Haluatko tehdä kantelun EU:n toimielimestä tai elimestä?

L-Ombudsman Ewropew tniedi konsultazzjoni pubblika dwar it-trasparenza tan-negozjati tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP)

Din il-konsultazzjoni bħalissa magħluqa.

Sfond

Fid-29 ta' Lulju 2014, l-Ombudsman Ewropew bdiet investigazzjoni fuq inizjattiva proprja fil-konfront tal-Kummissjoni Ewropea li tikkonċerna t-trasparenza u l-parteċipazzjoni pubblika fin-negozjati tat-TTIP (OI/10/2014/RA). Din il-konsultazzjoni pubblika tikkonċerna dik l-investigazzjoni[1].

L-eżitu tan-negozjati tat-TTIP jista' jkollu impatt sinifikanti fuq ħajjet iċ-ċittadini. L-għan tal-investigazzjoni tal-Ombudsman huwa li tgħin biex tiżgura li l-pubbliku jkun jista' jsegwi l-progress ta' dawn it-taħditiet u jikkontribwixxi biex isawwar ir-riżultat tagħhom.

Mistoqsijiet u proposti lill-Kummissjoni

B'konformità mas-suġġerimenti magħmula mill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni għamlet sforzi reali biex ittejjeb it-trasparenza tal-proċess tan-negozjati tat-TTIP u biex tippromwovi l-parteċipazzjoni pubblika. Minkejja dawn l-isforzi, xi individwi u organizzazzjonijiet esprimew nuqqas ta' sodisfazzjon. F'dan l-isfond, l-Ombudsman talbet lill-Kummissjoni biex tipprovdi, sal-31 ta' Ottubru 2014, il-fehmiet tagħha dwar ċerti mistoqsijiet u proposti li jinsabu fl-ittra li tat bidu għal din l-investigazzjoni.

Stedina biex jintbagħtu l-kontribuzzjonijiet

Din il-konsultazzjoni tagħti lil kulħadd l-opportunità li jwassal il-fehmiet tiegħu dwar il-kwistjonijiet imqajma mill-investigazzjoni fuq inizjattiva proprja. L-Ombudsman se tikkunsidra l-kontribuzzjonijiet li tirċievi qabel ma tippreżenta numru ta' suġġerimenti oħra li l-Kummissjoni għandha tqis hekk kif jipproċedu n-negozjati. Peress li d-data finali stabbilita għall-investigazzjoni tal-Ombudsman hija l-31 ta' Diċembru 2014, l-Ombudsman tistiednek twieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin sal-31 ta' Ottubru 2014:

  1. Jekk jogħġbok għidilna l-fehmiet tiegħek dwar x'miżuri konkreti l-Kummissjoni tista' tieħu biex tagħmel in-negozjati tat-TTIP aktar trasparenti. Fejn, b'mod speċifiku, tara lok għal titjib? (Nitolbuk biex kemm jista' jkun tkun konkret fit-tweġibiet tiegħek u tikkunsidra wkoll il-fattibbiltà tas-suġġerimenti tiegħek, fid-dawl taż-żmien disponibbli għall-konklużjoni tan-negozjati. Ikun ta' għajnuna kbira jekk tista' tipprijoritizza s-suġġerimenti tiegħek.)
  2. Jekk jogħġbok agħti eżempji tal-aħjar prattika li ltqajt magħha f'dan il-qasam (pereżempju, f'Direttorati-Ġenerali partikolari tal-Kummissjoni jew organizzazzjonijiet internazzjonali oħra) li taħseb li tista' tiġi applikata fil-Kummissjoni kollha.
  3. Jekk jogħġbok spjega kif, fil-fehma tiegħek, trasparenza akbar tista' taffettwa r-riżultat tan-negozjati.

Din il-konsultazzjoni pubblika ma tirrigwardax is-sustanza tan-negozjati. Lanqas mhi intiża li ssolvi problemi individwali, bħal rifjuti speċifiċi li jingħata aċċess għal dokumenti. Tali każijiet jistgħu jitressqu quddiem l-Ombudsman bħala ilmenti.

Kif tikkontribwixxi

Se jkun possibbli li jitqiesu l-kummenti tiegħek jekk dawn jintbagħtu sal-31 ta' Ottubru 2014.

Bil-posta elettronika:

http://www.ombudsman.europa.eu/email?to=contactform_email_consultation-2014-10

jew

Bil-posta: European Ombudsman, 1 avenue du Président Robert Schuman, CS 30403, F - 67001 Strasbourg Cedex, France

jew

Bil-faks: +33 (0)3 88 17 90 62.

Jekk jogħġbok indika b'mod ċar 'konsultazzjoni TTIP' fil-bidu tal-kontribuzzjoni tiegħek.

Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jitressqu fi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċċjali tal-UE.

Bħala parti mill-proċedura tal-investigazzjoni, l-Ombudsman ser tibgħat lill-Kummissjoni l-kontribuzzjonijiet kollha li tirċievi. L-Ombudsman tista' wkoll tippubblikahom onlajn. Il-kontributuri li jħossu li isimhom ma għandux jiġi ppubblikat u/jew li l-kummenti tagħhom ma għandhomx ikunu disponibbli għall-pubbliku, għandhom jiddikjaraw dan u jispjegaw ir-raġunijiet għalfejn. Fil-każ tal-aħħar, il-kontributuri huma mistiedna jibagħtu sommarju mhux konfidenzjali li mbagħad jintbagħat lill-Kummissjoni u jista' jiġi ppubblikat fuq il-websajt tal-Ombudsman.

Jekk tixtieq aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lis-Sinjura Rosita Agnew, Koordinatriċi tal-investigazzjonijiet fuq inizjattiva proprja fl-uffiċċju tal-Ombudsman (tel: +32 2 284 25 42).



[1] Investigazzjoni oħra fuq inizjattiva proprja dwar l-istess suġġett (OI/11/2014/RA) inbdiet fir-rigward tal-Kunsill tal-UE. Aktar informazzjoni tinsab hawnhekk.