-idea huwa li jkun hemm fis-seħħ reġim ta’ lingwa li jkun ibbażat fuq distinzjoni bejn is-siti web ewlenin tal-UE (dawk magħrufa bħala s-siti web tal-livell 1) u siti web tal-UE li jkunu aktar dettaljati jew tekniċi (is-siti web tal-livell 2). F’dan il-grupp ta’ rispondenti, joħorġu differenzi dwar kemm-il lingwa uffiċjali għandha tintuża għal kull tip ta’ sit web. Hemm żewġ approċċi ewlenin, jiġifieri:

· li jintużaw il-lingwi uffiċjali kollha tal-UE għas-siti web ewlenin tal-UE u numru minimu ta’ lingwi għas-siti web l-oħrajn li jkunu aktar dettaljati jew tekniċi (l-Ingliż, il-Franċiż, il-Ġermaniż u potenzjalment ukoll it-Taljan u l-Ispanjol) jew li dawn is-siti web jiġu tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha permezz ta’ traduzzjoni awtomatika.

· li jintuża numru ristrett ta’ lingwi uffiċjali tal-UE għas-siti web ewlenin (l-Ingliż, il-Franċiż, il-Ġermaniż u potenzjalment ukoll it-Taljan u l-Ispanjol) u inqas lingwi (bħall-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż jew l-Ingliż biss) għas-siti web aktar dettaljati u tekniċi.

[3]Ir-rispondenti jirreferu għal 60, 75, 80 jew 90% tal-popolazzjoni Ewropea.

[4]Rispondent wieħed isemmi l-potenzjal ta’ traduzzjoni assistita bil-kompjuter ('l hekk imsejħa ‘CAT-tools’), li traduttur uman juża sabiex jiffaċilita l-proċess tat-traduzzjoni.