¿Tiene una reclamación contra una institución u órgano de la UE?

Riżultati tal-konsultazzjoni pubblika - Prinċipji tas-servizz pubbliku għall-uffiċjali pubbliċi tal-UE

Daħla

L-esperjenza tiegħi li nittratta l-ilmenti u l-kuntatti tiegħi mal-istituzzjonijiet tal-UE u l-membri tal-persunal tagħhom, maċ-ċittadini, u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, wassluni biex nikkonkludi li l-uffiċjali pubbliċi u l-pubbliku jistgħu jibbenefikaw minn dikjarazzjoni sinċiera u konċiża dwar il-prinċipji tas-servizz pubbliku għall-uffiċjali pubbliċi tal-UE. Ħabbart l-intenzjoni tiegħi li nabbozza din id-dikjarazzjoni f’April 2009, fis-seba’ seminar tal-ombudsmen nazzjonali tal-Unjoni Ewropea.

Wara l-konsultazzjoni mal-ombudsmen nazzjonali fin-Netwerk ta’ Ombudsmen Ewropej sabiex tiġi kkunsidrata l-aqwa prattika fl-Istati Membri, ħejjejt abbozz li jikkonsisti f’ħames prinċipji: impenn, integrità, objettività, rispett u trasparenza. Konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozz tnediet fi Frar 2011.

Dan id-dokument janalizza r-reazzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika. L-ewwel iħares lejn dak li qalu n-nies dwar il-proposta ġenerali u mbagħad iħares lejn il-kummenti u s-suġġerimenti li saru rigward liema prinċipji għandhom jiġu inklużi, u dwar kif dawn għandhom jiġu abbozzati. Wara kull sottotaqsima, jiena nagħti r-reazzjoni tiegħi għall-kummenti u s-suġġerimenti msemmija fl-analiżi ta’ qabel.

Dokument bħal dan bilfors irid ikun selettiv. Mhux kull punt li sar minn kull kontributur jista’ jissemma, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet dettaljati relatati mal-abbozzar. Madankollu, nemmen li dan id-dokument jirrifletti b’mod ġust il-kummenti kollha li saru, inklużi dawk li kkritikaw l-inizjattiva.

Nixtieq nestendi l-gratitudni sinċiera tiegħi lill-istituzzjonijiet, lill-organizzazzjonijiet u lill-individwi kollha li rrispondew għall-konsultazzjoni pubblika. Il-kontribut tagħhom se jagħmel differenza kbira fil-verżjoni finali tal-prinċipji.

Il-pass li jmiss hu li jitqies bir-reqqa l-aqwa mod ta’ kif għandha tiġi komunikata l-verżjoni finali tal-prinċipji tas-servizz pubbliku lill-pubbliku, lill-uffiċjali pubbliċi, lill-istituzzjonijiet tal-UE u lil partijiet oħra interessati. Bħalma enfasizzaw b’mod ġust uħud mill-kontributuri, il-prinċipji stess għandhom ikunu akkumpanjati minn memorandum ta’ spjegazzjoni.

Wieħed mill-punti li se jiġu enfasizzati fl-introduzzjoni huwa li l-prinċipji tas-servizz pubbliku stess mhumiex la l-ewwel u lanqas l-aħħar kelma dwar l-istandards etiċi li japplikaw għas-servizz pubbliċi tal-UE. Bħalma ċċaraw id-dokumenti ta’ konsultazzjoni, ir-Regolamenti tal-Persunal, ir-Regolament Finanzjarju, u l-Kodiċi Ewropew ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba diġà jinkludu dawn l-istandards, kemm b’mod espliċitu kif ukoll b’mod impliċitu.

Barra minn hekk, l-idea li titħejja dikjarazzjoni tal-prinċipji tas-servizz pubbliku mhijiex li jiġu żviluppati standards etiċi ġodda, iżda li jiġu ċċarati l-aspettativi eżistenti tal-uffiċjali pubbliċi u taċ-ċittadini. Fl-opinjoni tiegħi, il-vantaġġ ta’ dawn l-istandards, jekk ikunu espliċiti, huwa li jiġġeneraw u jiffokaw fuq diskussjoni kostruttiva kontinwa fost l-uffiċjali pubbliċi u bejn l-uffiċjali pubbliċi u l-pubbliku, dwar liema mġiba hija etikament xierqa. Jiena nemmen li l-konsultazzjoni pubblika stess uriet is-siwi ta’ dan id-dibattitu.

Għalhekk, il-verżjoni finali tal-prinċipji se tibqa’ dikjarazzjoni ta’ livell għoli tal-istandards etiċi li l-uffiċjali pubbliċi kollha diġà qed jistennew lilhom infushom li jirrispettaw, u li fl-istess ħin huma mistennija li jirrispettaw. Din mhux se tfittex li tidduplika l-istrumenti eżistenti, jew li tkun sostitut għar-reviżjoni u s-suppliment ta’ dawk l-istrumenti fejn ikun meħtieġ. Għandi nżomm ukoll milli nilqa’ talbiet li jinkludu elementi li, fl-opinjoni tiegħi, japplikaw prinċipalment għal uffiċjali pubbliċi b’responsabilitajiet ta’ tmexxija, jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala obbligi tal-istituzzjonijiet, iktar milli ta’ kull uffiċjal pubbliku individwali.

Madankollu, dawn l-elementi jikkostitwixxu sors mimli ideat, li l-Ombudsman se jispira ruħu minnhom waqt il-ħidma mal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, fil-ġejjieni, sabiex jinkoraġġixxi u jrawwem kultura istituzzjonali li tagħmel mill-prinċipji tas-servizz pubbliku realtà ħajja.

Nittama li kull min jaqra dan ir-rapport jaqbel li dikjarazzjoni tal-prinċipji tas-servizz pubbliku u l-konsultazzjoni pubblika dwar dawn il-prinċipji jikkostitwixxu kontribut sinifikanti favur it-twettiq tal-missjoni tal-Ombudsman Ewropew kif stabbilita fl-Istrateġija li adottajt f’Settembru 2010:

L-Ombudsman Ewropew ifittex riżultati ġusti għall-ilmenti kontra l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, iħeġġeġ it-trasparenza u jippromwovi kultura amministrattiva ta’ servizz. Fi ħsiebu jibni l-fiduċja permezz tad-djalogu bejn iċ-ċittadini u l-Unjoni Ewropea u jadotta l-ogħla standards ta’ mġiba fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

P. Nikiforos Diamandouros

1. Il-proċess ta’ konsultazzjoni

Fl-24 ta’ Frar 2011, l-Ombudsman Ewropew nieda konsultazzjoni pubblika dwar abbozz ta’ dikjarazzjoni ta’ ħames prinċipji tas-servizz pubbliku għall-uffiċjali pubbliċi tal-UE.

Id-dokument ta’ konsultazzjoni ġie pubblikat fit-23 lingwi uffiċjali kollha.

L-iskadenza oriġinali għall-kontribuzzjonijiet kienet fil-15 ta’ Mejju 2011. Fuq talbiet minn diversi organizzazzjonijiet, l-iskadenza ġiet estiża b’xahar, sal-15 ta’ Ġunju 2011.

B’kollox, waslu 56 risposta għall-konsultazzjoni: 28 kienu bl-Ingliż, 22 bil-Franċiż, tlieta bl-Ispanjol, tnejn bil-Ġermaniż u waħda bil-Grieg.

Kif issemma fil-karta tal-konsultazzjoni, il-lista tal-kontributuri li ma talbux li isimhom jibqa' kunfidenzjali ġiet ippubblikata fuq il-websajt tal-Ombudsman. Il-kontribuzzjonijiet stess ġew ippubblikati fuq il-websajt, wara li saret talba sabiex jiġu aċċessati mill-pubbliku.

Wieħed mill-uffiċjali pubbliċi talab biex ismu ma jiġix ippubblikat. L-Ombudsman qabel ma’ din it-talba. L-Ombudsman iddeċieda wkoll li ma jippubblikax kontribuzzjoni oħra peress li kien fiha allegazzjonijiet kontra partijiet terzi. L-ebda mill-kontribuzzjonijiet ma wasslu lill-Ombudsman biex jikkunsidra r-reviżjoni tal-prinċipji abbozzati.

It-taqsima 2 t’hawn taħt telenka 54 kontributuri li l-kontribuzzjonijiet tagħhom ġew ippubblikati fuq il-websajt.

Matul il-perjodu ta’ konsultazzjoni, l-Ombudsman bagħat risposti individwali lil żewġ kontributuri,  l-Unjoni tal-Federalisti Ewropej u l-Kumitat tal-Persunal tal-Kunsill. Dawn ir-risposti jinsabu ppubblikati fuq il-websajt, flimkien mal-kontributi relevanti. L-Ombudsman kellu wkoll laqgħat mad-delegati mis-Solidarité européenne, Unjoni tal-Persunal, u l-Kumitat Ċentrali tal-Persunal tal-Kummissjoni, fit-30 ta’ Mejju u l-31 ta’ Mejju 2011 rispettivament.

2. Lista ta’ kontributuri

Hawn taħt, f’ordni alfabetika, insibu lista tal-individwi u l-organizzazzjonijiet li bagħtu risposta bil-miktub għall-konsultazzjoni pubblika.

- Access Info Europe - Helen Darbishire, Pamela Bartlett, u Lydia Medland

- Adriaen, Charlotte

- Alexakis, Georgios

- Allgeier, Timo

- ALTER-EU - Koen Roovers, koordinatur tal-Koalizzjoni

- Uffiċċju Kontra l-Frodi ta’ Katalunja - Xavier Sisternas, id-Direttur tad-Dipartiment tal-Prevenzjoni

- Association Inscrire - Françoise Schein u Katia de Radiguès

- Banneux, Dominique

- Bartholomé, Etienne

- BEUC- l-Organizzazzjoni tal-Konsumaturi Ewropej - Ilaria Passarani, Uffiċjal Anzjan għall-politiki

- Birbeck, Vaughan

- Bordes, Arnaud

- Casana, Francois

- Cerchez, Marius

- Chaouch, Dhikra

- Cleary, Gottlieb, Steen & Hamilton LLP - John Temple Lang

- Il-Kumitat Ċentrali tal-Persunal tal-Kummissjoni - Cristiano Sebastiani, il-President

- Il-Kumitat tal-Persunal tal-Kunsill - Catherine Bony-Brandt, President

- Docherty, Michael

- Domm, Rory

- Dumont du Voitel, Rainer

- Netwerk Euclid - Luisa De Amicis, Uffiċjal tal-Proġetti u tal-Politiki

- Eulaerts, Olivier

- Netwerk tal-Aġenziji tal-UE- Geert Dancet, il-President tan-Netwerk, id-Direttur Eżekuttiv, l-Aġenzija għas-Sustanzi Kimiċi

- Il-Kummissjoni Ewropea - José Manuel Barroso, il-President

- Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri - Vítor Caldeira, il-President

- L-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini - Frances Nuttall, il-Kap tar-Riżorsi Umani

- Il-Parlament Ewropew - Jerzy Buzek, il-President

- Il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija - Detlef Schröder, il-Viċi Direttur

- L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Universitajiet - Lesley Wilson, Segretarju Ġenerali

- Gargaro, Vittorio

- Gesamtverbandes der Deutschen Versicherungswirtschaft - Stephan Schweda

- Hermans, Barbara

- Il-House of Lords, il-Kumitat tal-Unjoni Ewropea - Lord John Roper, il-President

- Ibáñez García, Isaac

- Jones, Alice

- Lacerda, Antonio

- Lefavrais, Thibaut

- Lemoigne, Brigitte

- Mauro, Massimo

- N'Dong, Stéphane

- Noriega Guerra, Alberto

- Ratel, Christine

- Robertson, Colin

- Romera Agüero, Lidia Maria

- Sanchez Amillategui, Fernando

- L-Għaqda ta’ Professjonisti dwar l-Affarijiet Ewropej (SEAP) - Gary Hills, Segretarju Ġenerali

- Solidarité Européenne - Luigia Dricot Daniele, Secrétaire politique

- Strack, Guido

- L-Għaqda ta' uffiċjali pubbliċi internazzjonali u Ewropej - Pilar Antelo, President

- Talacchi, Alessandro

- Talevska, Snezana

- L-Unjoni tal-Federalisti Ewropej - Andrew Duff, MPE

- Wellens, Ingrid

3. Analiżi tar-reazzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika

3.1. Dak li qalu n-nies dwar il-proposta ġenerali

3.1.1 Reazzjonijiet ġenerali

Ġew espressi diversi fehmiet dwar l-utilità tal-inizjattiva tal-Ombudsman.

Ħafna kontributuri (pereżempju l-Access Info Europe, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Universitajiet, il-Kumitat tal-Persunal tal-Kunsill, in-Netwerk tal-Aġenziji tal-UE u l-Assoċjazzjoni Ġermaniża tal-Assigurazzjoni) laqgħu l-inizjattiva. Uħud mill-kontributuri (b’mod partikolari, l-Access info Europe, l-ALTER-EU u Cleary, Gottlieb, Steen & Hamilton) ġibdu l-attenzjoni lejn oqsma speċifiċi ta’ tħassib, għal liema huma jemmnu li l-prinċipji setgħu kienu partikolarment relevanti. Dawn kienu jinkludu l-indirizzar tal-kunflitti ta’ interess, ir-relazzjonijiet mal-gruppi ta’ interesss, il-fenomenu ta’ “revolving doors” u bidliet fil-mod kif inhu magħmul is-servizz pubbliku tal-UE.

In-Netwerk tal-Aġenziji tal-UE

L-aġenziji tassew jaqblu li huwa importanti li jiġu stabbiliti l-prinċipji komuni relatati mal-uffiċjali pubbliċi kollha fl-UE, li għandhom jirriflettu l-valuri tal-amministrazzjoni pubblika moderna, bħat-trasparenza, l-imparzjalità, ir-responsabilità u l-effiċjenza.

Min-naħa l-oħra, uħud mill-kontributuri (pereżempju l-Kumitat Ċentrali tal-Persunal tal-Kummissjoni u waħda mill-organizzazzjonijiet sindakali, Solidarité européenne) enfasizzaw ir-riskju li l-inizjattiva tista’ tkun kontroproduttiva. Jekk l-inizjattiva ġiet mifhuma ħażin bħala li timplika li l-istrumenti eżistenti, bħar-Regolamenti tal-Persunal, ma kenux biżżejjed, il-fiduċja taċ-ċittadini fis-servizz pubbliku tal-UE tista’ tiddgħajjef iktar milli tissaħħaħ.

L-Unjoni tal-Federalisti Ewropej, li kitbu permezz tal-President tagħhom, is-Sur Andrew Duff MPE, semmew tħassib dwar il-messaġġ preċiż tal-konsultazzjoni u indikaw ir-riskju li l-inizjattiva jista’ jkollha effett demoralizzanti fuq l-uffiċjali pubbliċi.

Barra minn hekk, għadd ta’ uffiċjali pubbliċi individwali bagħtu risposti li jpoġġu fid-dubju l-ħtieġa għal dikjarazzjoni tal-prinċipji, u f’xi każijiet, il-kompetenza tal-Ombudsman biex iniedi tali inizjattiva u/jew ir-raġunijiet tiegħu biex jagħmel hekk.

Ir-reazzjoni mill-Kumitat tal-Persunal tal-Kunsill ġibdet l-attenzjoni lejn problema fil-verżjoni Franċiża tal-prinċipji, li użat il-verb “devraient” biex tittraduċi l-verb Ingliż “should”. Skont il-Kumitat, l-użu ta’ din il-forma kellu implikazzjonijiet negattivi u rrakkomanda li minflokha jintuża l-preżent indikattiv. F’laqgħat sussegwenti mad-delegati mill-Kumitat Ċentrali tal-Persunal tal-Kummissjoni u Solidarité européenne, li saru fuq talba tagħhom, ġie mqajjem l-istess punt.

 Comité du personnel du Conseil de l'UE/ Il-Kumitat tal-Persunal tal-Kunsill tal-UE

Or, bien que l'intention de la déclaration soit constructive, sa rédaction pourrait, au lieu d'accroître la confiance des citoyens dans le service public européen, mettre sérieusement en doute l'intégrité même de celui-ci.

Chaque phrase contient notamment le mot "devraient", ce qui a une connotation d'accusation très forte. Ce conditionnel donne l'impression que la fonction publique européenne fait preuve d'une gestion administrative des plus mauvaises, ce qui n'est de toute évidence pas le cas. C'est pourquoi il nous semble que la rédaction du projet pourrait être sensiblement améliorée en supprimant ce verbe "devraient" et en mettant la totalité du texte au présent de l'indicatif[1].

Fil-laqgħat tal-Kumitat Ċentrali tal-Persunal tal-Kummissjoni u Solidarité européenne, ġie ssuġġerit li l-kwistjonijiet tal-komunikazzjoni għandhom jiġu studjati bir-reqqa u li l-verżjoni finali tal-prinċipji għandha tiġi akkumpanjata minn introduzzjoni li tispjega l-iskop tagħhom u, b’mod partikolari, li tirrikonoxxi li bħalissa l-uffiċjali pubbliċi qed josservaw il-prinċipji.

Il-kontribuzzjoni bil-miktub mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri tissuġġerixxi wkoll li tiġi miżjuda introduzzjoni fid-dikjarazzjoni li tfakkar għalfejn l-UE ġiet stabbilita u liema huma l-valuri ewlenin tagħha. Il-Qorti tal-Awdituri ssuġġeriet li tittieħed ispirazzjoni mid-Dikjarazzjoni ta’ Schuman u mill-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jirreferi għall-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

Euclid ġibed ukoll l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-prinċipji jiġu akkumpanjati minn introduzzjoni.

Il-fehma tal-Ombudsman

Kif issemma fid-dokument ta’ konsultazzjoni, l-għan ewlieni għall-abbozzar ta’ dikjarazzjoni diretta u konċiża tal-prinċipji tas-servizz pubbliku huwa li tiġi promossa l-fiduċja taċ-ċittadini fis-servizz pubbliku Ewropew u fl-istituzzjonijiet tal-UE li dan jaqdi.

Qatt ma kien hemm l-intenzjoni li jiġi ssuġġerit li l-prinċipji mhumiex diġà qed jiġu osservati u applikati mill-uffiċjali pubbliċi tal-UE.

L-Ombudsman aċċetta bi gratitudni s-suġġeriment pożittiv u kostruttiv li sar mill-Kumitat tal-Persunal tal-Kunsill, il-Kumitat Ċentrali tal-Persunal tal-Kummissjoni u Solidarité européenne għal verżjoni mtejba tal-prinċipji bil-Franċiż sabiex jiġi evitat nuqqas ta’ ftehim.

Fir-rigward tal-verżjoni bl-Ingliż, l-Ombudsman jikkunsidra li l-kelma “should” hija xierqa biex tesprimi l-obbligi eżistenti, li hija l-intenzjoni tad-dikjarazzjoni tal-prinċipji tas-servizz pubbliku.

L-Ombudsman se jiżgura li l-verżjonijiet tal-lingwi l-oħra jiġu riveduti filwaqt li tingħata attenzjoni lil dan il-punt.

L-Ombudsman jaqbel ukoll bis-sħiħ dwar l-importanza li l-verżjoni finali tal-prinċipji tas-servizz pubbliku tiġi komunikata b’mod effettiv u xieraq, u dwar il-fatt li se jkun meħtieġ memorandum ta’ spjegazzjoni għal dan l-iskop.

3.1.2 Ir-relazzjoni mar-regoli, il-kodiċijiet u l-proċessi eżistenti

Ħafna kontributuri ġibdu l-attenzjoni lejn l-importanza ta’ strumenti u proċessi oħra għad-dħul fis-seħħ tal-prinċipji tas-servizz pubbliku.

Il-Parlament Ewropew ġibed l-attenzjoni lejn il-kodiċi tal-kondotta tiegħu għall-persunal (Gwida dwar l-Obbligi tal-Uffiċjali u l-Aġenti tal-Parlament Ewropew) li ġie adottat mill-Uffiċċju tiegħu fis-7 ta’ Lulju 2008, li fl-introduzzjoni tiegħu jiġi spjegat li s-servizz pubbliku Ewropew huwa marbut mill-kodiċi ta’ etika tiegħu stess.

Il-Kummissjoni Ewropea fakkret li, matul is-snin li għaddew, ħadet azzjoni biex tqajjem il-kuxjenza tal-persunal tagħha u tħeġġeġ l-implimentazzjoni tar-regoli u l-prinċipji li jinsabu fir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kodiċi ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba, li adottat fis-17 ta’ Ottubru 2000.

Żewġ risposti minn individwi ġibdu l-attenzjoni tal-Ombudsman lejn il-Komunikazzjoni mill-Viċi-President Kallas lill-Kummissjoni dwar It-Titjib tal-Ambjent għal Etika Professjonali fil-Kummissjoni (SEC(2008) 301 finali, il-5 ta’ Marzu 2008) u l-Gwida Prattika tal-Kummissjoni dwar l-Etika u l-Kondotta tal-Persunal (li hija disponibbli fuq l-intranet tal-Kummissjoni).

Cleary, Gottlieb, Steen & Hamilton LLP semmew li d-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni għandha l-kodiċi etiku tagħha stess[2] u rrakkomandat li l-Kummissjoni tikkunsidra li tadotta kodiċijiet simili, adattati għaċ-ċirkustanzi ta’ Direttorati Ġenerali oħra.

Organizzazzjoni sindakali, is-Syndicat des fonctionnaires internationaux et européens (SFIE) identifikat għadd ta’ oqsma li kkunsidrat li l-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal fihom mhijiex sodisfaċenti u stiednet lill-Ombudsman biex jifformula proposti fil-qafas tal-bidliet fir-Regolamenti tal-Persunal previsti għall-2012.

L-Organizzazzjoni tal-Konsumaturi Ewropej (BEUC) enfasizzat il-proċess tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni[3] bħala sors ta’ informazzjoni u evidenza biex tiġi żgurata l-objettività fit-tfassil tal-politika u enfasizzat il-ħtieġa għal imparzjalità fil-kummissjonar u l-iddisinjar tar-riċerka biex jiġu appoġġjati valutazzjonijiet tal-impatt. Il-BEUC talbet ukoll lill-istituzzjonijiet biex jikkunsidraw mill-ġdid il-proċeduri għall-konsultazzjoni tagħhom, sabiex jiġi żgurat il-bilanċ bejn l-interessi differenti u l-partijiet interessati.

Ir-risposta personali ta’ uffiċjal li jaħdem mal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tissuġġerixxi li kull istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija tal-UE għandu jkollha “uffiċjal għall-etika”, li jipprovdi informazzjoni u taħriġ dwar kwistjonijiet etiċi, jagħmel proposti biex tittejjeb il-kondotta etika, ikun disponibbli għal konsultazzjoni mill-persunal u jaġixxi bħala mekkaniżmu ta' twissija. Għandha tiġi żviluppata wkoll pjattaforma jew netwerk għall-qsim ta’ informazzjoni u ideat fost id-diversi uffiċjali għall-etika. Kontributuri oħra enfasizzaw ukoll l-importanza li l-istituzzjonijiet jipprovdu taħriġ rigward kwistjonijiet etiċi lill-persunal tagħhom.

Il-fehma tal-Ombudsman

L-Ombudsman jirrikonoxxi l-importanza tal-punti msemmija hawn fuq u jirringrazzja lill-kontributuri li ħarġu bihom.

Waqt diskors mal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew li sar fit-22 ta’ Settembru 2011, l-Ombudsman irrefera għall-inizjattivi importanti tal-Kummissjoni fil-ħatra ta’ “korrispondenti tal-etika” u l-iżvilupp ta’ programmi ta’ taħriġ dwar l-etika. Huwa ssuġġerixxa li dan ix-xogħol jista’ jingħata dimensjoni interistituzzjonali u offra l-għajnuna tiegħu għal dan il-proċess. F’dan il-kuntest, l-Ombudsman se jeżamina mill-qrib is-suġġeriment siewi rigward il-ħatra ta’ uffiċjali għall-etika.

Skont il-fehma tal-Ombudsman, il-punti kkunsidrati f’din it-taqsima ma jeħtieġux bidliet fl-abbozz tal-prinċipji tas-servizz pubbliku.

3.1.3 Infurzar u sanzjonijiet

Kontributur individwali staqsa dwar min se jissorvelja l-konformità tal-uffiċjali pubbliċi mal-prinċipji, min se jiddeċiedi jekk il-prinċipji ġewx miksura f’każ ta’ tilwim jew allegazzjoni u jekk ikunx hemm sanzjonijiet għal dawk li jiksru l-prinċipji. L-Għaqda ta’ Professjonisti dwar l-Affarijiet Ewropej (SEAP) xtaqet ukoll li tkun taf x’jiġri jekk uffiċjal pubbliku jonqos milli jissodisfa l-prinċipji u jekk l-Ombudsman jikkunsidra n-nuqqas milli jiġi sodisfatt prinċipju bħala raġuni biex jilqa’ lment.

Il-fehma tal-Ombudsman

Il-prinċipji tas-servizz pubbliku mhumiex maħsuba biex jimponu obbligi legali jew dixxiplinarji fuq l-uffiċjali pubbliċi.

Barra minn hekk, dawn ġew abbozzati b’attenzjoni biex jesprimu l-ogħla aspirazzjonijiet għall-kondotta tal-uffiċjali pubbliċi, aktar milli biex jiddefinixxu, jidentifikaw jew jikkastigaw imġiba ħażina.

Dawn jistgħu jipprovdu punt ta’ referenza utli fir-rigward tal-ispirtu li fih għandhom jiġu interpretati u applikati r-regoli u l-kodiċijiet li fihom obbligi speċifiċi li jagħtu effett lill-prinċipji tas-servizz pubbliku.

L-Ombudsman għandu jqis il-prinċipji tas-servizz pubbliku fit-twettiq tal-mandat tiegħu u jistenna li l-istituzzjonijiet tal-UE jagħmlu l-istess. Madankollu, l-Ombudsman ifakkar li l-inkjesti tiegħu jikkonċernaw amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet tal-UE, u mhux il-kondotta ta’ uffiċjali pubbliċi individwali minn aspett dixxiplinarju.

3.1.4 L-ambitu ta’ applikazzjoni tal-prinċipji

Żewġ kontributuri rreferu għan-nota f’qiegħ il-paġna tat-titlu tal-prinċipji, li tispjega li t-terminu ”uffiċjal pubbliku” jirreferi għall-persunal tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji tal-UE li huma formalment magħrufa bħala “uffiċjali u impjegati oħra”.

Wieħed mill-kontributuri (SEAP) staqsa dwar jekk il-Kummissarji humiex inklużi u, jekk le, jixtieq li dan il-fatt jiġi ċċarat.

Il-kontributur l-ieħor, individwu, irrakkomanda li jiġi ddikjarat b’mod espliċitu, fl-interess tat-trasparenza, li l-Membri tal-Kummissjoni, l-Imħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Membri tal-Parlament Ewropew mhumiex uffiċjali pubbliċi tal-UE u li dawn jew ikunu ġew maħtura mill-Istati Membri tal-Unjoni, jew ikunu ġew eletti.

Il-fehma tal-Ombudsman

L-Ombudsman jaqbel li huwa importanti li jiġi ċċarat li l-Membri tal-Kummissjoni, l-Imħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Membri tal-Parlament Ewropew mhumiex “uffiċjali jew impjegati oħra” tal-Unjoni Ewropea fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal[4]. Barra minn hekk, l-obbligi tagħhom mhumiex stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk, dawn mhumiex inklużi fit-terminu “uffiċjali pubbliċi”, kif użat fil-prinċipji tas-servizz pubbliku.

Madankollu, ir-Regolamenti tal-Persunal jiddefinixxu kategorija ta’ “konsulent speċjali”[5], għal liema japplikaw ċertu dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal.

L-Ombudsman jikkunsidra li jkun xieraq li l-ispjegazzjonijiet relevanti jiġu inklużi fl-introduzzjoni li se takkumpanja l-prinċipji, minflok f’nota f’qiegħ il-paġna.

3.2. Dak li qalu n-nies dwar il-prinċipji abbozzati

3.2.1 Proposti għal prinċipji u temi addizzjonali

L-użu razzjonali tar-riżorsi/l-awsterità

L-Uffiċċju Kontra l-Frodi ta’ Katalunja ssuġġerixxa, bħala prinċipju addizzjonali (“awsterità”), li l-uffiċjali pubbliċi għandhom jimmaniġġjaw ir-riżorsi pubbliċi bi prudenza u jimmiraw għall-ekonomija, l-effiċjenza u l-effikaċja. L-Uffiċċju indika li Riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti[6] dwar kodiċi ta’ kondotta internazzjonali għall-uffiċjali pubbliċi diġà semmiet dan il-prinċipju: [l-uffiċjali pubbliċi għandhom jiżguraw li jwettqu d-dmirijiet u l-funzjonijiet tagħhom b’mod effiċjenti, effettiv u b’integrità, skont il-liġijiet jew politiki amministrattivi. Huma għandhom ifittxu f’kull ħin li jiżguraw li r-riżorsi pubbliċi għal liema huma responsabbli jiġu amministrati bl-aktar mod effettiv u effiċjenti.”

Proposta simili mill-Euclid issuġġeriet li jiġi ddikjarat li “l-uffiċjali tal-UE għandu jkollhom attitudni pożittiva biex isegwu l-prinċipji tal-effiċjenza, l-effettività, it-trasparenza, ir-responsabilità, il-konsistenza, it-teħid ta’ riskji, u t-tnaqqis tal-burokrazija (inkluż it-tnaqqis ta’ spejjeż amministrattivi)”[7].

Individwu propona li l-uffiċjali pubbliċi għandhom iressqu l-ħsarat jew id-difetti fl-amministrazzjoni għall-attenzjoni tas-superjuri tagħhom. B’mod partikolari, għandhom isiru proposti biex tiżdied il-produttività u jitnaqqsu l-burokrazija, l-ispejjeż amministrattivi u l-infiq pubbliku.

Dwar l-istess suġġett, il-Qorti tal-Awdituri enfasizzat, fil-kummenti ġenerali tagħha, l-importanza tal-użu razzjonali tar-riżorsi pubbliċi mill-uffiċjali tal-UE.

Il-Qorti semmiet ukoll li l-prinċipju ta’ mertu għandu jiggwida l-ħatra u l-promozzjoni tal-uffiċjali tal-UE.

Ir-responsabilità

L-Uffiċċju Kontra l-Frodi ta’ Katalunja ssuġġerixxa li l-prinċipju ta’ responsabilità  jista’ jiġi dedott mit-test kollu kemm hu u għandu jiġi identifikat separatament. Skont il-fehma tal-Uffiċċju, ir-rieda li wieħed jagħraf u jikkoreġi l-iżbalji (li d-dokument ta’ konsultazzjoni jinkludi bħala parti tal-prinċipju ta’ objettività) tista’ tifforma parti minn dan il-prinċipju.

Il-flessibilità u l-innovazzjoni

Il-Euclid issuġġerixxa l-identifikazzjoni tal-flessibilità u attenzjoni għall-innovazzjoni bħala prinċipji. Fil-qosor, dawn il-prinċipji jiddikjaraw li l-uffiċjali pubbliċi għandhom jadattaw regoli istituzzjonali biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet u l-ispirazzjonijiet taċ-ċittadini, għandhom jaħsbu fit-tul u għandhom ukoll jippromwovu l-innovazzjoni u l-prattiki tajba.

Skont il-fehma tal-Euclid, dawn iż-żewġ proposti għandhom jagħmlu referenza wkoll għall-għoti ta’ setgħat liċ-ċittadini, li jippermetti liċ-ċittadini biex jikkontribwixxu u jrawmu approċċ ta’ parteċipazzjoni.

L-iżvelar ta’ prattiki kontra l-liġi (whistleblowing)

Access Info Europe

… huwa essenzjali li l-uffiċjali pubbliċi ma jittollerawx prattiki korotti, parzjalità favur l-interessi privati, nuqqas ta’ integrità u trasparenza, jew nuqqas ta’ mġiba b’rispett u b’mod etiku.

Il-kontribuzzjoni mill-Access Info Europe ipproponiet li l-prinċipji għandhom jinkludu b’mod espliċitu, jew jirreferu għal, kemm il-protezzjoni ta’ dawk li jiżvelaw prattiki kontra l-liġi kif ukoll l-obbligu tal-uffiċjali pubbliċi biex jiżvelaw prattiki kontra l-liġi.

Kien hemm kontribuzzjoni minn individwu li wriet ukoll dispjaċir għall-omissjoni ta’ dikjarazzjoni ċara dwar kif l-uffiċjali pubbliċi għandhom jirreaġixxu “jekk isiru jafu bi kwalunkwe kondotta ħażina li qed tiġi moħbija minn istituzzjoni”.

Il-fehma tal-Ombudsman

L-Ombudsman jaqbel li l-użu razzjonali tar-riżorsi pubbliċi u l-mira biex jinkisbu l-ekonomija, l-effiċjenza u l-effikaċja huma ta’ importanza fondamentali għall-istituzzjonijiet tal-UE u għas-servizz pubbliku tal-UE. L-istess punt sar waqt il-konsultazzjoni li saret aktar kmieni man-Netwerk ta’ Ombudsmen Ewropej.

L-Ombudsman jirrikonoxxi wkoll l-importanza tal-kwistjoni tal-iżvelar ta’ prattiki kontra l-liġi.

Arranġamenti legali u istituzzjonali dettaljati għall-iżvelar ta’ prattiki kontra l-liġi u indirizzar bir-reqqa tar-riżorsi pubbliċi għandhom jinsabu fi strumenti bħar-Regolamenti tal-Persunal u r-Regolament Finanzjarju, kif ukoll f’diversi kodiċijiet.

L-Ombudsman ma jeskludix li strumenti addizzjonali u/jew ir-reviżjoni ta’ strumenti eżistenti jistgħu jkunu xierqa fid-dawl tal-prinċipji, u sabiex jingħataw effett sħiħ.

L-Ombudsman iħares lejn il-prinċipji tas-servizz pubbliku bħala dikjarazzjoni ta’ livell għoli tal-istandards etiċi li japplikaw għall-uffiċjali pubbliċi kollha. B’mod konformi ma’ dan l-approċċ, mhuwiex xieraq li jiġu inklużi elementi li japplikaw prinċipalment għal uffiċjali pubbliċi b’responsabilitajiet ta’ tmexxija, jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala obbligi tal-istituzzjonijiet, iktar milli ta’ kull uffiċjal pubbliku individwali

Huwa minnu li kull uffiċjal pubbliku għandu l-opportunità li jikkontribwixxi sabiex tiġi evitata l-ħela. Madankollu, ir-responsabilità ewlenija għall-użu razzjonali tar-riżorsi pubbliċi hija tal-istituzzjonijiet u tal-maniġers.

Fil-każ ta’ żvelar ta’ prattiki kontra l-liġi, ir-Regolamenti tal-Persunal jimponu obbligu fuq l-uffiċjali pubbliċi kollha biex jirrappurtaw kondotta ħażina[8]. Barra minn hekk, l-Ombudsman m’għandu l-ebda dubju li l-uffiċjali pubbliċi m’għandhomx jagħlqu għajnejhom quddiem imġiba ħażina li ssir minn ħaddieħor. L-Ombudsman jinnota wkoll, madankollu, li l-prattika internazzjonali mhijiex uniformi fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ obbligu legali speċifiku fuq l-uffiċjali pubbliċi biex jiżvelaw prattiki kontra l-liġi.

Għar-raġunijiet t’hawn fuq, l-Ombudsman jikkunsidra li ż-żieda ta’ referenza għal fiduċja pubblika fl-ewwel prinċipju (impenn – ara d-diskussjoni t’hawn taħt) flimkien mal-ewwel paragrafu tat-tieni prinċipju (integrità)[9], tindirizza dawn il-kwistjonijiet b’mod li hu xieraq u suffiċjenti, minħabba n-natura ta’ livell għoli tal-prinċipji.

L-Ombudsman huwa tal-fehma li l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet istituzzjonali li jagħtu l-opportunità lill-uffiċjali pubbliċi kollha biex ikunu flessibbli u innovattivi huwa r-responsabilità tal-istituzzjonijiet u tal-amministrazzjoni tagħhom. Bħala obbligu universali, jinħass li dawn il-kunċetti huma koperti b’mod suffiċjenti mir-referenza fit-tielet paragrafu (objettività) fejn l-uffiċjali pubbliċi jissemmew bħala li għandhom “moħħhom miftuħ”.

L-Ombudsman huwa tal-istess fehma fir-rigward tar-responsabilità għal: għoti ta’ setgħat liċ-ċittadini; trawwim tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini; u l-użu tal-mertu bħala l-kriterju għal ħatra ta’, u karrieri fi ħdan, l-amministrazzjoni pubblika. Safejn dawn ir-responsabiltajiet jimplikaw obbligi għal kull uffiċjal pubbliku, huma jiġu espressi b’mod suffiċjenti mill-prinċipji ta’ impenn (b’mod partikolari, mir-referenza addizzjonali għall-fiduċja pubblika – ara hawn taħt) u integrità.

Fir-rigward ta’ punt relatat, xi kontributuri użaw it-terminu “proattività” u l-Ombudsman kien qed jikkunsidra jinkludihx fil-prinċipji. Peress li mhuwiex ċar, madankollu, jekk jeżistix terminu wieħed ekwivalenti f’lingwi oħra, jidher li jkun aħjar jekk dan ma jsirx. (Għall-istess raġuni, il-prinċipji ma jużawx it-terminu “responsabilità”). Kif ġew riveduti, it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-ewwel prinċipju (impenn) jimplikaw approċċ proattiv u dan il-punt se jiġi enfasizzat mill-introduzzjoni għall-prinċipji.

3.2.2 Prinċipju 1 - Impenn lejn l-Unjoni Ewropea u lejn iċ-ċittadini tagħha

Il-Qorti tal-Awdituri kkunsidrat li jkun xieraq jekk tiġi miżjuda referenza għall-kompetenza tal-persunal tal-UE, li teħtieġ li l-uffiċjali pubbliċi tal-UE jġibu ruħhom dejjem b’mod professjonali u japplikaw l-ogħla standards professjonali fit-twettiq tax-xogħol tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet tagħhom b’mod kompetenti u imparzjali.

Il-Qorti tissuġġerixxi wkoll li għandha tissemma l-ħtieġa li l-uffiċjali tal-UE jżommu ruħhom indipendenti minn gruppi ta’ interess esterni u jżommu wkoll in-newtralità politika tagħhom. Bosta kontributuri oħra ħarġu b’punti simili.

L-Għaqda ta’ Professjonisti dwar l-Affarijiet Ewropej (SEAP) issuġġeriet li t-tielet paragrafu [10] jinqasam fi tnejn, peress li fih żewġ kunċetti differenti. Dan kieku jipprovdi wkoll l-opportunità biex il-frażi “l-għoti ta’ eżempju tajjeb” tintrabat ma’ “fiduċja”, kelma li ma tidher imkien ieħor fil-prinċipji, minkejja li tissemma fid-dokument ta’ konsultazzjoni.

L-ALTER-EU indikat li t-Trattat ta’ Lisbona jinkludi impenji globali. L-Access Info Europe ħareġ bl-istess punt u ssuġġerixxa wkoll li għandu jingħad li l-uffiċjali pubbliċi għandhom “jagħtu eżempju tajjeb lil ħaddieħor”, aktar milli sempliċement “jimmiraw biex” jagħmlu dan.

 

ALTER-EU

… it-Trattat ta’ Lisbona jieħu impenn għal żvilupp sostenibbli u jimplika responsabilità ċara għall-protezzjoni tal-interessi tan-nies u l-ambjent madwar id-dinja.

F’isem l-Unjoni ta’ Federalisti Ewropej, Andrew Duff MEP issuġġerixxa żieda fl-ewwel sentenza tal-ewwel prinċipju, sabiex tinqara hekk "… iservi l-interessi tal-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha fit-twettiq tal-għanijiet tat-Trattati."

L-Uffiċċju Kontra l-Frodi ta’ Katalunja esprima l-fehma li l-ewwel prinċipju jistabbilixxi l-obbligu tal-lealtà tal-uffiċjali pubbliċi lejn l-Unjoni Ewropea u lejn iċ-ċittadini li sservi l-UE, u ssuġġerixxa li ismu jinbidel biex jirrifletti dan.

Skont l-Uffiċċju, dan il-prinċipju għandu wkoll isemmi espressament ir-reġistrazzjoni u l-kustodja tad-dokumenti, kif ukoll it-trażmissjoni sussegwenti tagħhom lil dawk li jieħdu r-responsabilità ta’ din il-kwistjoni.

Il-fehma tal-Ombudsman

L-Ombudsman jaqbel mas-suġġerimenti tal-Qorti tal-Awdituri. Sabiex dawn jiġu implimentati, l-ewwel prinċipju se jiġi emendat biex jinkludi referenza għall-“ogħla standards professjonali”.

Fir-rigward tal-indipendenza minn gruppi ta’ interess esterni u n-newtralità politika tagħhom, l-Ombudsman iżid referenza għal “imparzjalità” fit-tielet prinċipju (objettività), kif ġie ssuġġerit min-Netwerk tal-Aġenziji tal-UE.

L-Ombudsman jaqbel mas-suġġeriment tal-SEAP biex il-”kapaċitajiet” u “l-għoti ta' eżempju tajjeb” jiġu indirizzati separatament.  Barra minn hekk, il-kelma “fiduċja” se tiġi introdotta f’dan l-aħħar kuntest, u l-kliem “jimmira biex” se jitneħħew.

L-Ombudsman jaċċetta wkoll il-punt li sar mill-ALTER-EU u l-Access Info Europe fir-rigward tal-irwol globali tal-UE. Fil-fatt, l-Artikolu 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jgħid hekk:

Fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, l-Unjoni għandha tafferma u tippromwovi l-valuri u l-interessi tagħha u tikkontribwixxi għall-protezzjoni taċ-ċittadini tagħha. Hija għandha tikkontribwixxi għall-paċi, is-sigurtà, l-iżvilupp sostenibbli tal-pjaneta, is-solidarjetà u r-rispett reċiproku bejn il-popli, il-kummerċ liberu u ġust, il-qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem b’mod partikolari dawk tat-tfal, kif ukoll għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, partikolarment ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.”

L-Ombudsman huwa tal-fehma li l-kliem addizzjonali ssuġġerit mill-Unjoni tal-Federalisti Ewropej, li jirreferi għall-għanijiet tat-Trattati, jissodisfa dan il-punt b’mod xieraq, u li mhuwiex xieraq li l-prinċipji tas-servizz pubbliku jenfasizzaw ċertu għanijiet speċifiċi.

Rigward is-suġġeriment biex jingħata isem ġdid lill-ewwel prinċipju bħala “lealtà”, l-Ombudsman ifakkar li wieħed mill-punti li saru matul il-konsultazzjoni preċedenti man-Netwerk ta’ Ombudsmen Ewropej kien li l-uffiċjali huma responsabbli għal, u għandhom jirrispettaw obbligu ta’ lealtà lejn, l-istituzzjonijiet li jaħdmu għalihom. Filwaqt li huwa kompletament konsistenti mal-lealtà istituzzjonali, l-ewwel prinċipju huwa maħsub biex iwassal idea differenti u usa’, li hija espressa b’mod xieraq permezz tal-kelma “impenn”.  

L-Ombudsman jaqbel mas-suġġeriment tal-Uffiċċju Kontra l-Frodi ta’ Katalunja li l-prinċipji għandhom jinkludu ż-żamma ta’ rekords adegwati. Il-Kumitat Ewropew tal-House of Lords (ir-Renju Unit) għamel suġġeriment simili fir-rigward tat-tieni prinċipju (integrità). Skont il-fehma tal-Ombudsman, iż-żamma ta’ rekords adegwati taqdi diversi skopijiet. L-Ombudsman jinkludiha bħala aspett tal-ħames prinċipju (trasparenza).

L-Ombudsman se jħassar ukoll il-frażi “għall-ebda skop ieħor” li tinsab fit-tieni paragrafu. Din l-istruttura negattiva mhijiex meħtieġa, minħabba li l-ewwel parti tas-sentenza tinkludi l-kelma “biss”.

3.2.3 Prinċipju 2 - Integrità

Dan il-prinċipju rċieva l-aktar kummenti mill-kontributuri. Ħarġu żewġ temi ewlenin mill-kummenti. L-ewwel nett, ħafna kontributuri jixtiequ jaraw il-kliem tal-prinċipju msaħħaħ. It-tieni, xi kontributuri, speċjalment uffiċjali pubbliċi individwali, mhumiex sodisfatti bil-kliem tar-raba’ paragrafu, li jirreferi speċifikament għall-allowances.

In-Netwerk tal-Aġenziji tal-UE ppropona li l-ewwel paragrafu jiġi fformulat mill-ġdid skont kif ġej; “għandhom iġibu ruħhom f’kull ħin skont l-ogħla standards ta’ integrità, imparzjalità, eċċ.” In-Netwerk issuġġerixxa wkoll li għandu jiġi ddikjarat li l-uffiċjali pubbliċi għandhom “jevitaw” kunflitti ta’ interess, minflok “jieħdu l-passi” biex jagħmlu dan.

L-Access Info Europe jgħid li d-dispożizzjonijiet huma pożittivi u importanti, iżda jgħid ukoll li huma vagi wisq. Dan irrakkomanda li jiżdied mal-prinċipji billi jiġi enfasizzat , jew referut għal, mekkaniżmu speċifiku li permezz tiegħu l-uffiċjali pubbliċi tal-UE għandhom jiddikjaraw kunflitti ta’ interess. Dan irrakkomanda wkoll li jiġi speċifikat “perjodu ta’ riflessjoni” ta’ mill-inqas 18-il xahar wara li dak li jkun jitlaq mill-kariga tiegħu qabel ma jimpenja ruħu f’attivitajiet oħra li jistgħu jikkostitwixxu kunflitt ta’ interess, jew ikun parti minn tip ta’ skema ta’ xogħol ibbażata fuq mudell ta’ “revolving door” .

L-SEAP irrakkomandat li l-kliem tal-prinċipju jiġi msaħħaħ billi jiġi miżjud li l-uffiċjali pubbliċi għandhom jiżvelaw kunflitti ta' interess meta dawn iseħħu, u li dawn għandhom jieħdu azzjoni rapida biex isolvuhom. L-SEAP issuġġeriet ukoll li jiġi speċifikat perjodu ta’ sena minn meta dak li jkun jitlaq mill-kariga tiegħu sa meta jimpenja ruħu f’attività bi ħlas li tista’ tkun tinvolvi kunflitt ta’ interess, jew li forsi tista’ tidher bħala li tinvolvi kunflitt ta’ dan it-tip.

L-ALTER-EU appoġġjat bis-sħiħ dan il-prinċipju u pproponiet li jiżdied paragrafu addizzjonali li jiddikjara li l-uffiċjali pubbliċi għandhom iżommu lura milli jimpenjaw ruħhom f’impjieg li jista’ joħloq kunflitti ta’ interess għal perjodu ta’ diversi snin u taħt l-ebda ċirkustanza m’għandhom jidħlu f’negozjati fir-rigward ta’ dawn l-impjiegi filwaqt li jkunu għadhom fil-kariga pubblika.

Il-Kumitat Ewropew tal-House of Lords (ir-Renju Unit) ippropona kliem addizzjonali sabiex jingħad li l-uffiċjali pubbliċi ma għandhom la jagħmlu użu ħazin mill-informazzjoni u lanqas jaċċettaw rigali.

Ir-raba’ paragrafu[11]

Il-Kumitat Ċentrali tal-Persunal tal-Kummissjoni iqis bħala ħaġa xokkanti l-fatt li l-uffiċjali pubbliċi jfittxu li jisfruttaw kemm jista’ jkun id-drittijiet tagħhom. Skont il-Kumitat, l-amministrazzjoni ssib li jew l-uffiċjal pubbliku jkollu dritt, jew li l-uffiċjali pubbliku ma jkollux dritt. Ir-Regolamenti tal-Persunal jagħmlu dispożizzjoni biex jindirizzaw il-każijiet ta’ tentattivi ta’ frodi u l-Kummissjoni għandha politika ta’ tolleranza żero, li ilha teżisti diversi snin.

Il-Kumitat tal-Persunal tal-Kunsill issuġġerixxa li mal-kliem tar-raba’ paragrafu tiġi miżjuda l-kelma “preċiżjoni” (justesse), sabiex jiġi ċċarat li l-uffiċjali pubbliċi mhux qed jiġu mitluba biex jagħtu rigali lill-istituzzjonijiet, iżda biex jillimitaw it-talbiet tagħhom għal rimborż tal-ispejjeż imġarrba waqt it-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.

Individwu ddikjara l-fehma tiegħu li r-raba’ paragrafu jirreferi biss għal ħlasijiet li jkunu saru waqt vjaġġi fuq xogħol u ssuġġerixxa li l-kelma “allowances” tista’ tagħti lok għal konfużjoni, peress li tirreferi wkoll għal xi partijiet tal-pakkett ta’ remunerazzjoni ġenerali, bħall-allowance għall-familja. Għalhekk, huwa ppropona li l-paragrafu għandu jirreferi għal “ħlasijiet”.

Il-fehma tal-Ombudsman

L-Ombudsman jaqbel li għandu jkun xieraq li jissaħħaħ it-tieni prinċipju billi jiġi miżjuda referenzi għal:

- l-aċċettazzjoni ta’ rigali (it-tieni paragrafu)

- prontezza fid-dikjarazzjoni ta’ interessi privati (it-tieni paragrafu)

- azzjoni rapida biex jissolvew il-kunflitti ta’ interess (it-tielet paragrafu).

L-Ombudsman jippreferi jżomm il-kliem li jgħid li l-uffiċjali pubbliċi għandhom “jieħdu l-passi biex jevitaw” kunflitti ta’ interess peress li juru l-ħtieġa tagħhom li jkunu proattivi, minflok sempliċement jirreaġixxu għas-sitwazzjonijiet malli jinqalgħu.

L-Ombudsman jifhem it-tħassib tal-kontributuri li enfasizzaw il-kwistjoni ta’ “revolving doors” u talab “perjodu ta’ riflessjoni” obbligatorju. L-Ombudsman jaqbel ukoll li l-kwistjoni ta’ dak li jistgħu jagħmlu l-uffiċjali pubbliċi wara li jitilqu mis-servizz pubbliku huwa biss parti mill-kwistjoni. Huwa għallinqas tal-istess importanza, jekk mhux aktar importanti, li jiġi evitat ir-riskju li l-kondotta tagħhom tiġi affettwata waqt li jkunu fil-kariga, jew tidher li tiġi affettwata, mill-prospett ta’ impjieg futur barra mis-servizz pubbliku. Madankollu, l-Ombudsman ma jikkunsidrax li dikjarazzjoni ta’ livell għoli, bħall-prinċipji tas-servizz pubbliku, huwa l-istrument adattat biex dawn il-kwistjonijiet jiġu rregolati b’mod dettaljat.

Fir-rigward tas-suġġeriment biex jiġi miżjud li l-uffiċjali pubbliċi “m’għandhomx jagħmlu użu ħazin mill-informazzjoni”, l-Ombudsman jikkunsidra li dan huwa kopert b’mod adegwat miż-żieda fl-ewwel prinċipju (impenn) li l-uffiċjali pubbliċi għandhom jagħmlu ħilithom biex jilħqu l-ogħla standards professjonali f’kill ħin.

Rigward ir-raba’ paragrafu, fejn jissemmew l-“allowances”, l-intenzjoni tal-Ombudsman kienet li jirreferi għall-ispejjeż, għall-benefiċċji u għall-allowances.

L-Ombudsman jaqbel li l-uffiċjali pubbliċi mhumiex mistennija li jagħtu rigali lill-istituzzjonijiet u li, skont ir-regoli applikabbli, huma għandhom kull dritt li jitolbu rimborż tal-ispejjeż imħallsa bħala parti mit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.

Madankollu, l-Ombudsman mhuwiex konvint mill-argument li d-dritt jew jeżisti jew ma jeżistix. Ir-regoli li jirregolaw il-benefiċċji, l-allowances u l-ispejjeż huma kumplessi, it-tifsiriet tagħhom mhumiex dejjem ċari u l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom xi kultant tista’ tipproduċi riżultati sorprendenti u mhux mistennija.

F’diversi okkażjonijiet, l-Ombudsman fittex li jikkonvinċi lill-amministrazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE biex japplikaw is-sens komuni u biex jiggwidaw ruħhom billi jsegwu l-prinċipju ta’ ekwità fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli finanzjarji għal każijiet speċifiċi. L-Ombudsman jibqa’ tal-fehma li, meta jiġu kklejmjati benefiċċji, allowances u spejjeż mill-amministrazzjoni, l-uffiċjali pubbliċi għandhom jadottaw approċċ raġonevoli, iktar milli wieħed massimalist.

Madankollu, l-Ombudsman jaċċetta li l-kliem tar-raba’ paragrafu jista’ jagħti l-impressjoni li l-għan tiegħu huwa l-frodi, meta dan mhuwiex il-każ.

Barra minn hekk, l-Ombudsman jikkunsidra, wara riflessjoni, li mhuwiex xieraq għal dikjarazzjoni tal-prinċipji ta’ livell għoli li tiffoka fuq il-qasam speċifiku ta' benefiċċji, allowances u spejjeż, u li dan jista’ jagħti impressjoni li l-Ombudsman jaħseb li hemm problema kbira f’dan il-qasam, meta lanqas dan ma huwa l-każ.

Għalhekk, ir-raba’ paragrafu se jiġi mħassar u r-referenza li wieħed jiġi ggwidat minn “sens ta’ regolarità” minflok se jiġi inkluż fl-ewwel paragrafu.

3.2.4 Prinċipju 3 - Objettività

In-Netwerk tal-Aġenziji tal-UE ssuġġerixxa li l-prinċipju ta’ objettività għandu jsemmi l-imparzjalità u n-nondiskriminazzjoni b’mod speċifiku. Il-Kumitat tal-Unjoni Ewropew tal-House of Lords (ir-Renju Unit) ippropona wkoll li jiġi ddikjarat b’mod espliċitu li l-uffiċjali pubbliċi m'għandhomx jiddiskriminaw, filwaqt li l-Assoċjazzjoni tal-Assigurazzjoni Ġermaniża u l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini rrakkomandaw iż-żieda ta’ referenza speċifika għall-imparzjalità.

Cleary, Gottlieb, Steen & Hamilton LLP iffokaw b’mod partikolari fuq id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni. Il-kummenti tagħhom esprimew il-fehma li l-objettività teħtieġ esperjenza u taħriġ adegwat. Dawn indikaw ukoll ir-riskji ta’ “preġudizzju tal-konferma” (jiġifieri t-tendenza li jingħata piż akbar lil argumenti u lil evidenza li jappoġġjaw il-fehmiet li jkunu diġà ntlaħqu b’mod proviżorju u li tiġi minimizzata jew injorata l-importanza ta’ argumenti u evidenza li jidhru li mhumiex konsistenti ma’ dawk il-fehmiet).

L-ALTER-EU ġibdet l-attenzjoni lejn il-perikli ta’ “qbid regolatorju” (jiġifieri awtorità regolatorja li taġixxi għall-benefiċċju ta’ dawk li suppost qed tirregola, aktar milli għall-interess pubbliku) u aċċess privileġġjat għat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Din ipproponiet li tissemma l-konsultazzjoni proattiva ta’ firxa ta’ diversi opinjonijiet u interessi, kif ukoll id-difiża attiva ta’ tħassib dwar l-interess pubbliku fir-rigward tal-lobbying.

L-Access Info Europe xtaq ukoll li jiżdied element proattiv billi jiġi ddikjarat li l-uffiċjali pubbliċi għandhom ifittxu opinjonijiet differenti  b’mod attiv u jinkoraġġixxu bis-sħiħ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Din l-organizzazzjoni xtaqet ukoll li tespandi t-tielet paragrafu biex fih jingħad li l-uffiċjali pubbliċi m’għandhomx jippermettu l-fatt li l-kondotta professjonali tagħhom tiġi influwenzata minħabba li  togħġobhom, ma togħġobhomx, jew għandhom xi konnessjoni ma’ persuna, assoċjazzjoni jew kumpanija, jew minħabba li jogħġobhom, ma jogħġobhomx, jew għandhom xi konnessjoni ma’ partit politiku jew gvern partikolari.

Il-fehma tal-Ombudsman

L-Ombudsman jaqbel li għandu jkun xieraq li jissaħħaħ it-tielet prinċipju billi jiżdiedu r-referenzi għal:

- l-imparzjalità (l-ewwel paragrafu)

- in-nondiskriminazzjoni (it-tielet paragrafu).

Fir-rigward tan-nondiskriminazzjoni, fil-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-prinċipji tas-servizz pubbliku l-Ombudsman jenfasizza li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju tat-trattamenti ugwali jew in-nondiskriminazzjoni għandu żewġ fergħat:

(i) sitwazzjonijiet simili m’għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti u

(ii) sitwazzjonijiet differenti m’għandhomx jiġu ttrattati bl-istess mod,

sakemm dan it-trattament ma jkunx ġustifikat b’mod oġġettiv fi kwalunkwe wieħed minn dawn il-każijiet.

It-tieni element, li hu ta’ importanza partikolari f’kuntesti amministrattivi, ta’ spiss jiġi injorat. Tabilħaqq, l-esperjenza tal-Ombudsman tinkludi ħafna każijiet fejn l-uffiċjali pubbliċi jidhru li jkunu assumew li l-prinċipju ta’ ugwaljanza jeħtieġ li jittrattaw lil kuħadd bl-istess mod, u li jinjoraw id-differenzi li jkun hemm bejn is-sitwazzjonijiet tagħhom.

Fir-rigward tas-suġġeriment biex jiżdied li l-uffiċjali pubbliċi m’għandhomx jippermettu l-fatt li l-kondotta professjonali tagħhom tiġi influwenzata skont jekk ikollhomx rabtiet ma’ assoċjazzjoni jew kumpannija, partit politiku jew gvern partikolari.Rigward is-suġġeriment li għandu jiġi miżjud li l-uffiċjali pubbliċi m’għandhomx jippermettu li “rabtiet ma’” assoċjazzjoni, kumpanija, partit politiku jew gvern partikolari jaffettwa l-kondotta professjonali tagħhom, l-Ombudsman jifhem l-objettiv maħsub tiegħu. Madankollu, il-kliem propost jista’ jinftiehem li jimplika li l-ewwel nett huwa aċċettabbli għall-uffiċjali pubbliċi li jkollhom rabtiet bħal dawn, li normalment ma jkunx il-każ.

L-importanza ta’ taħriġ fi kwistjonijiet etiċi diġà ġiet innotata (ara hawn fuq, it-taqsima intitolata “Ir-relazzjoni mar-regoli, il-kodiċijiet u l-proċessi eżistenti”).  L-Ombudsman jaqbel li taħriġ inizjali u ta’ waqt ix-xogħol ta’ livell xieraq jista’ jgħin ukoll biex jitnaqqsu r-riskji ta’ “qbid regolatorju” u ta’ “preġudizzju tal-konferma”.

L-Ombudsman jaqbel ukoll dwar l-importanza tal-adozzjoni ta’ approċċ proattiv rigward il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini. Tabilħaqq, kif emendat mit-Trattat ta’ Lisbona, it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li l-istituzzjonijiet kollha jżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u s-soċjetà ċivili. Sabiex tiżgura li l-azzjonijiet tal-Unjoni jkunu koerenti u trasparenti, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, għandha tagħmel konsultazzjonijiet wiesgħa mal-partijiet konċernati[12].

Madankollu, l-Ombudsman huwa tal-fehma li l-punti li jikkonċernaw taħriġ u proattività ma jeħtieġux bidliet fl-abbozz tal-prinċipji tas-servizz pubbliku minħabba li dawn jirrigwardaw ir-responsabiltajiet tal-istituzzjonijiet, iktar milli dawk ta’ kull uffiċjal pubbliku individwali.

3.2.5 Prinċipju 4 – Ir-rispett lejn ħaddieħor

L-Euclid u l-Kumitat dwar l-UE tal-House of Lords it-tnejn issuġġerew li tissemma l-azzjoni fil-ħin bħala aspett ta’ dan il-prinċipju. L-Organizzazzjoni Ewropea tal-Konsumatur (BEUC) għamlet proposta simili li tgħid li l-uffiċjali pubbliċi għandhom iwieġbu l-ittri mibgħuta u d-domandi magħmula mill-pubbliku “fi żmien raġonevoli”.

In-Netwerk tal-Aġenziji tal-UE ssuġġerixxa li tissemma d-diversità, biex tiġi rikonoxxuta d-dimensjoni kulturali tar-rispett.

Access Info Europe irrakkomandat li fil-ħames prinċipju (transparenza) tiġi miżjuda l-azzjoni fil-ħin fir-rigward ta’ talbiet, mistoqsijiet u lmenti miċ-ċittadini. L-SEAP għamlet suġġeriment simili.

L-Uffiċċju Kontra l-Frodi tal-Katalunja ssuġġerixxa li jiġi miżjud paragrafu fil-ħames prinċipju (transparenza) li jgħid li l-uffiċjali pubbliċi għandhom jesprimu ruħhom b’mod li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jifhmuhom mingħajr diffikultà.

Il-fehma tal-Ombudsman

L-Ombudsman jilqa’ b’sodisfazzjon is-suġġerimenti validi mid-diversi kontributuri li l-prinċipji tas-servizz pubbliku għandhom isemmu l-azzjoni fil-ħin.

L-Ombudsman jaqbel li l-azzjoni fil-ħin hija importanti b’mod partikolari għat-trasparenza. Fil-verità, ħafna lmenti lill-Ombudsman ikunu dwar dewmien biex jiġu ttrattati applikazzjonijiet ta’ aċċess għad-dokumenti. Madankollu, l-Ombudsman huwa konvint li, fil-kuntest ta’ responsabilità ġenerali individwali, bħala kunċett, l-azzjoni fil-ħin għandha tiġi kategorizzata taħt il-prinċipju tar-rispett lejn ħaddieħor. Il-kliem “azzjoni fil-ħin” għandu, għalhekk, jidħol fl-ewwel paragrafu ta’ dan il-prinċipju biex b’hekk jiġi jaqra: “L-uffiċjali pubbliċi għandhom jaġixxu b’rispett lejn xulxin u lejn iċ-ċittadini. Huma għandhom jaġixxu b’kortesija, ikunu ta’ għajnuna, jieħdu azzjoni fil-ħin u jkunu kooperattivi.”

L-Ombudsman jilqa’ wkoll is-suġġerimenti validi tal-Uffiċċju Kontra l-Frodi tal-Katalunja li l-prinċipji tas-servizz pubbliku jagħmluha ċara li l-uffiċjali pubbliċi għandhom jesprimu ruħhom b’mod li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jifhmuhom mingħajr diffikultà. L-Ombudsman jaqbel li din ir-responsabilità tista’ tiġi inkluża fil-prinċipju tat-trasparenza. Madankollu, bħala kunċett, hija tifforma parti wkoll mill-prinċipju tar-rispett lejn ħaddieħor, b’mod partikolari jekk tiġi abbinata mal-ħtieġa li jsir sforz biex jinftehem dak li ħaddieħor ikun qed jgħid. B’din iż-żieda, tabilħaqq tesprimi l-idea ta’ djalogu. Għalhekk, l-Ombudsman, se jżid paragrafu ieħor fil-prinċipju tar-rispett lejn ħaddieħor, kif ġej:Huma għandhom jagħmlu sforz ġenwin biex jifhmu xi jkun qed jgħid ħaddieħor u jesprimu ruħhom b’mod ċar, b’lingwaġġ sempliċi”.

L-Ombudsman jaqbel li l-apprezzament tad-diversità kulturali huwa aspett importanti tal-prinċipju tar-rispett lejn ħaddieħor. Mhux ta’ b’xejn il-motto tal-Unjoni Ewropea hu “magħquda fid-diversità”.[13] Madankollu, il-kunċett ta’ rispett għad-diversità huwa kumpless u jeħtieġ spjegazzjoni. Fil-fehma tal-Ombudsman, huwa għalhekk preferibbli li dan jiġi inkluż fl-introduzzjoni għall-prinċipji.

3.2.6 Prinċipju 5 – Trasparenza

Il-Qorti tal-Awdituri ssuġġeriet li jiġi kkjarifikat li dan il-prinċipju huwa bla ħsara għas-sigriet professjonali u għad-dritt tal-protezzjoni tad-data personali.

L-Euclid ippropona ż-żieda ta’ paragrafu ieħor li jgħid, “sabiex ikunu responsabbli quddiem iċ-ċittadini, huma għandhom ikunu aktar aċċessibbli u għandhom jippromwovu sistema ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni u tar-riżultati tagħhom”.

ALTER-EU ukoll ipproponiet paragrafu ieħor li jgħid li l-uffiċjali pubbliċi għandhom jirrappurtaw dwar l-“impronta leġiżlattiva” ta’ proposta, biex il-pubbliku jkun jista’ jifhem min ikun ipprova jinfluwenza l-leġiżlazzjoni, liema minn dawn il-kontributi tqiesu mill-uffiċjali pubbliċi bħala li huma ta’ użu (jew le) u r-raġunijiet għal dan.

Kif ġie msemmi hawn fuq, il-proposta li saret minn Access Info Europe biex jiddaħħal l-aspett ta’ azzjoni fil-ħin ġiet inkluża taħt ir-raba’ prinċipju (ir-rispett lejn ħaddieħor).

L-istess organizzazzjoni pproponiet ukoll li tissemma l-proattività, billi jiġi ddikjarat li l-uffiċjali pubbliċi għandhom jippubblikaw, b’mod proattiv, kemm jistgħu informazzjoni dwar il-funzjonijiet, ir-responsabilitajiet u l-attivitajiet tagħhom, inkluż informazzjoni dwar infiq u laqgħat, kemm interni kif ukoll esterni.

Il-fehma tal-Ombudsman

Kif ġie msemmi hawn fuq fid-diskussjoni tal-kummenti dwar l-ewwel prinċipju (impenn), is-suġġeriment tal-Uffiċċju Kontra l-Frodi tal-Katalunja u l-Kumitat Ewropew tal-House of Lords (ir-Renju Unit) li tissemma ż-żamma ta’ rekords adegwati se jiġi ttrattat bħala aspett ta’ trasparenza. It-tieni paragrafu tal-prinċipju għahekk jiġi jaqra: “Huma għandhom iżommu rekords xierqa u jilqgħu l-iskrutinju pubbliku tal-kondotta tagħhom, inkluża l-konformità tagħhom ma’ dawn[14] il-prinċipji tas-servizz pubbliku”.

Is-suġġeriment tal-Qorti tal-Awdituri li jiġi ċċarat li l-prinċipju tat-trasparenza huwa “bla ħsara għas-sigriet professjonali” huwa simili għall-proposta magħmula mill-Kumitat dwar l-UE tal-House of Lords b’rabta mat-tieni prinċipju (integrità) li l-uffiċjali pubbliċi “m’għandhomx jagħmlu użu ħażin mill-informazzjoni”. Fl-opinjoni tal-Ombudsman, dan l-aspett huwa kopert b’mod adegwat mill-kliem miżjud fl-ewwel prinċipju (impenn) li l-uffiċjali pubbliċi għandhom jagħmlu minn kollox biex jilħqu l-ogħla standards professjonali f’kull ħin.

Il-protezzjoni tad-data personali, bħad-dritt tal-aċċess għad-dokumenti, hija inkluża fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea[15]. L-Ombudsman ma jaħsibx li jkun xieraq li l-prinċipji dwar is-servizz pubbliku jirreferu speċifikament għal xi wieħed minn dawn id-drittijiet. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li, bħala prinċipju tas-servizz pubbliku, it-trasparenza ma toħroġx mid-dritt individwali ta’ aċċess għad-dokumenti. Din hija pjuttost prekundizzjoni għal governanza tajba u għar-responsabilità.

Fir-rigward tas-suġġerimenti li jiġu inklużi l-proattività u l-kontabilità, diġà ġie spjegat li l-prinċipji tas-servizz pubbliku jevitaw dawn il-kliem minħabba d-diffikultajiet ta’ traduzzjoni li jista’ jkun hemm f’lingwi oħra.

Is-suġġerimenti biex jissemmew l-aċċessibilità, il-promozzjoni ta’ sistema li timmonitorja l-prestazzjoni u r-riżultati u l-“impronti leġiżlattivi” jqajjmu suġġetti importanti. Madankollu, l-Ombudsman iqis li dawn huma marbuta mar-responsabilitajiet tal-istituzzjonijiet u l-uffiċjali pubbliċi anzjani fil-grad, u li mhumiex kwistjonijiet li jolqtu lill-uffiċjali pubbliċi kollha. Għal din ir-raġuni, l-Ombudsman ma jqisx li huwa xieraq li dawn jiġu inkorporati fil-prinċipji tas-servizz pubbliku.

4. Konklużjoni

Dan ir-rapport se jiġi tradott fil-lingwi uffiċjali kollha u se jkun disponibbli fuq il-websajt tal-Ombudsman. Il-verżjoni bl-Ingliż se tittella’ fuq il-websajt minnufih u wara jittellgħu l-verżjonijiet bil-lingwi l-oħra, hekk kif it-traduzzjonijiet isiru disponibbli.

L-Ombudsman beħsiebu jippubblika l-verżjoni finali tal-prinċipji, flimkien ma’ nota spjegattiva, fil-lingwi kollha, fl-ewwel parti tal-2012.



[1] Madankollu, anki jekk id-dikjarazzjoni hija intiża biex tkun kostruttiva, il-mod kif inhi mfassla jista’, minflok ma jżid il-fiduċja taċ-ċittadini fis-servizz pubbliku Ewropew, jixħet dubju serju fuq l-integrità nnifisha ta’ dan is-servizz.

Kull frażi fiha b’mod partikolari l-kelma “devraient”, fatt li għandu konnotazzjoni akkużatorja kbira ħafna. Dan il-verb jagħti l-impressjoni li s-servizz pubbliku Ewropew jagħti prova ta’ ġestjoni amministrattiva mill-agħar, ħaġa li ovvjament mhijiex il-każ. Huwa għalhekk li jidhrilna li l-mod kif inhu mfassal l-abbozz jista’ jittejjeb b’mod konsiderevoli billi jitneħħa l-verb “devraient” u billi fit-test kollu jintuża l-imperfett.

[2] Ir-Rapport ta’ Attività Annwali 2010 tad-DĠ tal-Kompetizzjoni http://ec.europa.eu/atwork/synthesis/aar/doc/comp_aar.pdf
isemmi dan il-Kodiċi. Ara speċjalment p.20.

[3] Il-Kummissjoni tispjega l-Valutazzjoni tal-Impatt bħala proċess li jħejji evidenza għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ għażliet politiċi possibbli billi tivvaluta l-impatt potenzjali tagħhom: http://ec.europa.eu/governance/impact/index_en.htm

[4] Formalment, ir-Regolament tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Impjegati Oħra tal-UE. Il-Kummissjoni għamlet disponibbli verżjoni konsolidata fuq il-websajt tal-Europa: http://ec.europa.eu/civil_service/docs/toc100_en.pdf.

[5] “L-impjegat li, minħabba l-kwalifiki eċċezzjonali tiegħu u minkejja li jeżerċita attivitajiet professjonali oħra, jitqabbad sabiex jagħti l-assistenza tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet jew b’mod regolari jew għal perjodi fissi, u li r-remunerazzjoni tiegħu titħallas mill-approprjazzjonijiet globali disponibbli għal dan il-għan fit-taqsima tal-baġit marbuta mal-istituzzjoni kkonċernata.” (L-Artikolu 5 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra).

[6] A/RES/51/59, it-28 ta’ Jannar 1997.

[7] Il-Euclid ippropona dawn il-kliem bħala żieda fil-Prinċipju 1 (“impenn”).  Madankollu, jidher li huwa xieraq li jiġi indirizzat hawnhekk.

[8] Ara l-Artikolu 22a.

[9] “L-imġiba tal-uffiċjali pubbliċi għandha dejjem tkun soġġetta għal skrutinju pubbliku mill-qrib.”

[10] “L-uffiċjali pubbliċi għandhom iwettqu l-funzjonijiet tagħhom bl-aħjar mod possibbli u għandhom jagħmlu ħilithom biex ikunu ta’ eżempju tajjeb għal oħrajn.”

[11] “Meta jikklejmjaw l-ispejjeż u l-allowances, l-uffiċjali pubbliċi għandhom jimxu b’sens ta’ proprjetà, iktar milli jfittxu li jimmassimizzaw il-benefiċċji tagħhom.”

[12] Ara l-Artikolu 11 (2) u (3).

[13] http://europa.eu/abc/symbols/motto/index_en.htm

[14] Il-kelma “dawn” iddaħħlet ukoll għal raġunijiet ta’ ċarezza.

[15] Ara l-Artikoli 8 u 42 tal-Karta u l-Artikoli 15 (3) u 16 tat-TFUE.