You have a complaint
against an EU institution or body?

Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew li tistabbilixxi proposti wara l-investigazzjoni strateġika tagħha OI/8/2015/JAS li tikkonċerna t-trasparenza tat-Trilogi

Din l-investigazzjoni strateġika tikkonċerna t-trasparenza ta' parti informali importanti tal-proċess leġiżlattiv tal-UE, jiġifieri, it-trasparenza tat-“Trilogi”.

Iż-żewġ korpi leġiżlattivi tal-UE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, jippromulgaw leġiżlazzjoni wara proposta tal-Kummissjoni Ewropea. Matul dan il-proċess, iż-żewġ koleġiżlaturi, assistiti mill-Kummissjoni, ta' spiss jinnegozjaw fl-hekk imsejħa Trilogi, li huma laqgħat informali bejn ir-rappreżentanti tat-tliet istituzzjonijiet involuti. Matul it-Trilogu, il-Parlament u l-Kunsill jippruvaw jaqblu dwar test komuni, abbażi tal-pożizzjonijiet inizjali tagħhom, u wara ssir votazzjoni dwaru skont il-proċedura leġiżlattiva formali. It-Trilogi wrew li huma effettivi ħafna sabiex jintlaħqu tali ftehimiet, u l-biċċa l-kbira tal-leġiżlazzjoni issa tiġi adottata b'dan il-mod.

L-Unjoni Ewropea hija demokrazija rappreżentattiva, fejn iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jżommu lir-rappreżentanti tagħhom responsabbli mill-għażliet politiċi magħmula f'isimhom. Iċ-ċittadini għandhom id-dritt ukoll li jipparteċipaw fil-proċess demokratiku tal-UE. It-trasparenza tat-Trilogi hija element ewlieni sabiex jiġi żgurat li dawn id-drittijiet isiru effettivi u sabiex jiġu leġittimizzati l-liġijiet magħmula mill-UE. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ddikjarat li l-kapaċità taċ-ċittadini tal-UE li jkunu jafu bil-kunsiderazzjonijiet li huma l-bażi tal-azzjoni leġiżlattiva hija prekondizzjoni għall-eżerċitar b'mod effettiv tad-drittijiet demokratiċi tagħhom.

Filwaqt li l-proċess leġiżlattiv tal-UE b'mod ġenerali huwa pjuttost trasparenti, inkluż meta mqabbel ma' ħafna Stati Membri, din il-parti tal-proċess qajmet tħassib dwar il-bilanċ bejn l-effiċjenza tal-proċess tat-Trilogu u t-trasparenza tiegħu.

F’dan l-isfond, l-Ombudsman Ewropew fetħet investigazzjoni strateġika. Eżaminat liema informazzjoni u dokumenti jenħtieġ li jsiru disponibbli għall-pubbliku b'mod proattiv, u f’liema mument, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħmlu użu mid-drittijiet tagħhom.

It-trasparenza tat-Trilogu hija element essenzjali tal-leġittimità tat-tfassil tal-liġijiet tal-UE. Iċ-ċittadini jridu jkunu f'pożizzjoni li jiflu bir-reqqa l-prestazzjoni tar-rappreżentanti tagħhom matul din il-parti ewlenija tal-proċess leġiżlattiv. Iċ-ċittadini jeħtieġu wkoll informazzjoni dwar is-suġġetti li jkunu qed jiġu diskussi waqt it-Trilogi sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw b'mod effettiv fil-proċess leġiżlattiv.

L-Ombudsman tilqa' l-progress li sar s'issa fit-titjib tat-trasparenza tat-Trilogi; madankollu hija tipproponi li t-tliet istituzzjonijiet jagħmlu d-dokumentazzjoni u l-informazzjoni li ġejjin disponibbli pubblikament: Id-dati tat-Trilogu, il-pożizzjonijiet inizjali tat-tliet istituzzjonijiet, l-aġendi tat-Trilogu ġenerali, id-dokumenti “b'erba' kolonni”, it-testi ta' kompromess finali, in-noti tat-Trilogu li saru pubbliċi, il-listi ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi involuti u kemm jista' jkun lista ta' dokumenti oħra ppreżentati matul in-negozjati. Dawn kollha jenħtieġ li jkunu disponibbli fuq bażi ta' data konġunta li tintuża u tinftiehem faċilment. Filwaqt li wħud mid-dokumenti jistgħu jsiru disponibbli waqt li jkunu għaddejjin in negozjati tat-Trilogu, l-istituzzjonijiet jistgħu jqisu neċessarju fl-interess pubbliku li jipprovdu aċċess pubbliku proattiv għal ċerti tipi ta' dokumenti wara li jkunu ntemmu n-negozjati biss.