You have a complaint against an EU institution or body?

Sommarju tad-deċiżjoni tal-Ombudsman fil-każ 454/2014/PMC dwar il-prattika tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna li joffri traineeships mhux imħallsa fid-Delegazzjonijiet tal-UE

L-Ombudsman investigat il-prattika tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) li joffri biss traineeships mhux imħallsa fid-Delegazzjonijiet tal-UE. L-investigazzjoni ngħatat bidu minn ilment ta' ċittadina żagħżugħa tal-UE li kienet għadha kif lestiet traineeship mhux imħallas. Hi argumentat li l-prattika tal-SEAE tiddiskrimina kontra ż-żgħażagħ li ġejjin minn sfond inqas tat-tajjeb.

L-Ombudsman sabet li t-traineeships fid-Delegazzjonijiet tal-UE għandhom ikunu disponibbli għal firxa ta' persuni l-aktar wiesgħa possibbli - u mhux biss għal dawk li jistgħu jaffordjawhom. Fil-fehma tal-Ombudsman, traineeships mhux imħallsa jistgħu jwasslu għal sitwazzjoni diskriminatorja peress li huwa aktar probabbli li persuni li ġejjin minn sfond inqas privileġġat ma jkollhomx il-mezzi finanzjarji biex jidħlu għal tali traineeship. L-Ombudsman sabet li l-prattika tal-SEAE li ma jħallasx lit-trainees fid-Delegazzjonijiet tal-UE, tikkostitwixxi amministrazzjoni ħażina. Għaldaqstant hi rrakkomandat li l-SEAE jħallas lit-trainees kollha tiegħu, inklużi dawk fid-Delegazzjonijiet tal-UE, gratifika adegwata.

Fit-tweġiba għar-rakkomandazzjoni tagħha, l-SEAE informa lill-Ombudsman li issa talab fondi biex iħallas lit-trainees tiegħu fid-Delegazzjonijiet tal-UE u li fil-frattemp issospenda t-traineeships mhux imħallsa.

Mit-tweġiba tal-SEAE l-Ombudsman tifhem li hu qed jimpenja ruħu b'mod serju biex jagħmel dak kollu li jista' biex iħallas lit-trainees fid-Delegazzjonijiet tal-UE. Fl-aħħar mill-aħħar, skont l-SEAE, l-abbiltà tiegħu li jħallas tali trainees issa hija soġġetta għall-għoti mill-awtoritajiet baġitarji tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa minnu.  Għaldaqstant l-Ombudsman tagħlaq il-każ bil-konklużjoni li l-SEAE aċċetta r-rakkomandazzjoni tagħha.