Haluatko tehdä kantelun EU:n toimielimestä tai elimestä?

P. Nikiforus Diamandouros

P. Nikiforus Diamandouros twieled fil-25 ta’ Ġunju 1942 f’‎Ateni, il-Greċja. Mill-2003 sa Ottubru tal-2013 kien l-Ombudsman tal-Unjoni Ewropea (l-Ombudsman Ewropew). Mill-1998 sal-2003, serva bħala l-ewwel Ombudsman Nazzjonali tal-Greċja. Huwa Professur Emeritus tal-politiki komparattivi fid-Dipartiment tax-Xjenza Politika u l-Amministrazzjoni Pubblika fl-Università ta’ Ateni. Mill-1995 sal-1998 serva bħala Direttur u President taċ-Ċentru Nazzjonali Grieg għar-Riċerka Soċjali (EKKE). Sa mill-2012, huwa Professur Viżitatur fil-Kulleġġ tal-Ewropa (Bruges). F’Mejju tal-2014, ġie elett fl-Akkademja Griega (=l-Akkademja Nazzjonali tal-Arti u x-Xjenzi).

Huwa rċieva l-Baċellerat mill-Università ta’‎ Indiana fl-1963 u l-Master tiegħu fl-1965, il-gradi M.Phil. (1969) u Ph.D. (1972) mill-Università ta’‎ Columbia. Qabel ma ngħaqad mal-fakultà tal-Università ta’‎ Ateni fl-1988, kellu karigi fit-tagħlim u r-riċerka fl-Università Statali ta’‎ New York u l-Università ta’‎ Columbia rispettivament (1973-78). Mill-1980 sal-1983, serva bħala Direttur għall-Iżvilupp fil-Kulleġġ ta’‎ Ateni, f’‎Ateni, il-Greċja. Mill-1983 sal-1988, kien Direttur tal-Programm għall-Ewropa tal-Punent u għal-Lvant Qarib u Nofsani fil-Kunsill għar-Riċerka tax-Xjenza Soċjali, New York. Mill-1988 sal-1991, kien id-Direttur tal-Istitut Grieg għall-Istudji Internazzjonali u Strateġiċi, f’Ateni, grupp ta’‎ riflessjoni dwar il-politika ffinanzjat mill-Fondazzjonijiet Ford u MacArthur. Fl-1997, kien Professur Viżitatur tax-xjenza politika fiċ-Ċentru Juan March għall-Istudji Avvanzati fix-Xjenzi Soċjali (f’‎Madrid). Fl-2011, huwa rċieva l-grad ta’‎ Dottorat fil-Liġi (honoris causa) mill-Kulleġġ Amerikan tal-Greċja.

Huwa serva bħala President tal-Assoċjazzjoni Griega tax-Xjenza Politika (1992-98) u tal-Assoċjazzjoni Griega tal-Istudji Moderni tal-Istati Uniti (1985-88). Fl-1999 u l-2000 inħatar bħala membru tal-Kummissjoni Nazzjonali Griega dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Kunsill Nazzjonali għar-Riforma Amministrattiva rispettivament. Bejn l-1988 u l-1996, serva bħala kopresident tas-Sottokumitat tal-Ewropa tan-Nofsinhar tal-Kunsill għar-Riċerka fix-Xjenza Politika, fi New York, li l-attivitajiet tiegħu ġew iffinanzjati mill-Fondazzjoni Volkswagen. Kien ukoll Editur Ġenerali konġunt tas-Serje dwar l-Ewropa tan-Nofsinhar il-Ġdida ppubblikata mill-Oxford University Press, il-Johns Hopkins University Press u Palgrave. Huwa kien ir-riċevitur ta’‎ għotjiet għar-riċerka tal-Fondazzjoni għall-Istudji Umanistiċi Fulbright u National (US) .

Huwa kiteb b’mod estensiv dwar il-politiki u l-istorja tal-Ewropa tan-Nofsinhar, tal-Lvant u tax-Xlokk inkluż il-Greċja u b’‎mod aktar speċifiku dwar id-demokratizzazzjoni, il-bini tal-istat u tan-nazzjon, ir-relazzjoni bejn il-kultura u l-politika kif ukoll l-istituzzjoni tal-ombudsman u l-prinċipji ta’‎ prattika amministrattiva tajba. Volumi editjati: The Politics of Democratic Consolidation: Southern Europe in Comparative Perspective, 1995; Parties, Politics and Democracy in the New Southern Europe, 2001; The European Ombudsman: Origins, Establishment, Evolution, 2005; Democracy and the State in the New Southern Europe, 2006; Spatial Conceptions of the Nation; Modernizing Geographies in Greece and Turkey, 2010. Monografiji: L-Oriġini tal-Bini tal-Istat fil-Greċja Moderna, 1821-1828, 2002 (bil-Grieg) u Id-Duwaliżmu Kulturali u t-Tibdil Politiku fil-Greċja Postawtoritarja, 2000 (bil-Grieg).

Dekorazzjonijiet: Grand Commander of the Order of the Phoenix, Greece, 2004; Golden Cross of Merit, Poland, 2010; Chevalier de la Légion d’Honneur, France, 2014.

Lingwi: Il-Grieg, l-Ingliż, il-Franċiż, it-Taljan, il-Ġermaniż, l-Ispanjol, il-Portugiż Il-passatempi tiegħu jinkludu l-qari, il-kitba, il-mużika klassika u l-films.